Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq ġodda

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17428, peress li l-Ministru diversi drabi jgħid li qed jintefqu l-miljuni ta' ewro biex isiru diversi xogħlijiet ta' toroq madwar Malta u Għawdex, jista’ jgħid jekk jekk Infrastructure Malta, li hi l-aġenzija tal-Gvern responsabbli minn dawn x-xogħlijiet, għandhiex records ta' kemm-il kilometru ta’ toroq ġodda jew bini mill-ġdid ta’ toroq saru mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari (għal kull sena separatament), kif ukoll jgħid: (a) kemm minnhom kienu toroq arterjali u distributorji; (b) kemm minnhom tlestew kompletament u liema minnhom għadhom mhux lesti; (c) f'każ ta' dawk it-toroq li għadhom mhux lesti, x'persentaġġ ta' xogħol fadal u meta jaħseb li ser jitlesta dan ix-xogħol; (d) x'tip ta' servizzi nbidlu (dawl, mains tal-ilma tax-xorb, mains tad-drenaġġ, eċċ.); (e) fejn saru water culverts u x'tulijiet ta' waterculverts saru f'kull triq; u (f) kemm kien stmat li tiġi tiswa kull triq u kemm fil-fatt ġiet l-ispiża?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn sitt domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv. Li hu żgur, li b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun it-toroq kollha fil-pajjiż se jsiru mill-ġdid, għax aħna l-wegħdi nżommuhom.

Triq minn ħdejn il-Bajja tax-Xemxija sa quddiem il-Knisja tax-Xemxija – bini mill-ġdid tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jara b’mod immedjat li Infrastructure Malta tibni mill-ġdid it-triq li tagħti minn ħdejn il-Bajja tax-Xemxija sa quddiem il-Knisja tax-Xemxija, liema triq għandha partijiet minnha li kontinwament qed jikkawżaw ħsarat lil numru ta’ vetturi, apparti perikli għas-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq arterjali, dan peress li fl-aħħar jiem anke kawża tax-xita li għamlet, l-istat ta’ din it-triq kompla jiddeterjora?.

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li sa seba’ snin ilu ftit li xejn kienu jinbnew toroq mill-ġdid, it-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna llum jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Il-Gvern qed jagħmel dan l-investiment bla preċedent permezz ta’ Infrastructure Malta, li min-naħa tagħha qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Din is-sena biss, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid jew tejbet madwar 120 triq differenti. Fl-istess waqt, qed twettaq l-akbar proġetti infrastrutturali li qatt rajna f’Malta, bħal Marsa Junction Project, il-mini ta’ Santa Luċija u Central Link Project, bejn Ta’ Qali u l-Imrieħel. Fil-każ tat-triq indikata, filwaqt li parti minnha diġà nbniet mill-ġdid, il-parti l-oħra kien sarilha xogħol ta’ manutenzjoni u tiswijiet minħabba li qabel ma tkun tista’ tinbena wkoll mill-ġdid f’din il-parti tat-triq iridu jitlestew xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art li jridu jsiru minn entitajiet terzi. Madankollu, minħabba li hemm parti minn Telgħet ix-Xemxija li riċentement iddeterjorat billi ġarrbet ħsarat estensivi kkaġunati mill-pedamenti dgħajfa tagħha peress li din hija mibnija fuq it-tafal, il-ġmgħa li għaddiet Infrastructure Malta bdiet xogħlijiet t’emerġenza biex tagħmel tiswijiet temporanji biex tneħħi l-perikli f’din it-triq. L-aġenzija hija kommessa li wara li jitlestew ix-xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tal-ilma u tad-drenaġġ taħt l-art li hemm ippjanati li jsiru fl-2021 mill-entitajiet konċernati, din il-parti tat-triq tibniha wkoll mill-ġdid bħalma qed tagħmel fil-każ ta’ diversi toroq oħrajn.

Tender għas-servizz ta’ ġarr tal-passiġġieri bil-baħar bejn il-Belt, Tas-Sliema u t-Three Cities

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid meta hu maħsub li se joħroġ it-tender għall-ġarr tal-passiġġieri bil-baħar bejn il-Belt Valletta, Tas-Sliema u t-Three Cities?

Response (BORG, IAN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, wara sejħa għall-offerti li kienet saret, permezz ta’ Kuntratt ta’ Servizz datat l-1 t’Ottubru, 2012 is-socjeta’ Marsamxetto Steamferry Services Limited kienet ingħatat id-dritt illi topera servizz għall-ġarr ta’ passiġġieri bil-baħar bejn il-Belt Valletta, tas-Sliema u l-Kottonera. Dan il-Kuntratt ta’ Servizz kellu terminu ta’ tmien snin. Permezz tal-imsemmi Kuntratt l-Awtorita’ kienet intrabtet illi tonora numru ta’ obbligazzjonijiet fosthom illi tibni numru ta’ Landing Places hekk kif stabbilit fl-imsemmi Kuntratt ta’ Servizz. Is-soċjeta’ Marsamxetto Steamferry Services Limited ghamlet talba mal-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta sabiex dan il-Kuntratt ta’ Servizz jiġi estiż għall-perjodu ta’ ħmistax-il (15) sena abbażi tal-fatt illi kien hemm dewmien biex jibda jingħata dan is-servizz minħabba proċeduri ġudizzjarji istitwiti minn terzi u kif ukoll minħabba n-nuqqas da parti tal-Awtorita’ illi tonora b’mod sħiħ u tempestiv l-obbligazzjonijiet tagħhom relattivament għall-proviżjoni ta’ dawn il-Landing Places filwaqt li rriżervat id-dritt li tfittex lill-Awtorita’ għad-danni. L-imsemmija soċjeta’ pproponiet li, in kontrokambju għal tali estensjoni taż-żmien, tagħmel investiment ta’ ħames miljun Ewro f’opri tal-baħar li huma environmentally-friendly, servizz ta’ trasport bla ħlas għall-passiġġieri bejn il-Landing Places u l-bini ta’ lift min-naħa ta’ Marsamxett sabiex tissaħħaħ il-konnettivita’ għall-benefiċċju ta’ kull min jagħmel użu minn dan is-servizz. Għalkemm indubbjament l-għoti tal-estensjoni mitluba soġġett għal dawn il-kundizzjonijiet kienet tissarraf f’ħolqien ta’ sistema ta’ konnettivita’ ħolistika għall-benefiċċju tal-pubbliku in ġenerali, din it-talba ma ġietx milqugħa da parti tal-Awtorita’ iżda minflok, anke sabiex jiġu tranżatti l-pendenzi kollha u tiġi evitata kawża għad-danni, ġie propost lill-Kabinett, u l-Kabinett aċċetta, illi t-terminu jiġi estiż biss għall-perjodu ta’ tliet (3) snin taħt l-istess pattijiet u kundizzjonijiet tal-Kuntratt tas-Servizz oriġinali b’dan illi Marsamxetto Steamferry Services Limited tirrinunzja għall-pretensjonijiet tagħha kollha għad-danni u tipprovdi servizz ta’ transport bla ħlas għall-passiġġieri bejn il-Landing Place tal-Belt Valletta, Tas-Sliema u l-Kottonera permezz ta’ żewġ vannijiet elettriċi. B’dan il-mod l-Awtorità nrexxielha tottjeni diversi kisbiet fosthom il-kontinwita’ tas-servizz, it-tisħiħ tal-konnettivita’ għall-benefiċċju tal-utenti ta’ dan is-servizz u dan mingħajr ebda ħlas u r-rinunzja għall-pretensjonijiet ta’ danni fil-konfront tagħha, u dan kollu mingħajr ma ngħatat estensjoni għal tul ta’ żmien kif kien qed jiġi mitlub mill-operatur iżda biss għal terminu qasir u raġjonevoli ta’ tliet snin. Għaldaqstant it-tender imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa maħsub li joħroġ meta joqrob it-tmiem tat-terminu tal-estensjoni u fi żmien utli sabiex tali servizz jibda, inn dak il-mument, jingħata minn dak l-operatur li jirbaħ tali tender.

Il-Mellieħa – Triq Ġorġ Borg Olivier – tiswijiet fil-water culverts

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Kunsill Lokali Mellieħa / Infrastructure Malta jagħmlu t-tiswijiet li hemm bżonn isiru fuq il-water culverts li hemm fi Triq Ġorġ Borg Olivier biex ma jkomplux joħolqu inkonvenjent għar-residenti li jgħixu fiż-żona, il-ħaddiema, is-sidien u l-klijenti tal-ħwienet fl-imsemmija triq?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.

Ix-Xemxija – Triq minn Xatt il-Pwales sa tarf it-Telgħa tax-Xemxija – kumpens għal ħsarat li ġarrbu vetturi li jgħaddu minn din it-triq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti assikurazzjoni li Infrastructure Malta ser tkun qed tagħti kumpens (tagħmel tajjeb) għall-ħsarat li qed iġarrbu l-vetturi ta' numru ta' individwi (sewwieqa) minħabba l-istat tal-biki li tinsab fih it-triq arterjali fix-Xemxija (minn Xatt il-Pwales sa tarf it-Telgħa tax-Xemxija), fejn infakkar li ilni kważi sentejn nitlob lill-istess Ministru sabiex Infrastructure Malta tibni mill-ġdid din it-triq arterjali?

Response (BORG, IAN)

Huwa tajjeb li l-Onor. Cutajar qed ifakkarna li wara li bħala parti mill-Oppożizzjoni ivvota kontra t-twaqqif ta’ Infrastructure Malta, minn meta twaqqfet kontra r-rieda tiegħu tgħidx kemm talab li din l-istess entità tagħmel xogħlijiet. Tajjeb li forsi fl-aħħar l-Onor. Cutajar qed jinduna li kien żbaljat meta ħadem biex din l-aġenzija li tant qed twettaq xogħol lanqas biss titwaqqaf. Ikun tajjeb ukoll kieku l-Onor. Cutajar jfakkar li l-poplu ilu ħafna aktar minn sentejn jitlob li t-Telgħa tax-Xemxija tinbena mill-ġdid. Fil-fatt, il-poplu kien ilu għexieren ta’ snin jittama li Gvernijiet preċedenti li kien jifforma parti minnhom l-Onor. Cutajar jieħdu bis-serjetà l-infrastruttura ta’ pajjiżna u jibdew jaħdmu biex ikollna toroq aħjar. Ikun tajjeb ukoll li l-Onor. Cutajar ifakkar li f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern diġa bena mill-ġdid parti mit-triq imsemmija filwaqt li wettaq tiswijiet estensivi tar-rotta sħiħa bejn San Pawl il-Baħar, ix-Xemxija u l-Mellieħa, hekk kif kelli ċ-ċans nispjega fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 17673 ta’ din l-istess seduta. Fil-fatt, kif diġa semmejt f’din it-tweġiba, din il-ġimgħa stess għaddejjin aktar xogħlijiet ta’ tiswijiet f’parti oħra ta’ din it-triq, sabiex tibqa’ sigura għall-pubbliku sakemm inkunu nistgħu nibnuha mill-ġdid b’mod sħiħ wara li l-entitajiet konċernati jlestu t-tqegħid ta’ diversi servizzi taħt l-istess triq. B’hekk, meta finalment nibnuha mill-ġdid, ma jkunx hemm għalfejn terġa’ tinqala’. Filwaqt li amministrazzjonijiet preċedenti qatgħu qalbhom minn din it-triq u s-servizzi taħt l-art li jridu jsiru fiha, Transport Malta, Infrastructure Malta u entitajiet oħra f’dawn l-aħħar snin diġa wettqu diversi xogħlijiet fiha u ser naraw li nibnuha mill-ġdid ukoll. Dan kollu qed isir bħala parti mill-investiment bla preċedent t’aktar minn €100 miljun fis-sena li qed twettaq Infrastructure Malta fit-toroq ta’ Malta, investiment li qed igawdu minnu l-familji u n-negozji kollha f’pajjiżna. Tajjeb nerġa’ nfakkar, li li kieku kien għall-Onorevoli Cutajar, minn dan it-titjib kollu fit-toroq tagħna, ma kien isir xejn. Huwa tajjeb li meta nibdew infakkru, infakkru kollox. Persuni li jġarrbu ħsarat fil-vetturi jew propjetà oħra tagħhom fit-toroq arterjali jew residenzjali jistgħu jressqu t-talbiet għal kumpens lil Infrastructure Malta jew lill-kunsilli lokali, skont il-każ. Kull talba tiġi investigata fl-iqsar żmien possibbli u jekk jinstab li l-ħsarat verament kienu kkaw¿ati minn nuqqasijiet fit-triq konċernata, it-talba tintlaqa’ sabiex jingħata l-kumpens ġust applikabbli.

Naxxar — Triq Francis Attard, Triq il-Konti Manduka, Triq il-Markiż Ċensu Depiro, Triq il-Milizzja Nafra u Triq is-Senaskalk – pjan

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan għat-toroq eżistenti u ġodda fiż-żona ta’ Triq Francis Attard, Triq il-Konti Manduka, Triq il-Markiż Ċensu Depiro, Triq il-Milizzja, Triq in-Nafra u Triq is-Seneskalk fin-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali. It-toroq indikati diġà kienu ppjanati mill-aġenzija biex jinbnew mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – Chairperson ta’ Bordijiet — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħtu minn mindu ġew maħtura?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru, hija kif murija fit-tabella segwenti; Dipartiment / Entita' / Agenzija: Isem tac-Chairperson Spejjez tas-Safar - Ammont Spejjez tal-Mowbajl - Ammont Spejjez tal-Fjuwil - Ammont Data minn meta beda jopera kull Bord GHRC Dr Stefan Zrinzo Azzopardi (non-Executive) €0.00 €804.0 €2,099.0 23.09.2017 - 21.08.2018 Dr Stefan Zrinzo Azzopardi (non-Executive) €0.00 €1,206.0 €2,872.2 22.08.2018 - 31.01.2020 Mr Anthony Agius Decelis (non-Executive) €0.00 €335.0 €1,800.5 01.02.2020 -30.10.2020 MATS LTD. Maj. (ret'd) Anthony Abela €0.00 €2,447.6 €2,274.0 June 2013 Yachting Malta Ltd. Mr. Godwin Zammit €0.00 €0.00 €0.00 29/04/2015 Mr. John Huber €8,090.88 €0.00 €0.00 29/04/2015

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm u lil min ingħataw direct orders mill-Ministeru tiegħu mill-2019 sal-lum?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni miġbura mid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Naxxar – Triq Santa Luċija u Triq E Muscat – miżuri biex inġenji kbar ma jgħaddux

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, wara li f’dawn l-aħħar ġranet trakk li għadda minn Triq Santa Luċija u Triq E Muscat fin-Naxxar għamel ħsarat f’gallariji minħabba li t-toroq huma antiki u dojoq, x’miżuri se jieħu l-Ministeru biex inġenji kbar ma jgħaddux minn dawn iż-żoni antiki tan-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta ħadet azzjoni immedjata billi implimentat numru ta’ rondi mill-uffiċjali tal-infurzar, sabiex inċidenti bħal dawn jiġu evitati, madankollu huwa diffiċli li jiġi allokat uffiċjal 24/7. Ma dan kollhu l-Awtorita’ ta Transport f’Malta ser tkun qed tiltaqa mal-Kunsill Lokali, biex tiddiskuti l-possibbiltà li t-toroq imsemmija, kif ukoll żoni simili, jkunu ristretti, milli jintużaw minn vetturi kbar.

Tender IM005/2020 Establishment of a Dynamic Purchasing System for the Construction and maintenance of roads in different localities in Malta and Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar it-tender IM005/2020 Establishment of a Dynamic Purchasing System for the Construction and maintenance of roads in different localities in Malta and Gozo u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-bidders (kuntratturi) li ssottomettew għal din it-tender? Jista’ jgħid ukoll x'toroq saru jew qed isiru permezz ta' din it-tender ġewwa Għawdex u Malta u x'toroq hemm ippjanati li jsiru permezz ta' din it-tender fil-ġimgħat li ġejjin ġewwa Għawdex u Malta?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 15621 f’Seduta 354 li saret mill-istess Onorevoli membru, il-bqija tat-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ix-Xemxija – Żona tal-Fekruna – attenzjoni u tindif

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-post/żona (wesgħa pubblika) magħrufa bħala l-Fekruna li jinsab fil-limit tax-Xemxija jingħata l-attenzjoni xierqa billi jitneħħa l-periklu li hemm u possibbilment jitnaddaf u jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.

Is-Siġġiewi — Triq il-Providenza - wiċċ ġdid tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta hiex beħsiebha tagħti wiċċ ġdid lil Triq tal-Providenza mill-Kappella tal-Providenza sad-Dar tal-Providenza fil-limiti tas-Siġġiewi?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru ikkonċernat.

In-Naxxar — Triq San Pawl - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq Triq San Pawl fin-Naxxar? Fiex wasal dan ix-xogħol? X'qed jikkawża d-dewmien fuq ix-xogħol imsemmi? MEta hu ppjanat li dan ix-xogħol jitlesta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-aġenzija bħalissa qed twettaq l-aħħar fażi tal-bini mill-ġdid ta’ Triq San Pawl fin-Naxxar, li testendi 1.3 kilometri bejn ir-roundabout fl-inħawi tat-Telgħa t’Alla u Ommu (Burmarrad) u r-roundaout li hemm fuq in-naħa l-oħra u li tgħaqqadha ma’ Triq il-Parroċċa u Triq il-Wied, l-Iklin. Ix-xogħlijiet bdew kmieni din is-sena u biex l-inkonvenjent għal kull min jużaha u għar-residenti jkun l-inqas possibbli, dawn tqassmu f’erba’ fażijiet billi f’kull fażi ssir parti mit-triq. Diġà tlestew tliet fażijiet u bħalissa qed issir l-aħħar fażi n-naħa ta’ fejn kienu l-Malta Trade Fair Grounds u hu mistenni li t-triq titlesta f’Diċembru. L-investiment ta’ €2.3 miljun li qed isir f’din it-triq jinkludi bini mill-ġdid tal-bankini u oħrajn ġodda, punti għall-qsim pedonali ġodda (pedestrian crossings) sabiex dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi jkunu jistgħu jaqsmu għan-naħa l-oħra tat-triq b’inqas riskji t’aċċidenti, tqegħid ta’ aktar minn 3 kilometri ta’ pajpiet taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u Internet, kif ukoll katusi tad-drenaġġ li biex saru uħud minnhom kellhom jitħaffru trinek ta’ madwar sular fond. Qed tinbidel ukoll is-sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita tal-istess triq wara li nstab li din ġarrbet ħsarat waqt xogħlijiet li saru fil-passat, bil-konsegwenza li kienet qed tikkawża problemi ta’ għargħar fit-triq u f’bini li hemm fil-viċin. Qabel ma nbdew ix-xogħlijet din is-sistema ġiet spezzjonata permezz ta’ cameras u rriżulta li fost ħsarat oħrajn kien hemm diversi partijiet minnha miżdudin u għalhekk kien hemm bżonn li tinbidel. Wara li tlestew dawn ix-xogħlijiet estensivi taħt il-livell tat-triq fl-ewwel tliet fażijiet, Infrastructure Malta saħħet il-pedamenti u għamlitilha wiċċ ġdid bl-asfalt. Kif jitlestew ix-xogħlijiet fl-aħħar fażi din ukoll tinkesa bl-asfalt u terġa’ tinfetaħ fix-xahrejn li ġejjin.

In-Naxxar — Triq il-Forġa - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol fuq Triq il-Forġa fin-Naxxar? X'tip ta' xogħol qed isir? Meta hu ppjanat li dan ix-xogħol jitlesta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed inwettquh b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Ix-xogħol tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Forġa fin-Naxxar beda fil-bidu t’Ottubru u se jsir f’żewġ fażijiet li mistennija jitlestew fl-ewwel kwart tal-2021. Ix-xogħlijiet jinkludu l-allinjament tat-triq kif speċifikat fil-pjanijiet lokali u tisħiħ tal-pedamenti tagħha, bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq u servizzi tat-telekomunikazzjoni li se jgħaddu minn taħthom, servizzi taħt l-art għall-provissta tal-ilma u finalment wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt.