Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gabbani li kienu jarmaw f'City Gate fil-Belt Valletta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-gabbani li kienu jarmaw f'City Gate il-Belt: a) waqt ix-xogħol fuq Bieb il-Belt; b) wara li l-bus terminus jiġi trasferit għall-foss ta' San Ġakbu; u ċ) wara li jsir ix-xogħol ta' pedestrianisation fejn illum hemm il-bus terminus?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li għalkemm mhux il-gabbani kollha eżistenti jidher li għandhom titlu validu skont il-liġi, l-ħsieb huwa li kemm jista' jkun possibbli dawn kollha jinstabilhom post alternattiv fil-proġett iżda taħt il-parametri li jippermetti l-istess proġett.

ID cards — sistema bijometrika

Question

B'referenza għall-pjan dikjarat tal-Gvern li jibdel l-ID cards eżistenti għal sistema bijometrika, jista' l-Ministru: a) jiddikjara meta effettivament se jibda dan il-proċess; b) jiddikjara kemm hu maħsub li se jiswa dan il-proċess u jekk hemmx Fondi Ewropej li se jingħataw dwar dan; ċ) jinforma l-Kamra jekk hemmx pajjiżi oħrajn li għandhom sistemi bijometriċi u fuq liema mudell ta' liema pajjiż se jitmexxa l-proċess; u d) jgħid effettivament xi storage ta' informazzjoni hemm fuq dawn il-cards hekk bijometriċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — Network Infrastructure Direcorate - periti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm periti jaħdmu ma' Network Infrastructure Directorate fi ħdan Transport Malta? X'inhu l-grad li jokkupaw u x'inhu salarju/allowances marbuta ma' kull grad?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ten-T — upgrading ta' erba' sections ta' toroq

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25752, jista' l-Minsitru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra: a) kopja tad-dokument tat- tender għal-lokazzjoni tat-toroq; u b) lista ta' ditti u kumpaniji li applikaw għat-tender tal-project management inkluż il-prezz li kkwotaw?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hija disponibbli minn fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Kuntratti, iżda f'każ li l-Onor. Interpellant jixtieq "hard copy" nitolbu jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Sejħa għall-proposti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25769, u b’referenza partikolari għas-sejħa għall-proposti li nħarġet f’Malta, jista' l-Ministru jikkonferma li d-data mogħtija, jiġifieri 18 ta’ Diċembru 2010, hi koretta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-data mogħtija fil-mistoqsija parlamentari nru. 25769 kellha tkun "18 ta' Diċembru 2009."

Ta' Xbiex — Qasam tal-Bini tal-Gvern - triq li trid tiġi irranġata

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata l-qagħda ħażina tat-triq li hija mimlija garaxxijiet li hemm wara d-djar tal-gvern fil-Qasam tal-Bini tal-Gvern Ta' Xbiex fejn jibda l-Housing Estate innifsu qrib l-Imsida, peress li r-residenti ġew infurmati li hija responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali u l-istess residenti ilhom jiktbu dwarha u anke ġabru petizzjonijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija hija nkluża fil-programm ta' toroq residenzjali li jridu jsiru.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — awtoritajiet, entitajiet u bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24770 u jagħti lista tal-awtoritajiet, entitajiet u bordijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? X’inhu n-numru ta’ persuni, inkluż chairman, li jservu fuq kull bord ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija? Kemm jitħallsu kull chairman u kull membru ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — xogħlijiet fuq bankini

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji, permezz ta' Transport Malta biex id-diversi xogħlijiet li jsiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, fejn jidhlu xogħlijiet fuq bankini, fil-fatt isir skont specifikazzjonijiet li għandha Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant huma xogħlijiet mwettqa mill-istess Korporazzjoni li jirrigwardaw xogħlijiet fuq servizzi ġodda mill-klijenti tagħha jew xogħlijiet oħra ta tiswijiet eżistenti. Dawn ix-xogħlijiet huma koperti bill-permess ta’ Transport Malta, liema permess ikopri xogħlijiet minuri u ta’ manutenzjoni. Dan il-permess jobbliga il-Korporazzjoni, permezz tal-istess kundizzjonijiet stipulati fil-permess u skond l-avviż legali 29/2010, biex treġġa lura l-wiċċ għall-istat oriġinali u għaldaqstant skond speċifikazzjonijiet ta’ Transport Malta. Jien tajt struzzjonijiet speċifiċi biex Transport Malta tiżgura li dan iseħħ billi anki tagħmel spezzjonijiet tax-xogħol li jkun sar mhux biss mill-WSC imma minn kull min jintervjeni fuq it-toroq. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi eżempji konkreti nitolbu jgħaddihomli.

Transport Malta — stallazzjoni ta' pelican lights

Question

Jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għadx fadlilha talbiet pendenti għal stallazzjoni ta' pelican lights, madwar Malta u Għawdex? Jekk iva, fejn huma dawn it-talbiet li għadhom pendenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25557.

Transport Malta — stallazzjoni ta' mirja u street furniture

Question

Jista l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-bord ta' Transport Malta li jikkonsidra talbiet għal stallazzjoni ta' mirja (u street furniture ieħor) fil-fatt għandux talbiet pendenti quddiemu biex jiġu stallati tali għamajjar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tal-Immaniġġjar tat-Traffiku bħalissa għandha 56 talba li jikkwalifikaw bħala għamara fit-triq u li qegħdin jiġu pproċessati, u minnhom hemm 15 li huma mirja tat-traffiku. Aktar dettalji jinsabu fid-dokument anness.

Bajjiet ristretti għall-użu tal-għawwiema

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li dan is-sajf ikun hemm żieda man-numru ta' bajjiet ristretti għall-użu tal-għawwiema, meta mqabbla ma' dawk tas-sena li għaddiet? Jista' jagħti tagħrif fejn se jkunu l-bajjiet li se jingħalqu (jiġu riservati) għall-għawwiema dan is-sajf?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan is-sajf se jkun hemm żieda ta’ tliet żoni riservati għall-għawwiema. Dawn huma Fond Għadir, ix-Xemxija – żona ‘l ġewwa mill-Beachaven, u l-Bajja ta’ San Ġorġ, Birżebbuġa. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi ż-żoni l-oħra eżistenti li jiġu riservati għall-għawwiema matul ix-xhur tas-sajf.

Transport Malta — Avjazzjoni Ċivili - radars

Question

Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar jekk is-sezzjoni ta' Transport Malta responsabbli mill-Avjazzjoni Ċivili għandhiex il-ħsieb li tbiddel xi wħud mir-radars li għandna bħalissa f'Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-materja in kwistjoni ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Trasport bl-ajru bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jkun hemm xi sejħiet ġodda għal dak li jikkonċerna trasport bl-ajru bejn Malta u Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — ħaddiema mhux Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mhux Maltin matul is-sena 2010, mad-Dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalità huma, kif ukoll x'inhu l-grad?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul l-2010 fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ġew impjegati żewġ ħaddiema mhux Maltin. Dawn kienu t-tnejn mir-Renju Unit u wieħed ġie mpjegat bħala Senior Manager u l-oħra bħala Flight Operation Inspector.

Bieb il-Belt — venda tal-karozzi tal-linja - gabbani

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-gabbani ta' Bieb il-Belt wara li l-venda tal-karozzi tal-linja se titneħħa u l-area se tiġi embellished?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 14770.

Uffiċċju tal-Land Registry — sistema aġġornata ta' pjanti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Uffiċċju tal-Land Registry iffinalizzax jew le l-eżerċizzju li kellu jagħmel biex ikun jista' jibda juża s-sistema aġġornata tal-pjanti li għaddiet lill-Land Reġistry mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Meta hu mistenni li jintemm dan l-eżerċizzju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-eżerċizzju sar u qiegħed issa fi stat li jiġu studjati l-misuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni sabiex jiġu nkorporati l-pjanti eżistenti ma' dawk aġġornati. Huwa maħsub li l-mapbase aġġornata tkun operativa f'Ġunju ta' din is-sena jekk ma' jinqalgħux problemi mmprevisti.

Xogħlijiet fit-triq mix-Xewkija għar-Rabat

Question

Peress li se jsiru x-xogħlijiet fit-triq mix-Xewkija għar-Rabat, u minħabba li fil-parti ta' din it-triq li qiegħda fix-Xewkija magħrufa bħala tal-ħniena u tal-barmil hemm periklu għar-residenti li jkollhom bżonn jaqsmu t-triq biex imorru għall-ħwienet u anke l-Knisja, jista' l-Ministru jgħid jekk hux maħsub li jsiru pelican lights jew xi mezz ieħor li permezz tiegħu n-nies ikunu jistgħu jaqsmu t-triq mingħajr periklu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bħalissa fi Triq l-Imġarr, Xewkija, bejn tal-Ħniena u tal-Barmil, hemm crossing waħda biss viċin il-knisja li tinsab fejn Triq l-Imġarr tagħqad ma’ Triq San Bert. Fil-proposta ta’ Triq l-Imġarr huwa maħsub li din il-crossing eżistenti tinżamm, u hemm ukoll maħsub pelican light faċċata ta’ Triq il-Bennejja, Xewkija, oħra fejn l-Università u waħda viċin fejn Triq l-Imġarr tagħqad ma’ Triq il-Mitħna.

Reġistru Pubbliku — divorzji minn barra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati divorzji minn barra fir-Reġistru Pubbliku bejn Jannar u April ta’ din is-sena, kull xahar separatament, u minn liema pajjiż? Jista' jgħid ukoll jekk xi ħadd mill-partijiet kienx barrani u jekk iva, minn liema pajjiż?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li l-informazzjoni ma tinżammx.

Żwieġ bir-reġistru jew bil-Knisja u bir-reġistru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li żżewġu bir-reġistru biss, jew bil-Knisja u bir-reġistru, bejn Jannar u April ta’ din is-sena, kull xahar separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar żwiġijiet li kienu reġistrati għall-perjodu ndikat mill-Onor. Interpellant.