Legislature:
Category:
Reset
Active:

Arms Ltd — Sospenzjoni tas-servizz tal-provvista tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-kontijiet kummerċjali li s-servizz tal-provvista tad-dawl u l-ilma tagħhom kienu sospiżi min-naħa tal-Arms Limited minħabba kontijiet pendenti bejn il-bidu ta’ Mejju 2011 u l-aħħar ta’ Awwissu 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Sospenzjoni tal-provvista tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm bejn il-bidu ta’ Mejju 2011 u l-aħħar ta’ Awwissu 2011 kienu dawk li kellhom kontijiet domestiċi li rċevew notifika uffiċjali min-naħa tal-Arms Ltd li kienu se jissospendulhom il-provvista tad-dawl u l-ilma tagħhom jekk ma jħallsux l-ammont mitlub fi żmien għaxart ijiem?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Kontijiet domestiċi — qtugħ fil-provvista tad-dawl u l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li kellhom kontijiet domestiċi li s-servizz tal-provvista tad-dawl u l-ilma tagħhom kienu sospiżi min-naħa tal-Arms Ltd minħabba kontijiet pendenti bejn il-bidu ta’ Mejju 2011 u l-aħħar ta’ Awwissu 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Serq ta' cable mill-extenstion tal-power station f'Delimara

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li ftit ġimgħat ilu nsteraq cable sħiħ li jiswa madwar €36,000 mis-sit tal-estensjoni tal-power station f'Delimara? X'tip ta' investigazzjoni qed issir?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi wara li fil-25 t’Awwissu 2011, ġie nnutat li cable instab nieqes mill-post fejn qed jiġu maħżuna il-cables tal-proġett tal-estensjoni tal-power station ta’ Delimara, il-Korporazzjoni nfurmat lill-Pulizija b’dan u nfetħet investigazzjoni mill-istess pulizija. Dan il- c able huwa proprjetà tal-kuntrattur li qed jibni il-proġett.

Enemalta — passi dixxiplinajri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' abbuż sesswali seħħ fil-Korporazzjoni Enemalta, matul dawn l-aħħar tliet snin, sena b'sena? X'passi dixxiplinarji ttieħdu fuq kull każ? Dawn il-każijiet ġew rapportati lill-Pulizija? Jekk le, għaliex u jekk iva, x'kien l-eżitu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar tliet snin kien hemm 4 każi ta’ abbuż sesswali fl-Enemalta. Każ fit-2009, żewġ każi fl-2010 u każ fl-2011. Fil- Każ ta’ 2009, il-persuna involuta dehret quddiem il-Bord tad-Dixxiplina ta’l-Enemalta. Din il-persuna kienet sospiża fuq nofs paga sakemm instema il-każ quddiem il-Bord tad-Dixxiplina u wara deċiżjoni mill-Bord tad-Diretturi ġie deċiż li l-flus mitlufa mill-impjegat waqt li kien sospiż ma jkunux irritornati lilu u li ma jibqax iżomm il-kariga li kellu qabel. Iż-żewġ każijiet ta’ l-2010 kienu jinvolvu biss natura verbali u wara li kien hemm rikonċiljazzjoni bejn il-persuni nvoluti, ma kienx hemm għalfejn jittieħdu ebda passi dixxiplinarji. Il-Każ ta 2011 se jidher quddiem il-Bord ta’ Dixxiplina tal-Korporazzjoni. Il-Pulizija kienet infurmata fil-każ li seħħ fl-2009, madankollu ma sabitx bażi biex ikomplu jmexxu l-każ. Fil-każjiet l-oħra ma sarx rapport lill-Pulizija għax l-inċidenti kienu ta’ natura verbali biss u l-vittmi ma ridux jirreferu l-każ lill-Pulizija.

Wires li jistgħu jkunu ta' periklu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi wires tal-elettriku fiż-żona li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li jistgħu ikunu ta' periklu u li jinsabu ħerġin minn residenzi privati għal xi artijiet fil-qrib b'konsegwenza li faċilment jista' jkun hemm inċident ikrah?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-area msemmija ġiet spezzjonata imma l-wires li semma' l-Onorevoli Interpellant ma nstabux. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jgħaddi indirizz specifiku dwar dan il-każ.

estensjoni tal-Power Station ta' Delimara — ġarr ta' Heavy Fuel Oil

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema pajjiż u f'liema landfill se jibda jittieħed l-iskart perikoluż li se joħroġ mill-użu tal-Heavy Fuel Oil fl-estensjoni tal-power station ta' Delimara? Kemm se jiswa l-ġarr u l-ħażna tiegħu u għal kemm snin hemm l-impenn li jittieħed dan l-iskart perikoluż? Liema kumpanija se tieħu ħsieb il-ġarr tal-iskart perikoluż?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 25912. Fil-każ tal-kuntratt eżistenti tal-iskart miċ-ċmieni ta’ Delimara u Marsa, l-iskart qed jiġi esportat lejn l-Italja biex jiġi pproċessat u wara jittieħed il-Ġermanja.

Power Station ta' Delimara — ħlas lill-BWSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset il-BWSC s'issa għax-xogħol tagħha fuq il-bini tal-estensjoni tal-Power Station ta' Delimara? Jista' jagħti rendikont għal liema xogħlijiet saru dawn il-ħlasijiet u xi ħlasijiet jonqosha tingħata l-BWSC għax-xogħol li jonqosha tagħmel fuq il-bini tal-estensjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s’issa l-BWSC għax-xogħol tagħha fuq il-bini tal-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara tħallset €152 miljun (VAT mhux inkluż). Ir-rendikont għal liema xogħolijiet saru dawn il-ħlasijiet huwa kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-teknoloġija li qed tiġi installata u li se tintuża fl-estensjoni tal-Power Station, flimkien mat-teknoloġija għall-qbid tal-iskart hija skont l-aqwa standards Ewropej. Il-Gvern huwa impenjat li jwettaq investiment li jtejjeb il-kwalità tal-arja fl-interess tas-saħħa tal-poplu Malti. Iżda l-obbligu li jaghmel dan ġej ukoll mill-finanzjament tal-investiment u mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Din l-estensjoni qed tiġi finanzjata fil-parti l-kbira tagħha mill-Bank Ewropew tal-Investiment, li jimponi regoli u standards stretti fil-proġetti li japprova l-għajnuna għalihom. Bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, Malta hi obbligata wkoll li tosserva regolamenti mill-aktar stretti fil-qasam ambjentali. L-impjant magħżul se jilħaq l-ogħla standards Ewropej, inklużi dawk tal-Ġermanja, kif anke ikkonfermat mill-Awditur-Ġenerali fl-investigazzjonijiet tiegħu. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħlasijiet li jonqosha tingħata l-BWSC għax-xogħol li jonqosha tagħmel fuq il-bini tal-estensjoni jammonta għal €13 miljun (VAT mhux inkluż).

interconnector bejn Sqallija u Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-interconnector bejn Sqallija u Malta? Kemm hu stmat li se jkun jiswa d-dawl li se jinġieb permezz tal-interconnector?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol konness mal-interconnector bejn Malta u Sqallija qed jipproċedi sew mal-programm tal-kuntratt. Bħalissa għaddejja ħidma fuq: 1. Id-disinn dettaljat tal-apparat ta' vultaġġ għoli ( switchgear , transformers u shunt reactors ) wara li ġew deċiżi parametri essenzjali sabiex tiġi operata s-sistema. 2. It-tħejjija ta’ environmental impact assessment għat- terminal station, għat-tħaffir ta' mina sabiex fiha jitqiegħdu cables mill-Magħtab għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni 132kV fil-Kappara, u għat-tqegħid tal- cables mill-Magħtab sat-tarf tal-ibħra territorjali Maltin. Dan ix-xogħol hu meħtieg sabiex joħorġu l-permessi kollha meħtieġa f'Malta ħalli jitwettaq il-proġett. 3. Il-ħruġ tal-permessi meħtieġa fl-Italja għat-tqegħid tal- cable fl-ibħra territorjali Taljani, għat-tqegħid tal-cables f'toroq li jwasslu minn Marina di Ragusa saċ-ċentru ta' distribuzzjoni 230kV fil-limiti ta' Ragusa fi Sqallija. Il-proċess diġa wasal fl-istadju ta' konsultazzjoni ma' entitajiet pubbliċi u mal-pubbliku. 4. Id-determinazzjoni tar-rotta preċiża fil baħar wara li tlesta survey preliminari minn kumpanija Taljana ghall-Enemalta u se jsir survey iktar dettaljat għall-kuntrattur tal- cable sottomarin. 5. Id-determinazzjoni tar-rotta preċiża tal- cables fit-toroq ġewwa Sqalllija wara li sar survey preliminari għall-Enemalta u ċerti żoni se jiġu studjati b'iktar reqqa fil-futur qarib. Il-prezz tal-elettriku li se jiġi mpurtat mill- interconnector se jiddependi fuq il-kundizzjonijiet ta’ meta jinxtara li wkoll japplikaw għall-ispejjeż tal-ġenerazzjoni lokali.

Power Station ta' Delimara — provvista tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx id-deċiżjoni jekk il-provvista tal-gass għall-power station ta' Delimara fis-snin li ġejjin hix se tkun permezz ta' pipeline? Jekk iva, meta hu maħsub li jibda x-xogħol fuq il-proġett tal-pipeline?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-possibilità li jiġi provdut il-gass għall-ġenerazzjoni għadha qed tiġi kkunsidrata. Għadu kmieni wisq biex jittieħdu deċiżjonijiet fuq it-tip ta’ infrastruttura li ħa tintuża, u fost l-oħrajn jiddependu fuq deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fuq livell Ewropew dwar x’finanzjament se jkun disponibbli għal proġetti bħal dawn.

Enemalta Elecricity Generation Plan — twettiq

Question

Peress li kważi ninsabu fin-nofs tal-perjodu li jkopri l-Enemalta Elecricity Generation Plan 2006-2015, jista' l-Ministru jgħid fejn wasal it-twettiq ta' dan il-pjan? X'fadal jitwettaq minnu? Fejn ġie segwit fir-rakkmandazzjonijiet tiegħu, fejn ma ġiex segwit u għaliex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Enemalta — arbli tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawk l-arbli tad-dawl li jinsabu mwaħħlin f'nofs il-bankini jinqagħlu minn fejn qegħdin u minnflokhom jitpoġġew arbli ġodda? Skont il-Korporazzjoni Enemalta kemm hu n-numru ta' arbli tad-dawl li jinsabu mwaħħla mhux kif suppost, fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Fejn qegħdin dawn l-istess arbli?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-arbli f’nofs il-bankina huma eċċezzjoni u dawn jeħlu hekk minħabba restrizzjonijiet minħabba servizzi oħrajn taħt l-art sakemm tinstab alternattiva oħra. Ma tinżammx lista ta’ dawn l-arbli, li jinqalgħu malli jkun hemm soluzzjoni oħra.

WSC — rapport ta' ħsara tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il rapport ta' ħsara tal-ilma daħal fuq is-sistema tar-rappurtaġġ ta' ħsarat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul l-aħħar tmien ġimgħat, għal dak li jirrigwarda San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn ir-rapporti ġew investigati u msewwija? B'mod partikolari x'follow up kien hemm għal rapporti ta' ħsarat fi Triq il-Wileġ, fejn il-ground tal-football u fil-front tal-Qawra, qrib ta' Fra Ben?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi huwa ġentilment mitlub jirreferi għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 28139 dwar l-ewwel żewġ punti ta’ din il-mistoqsija. Dwar Triq il-Wileġ, il-korporazzjoni rċeviet żewġ rapporti ta’ ħsarat – wieħed irriżulta fi bdil ta’ servizz tal-ilma (23 ta’ Awwissu) filwaqt li l-ieħor ma nstabux ħsarat (14 ta’ Settembru). Dwar il- front tal-Qawra, qrib ta’ Fra Ben, daħlu tliet rapporti, u fit-tliet każi kellhom jinbidlu servizzi tal-ilma (27 ta’ Lulju, 16 ta’ Awwissu u 25 ta’ Awissu).

Rapport ta' ħsarat tal-bozoz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif taħdem is-sistema ta' rappurtar ta' ħsarat tal-bozoz, liema ħsarat jiġu rappurtati minn individwi jew kunsilli lokali, għal dak li jirrigwarda, toroq lokali u toroq arterjali rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-rapporti tal-ħsarat tal-bozoz jidħlu għand is-sezzjoni tal-customer care tal-Korporazzjoni Enemalta minn diversi mezzi alternattivi. L-aktar li jintużaw huma: · Telefonati lill- freephone tal-ARMS u li jiġu mwieġba fil-Korporazzjoni; · Emails; u · Permezz ta’ sistema elettronika tal-Gvern tal- customer care magħrufa bħala eGov. Kull ilment jiġi mgħoddi mis-sistema kompjuterizzata tal-Korporazzjoni għand is-sezzjoni tal-manutenzjoni tal–bozoz minn fejn isir ix-xogħol. Meta ix–xogħol jitlesta l-informazzjoni tiddaħħal fis–sistema kompjuterizzata tal-Korporazzjoni u jekk l-ilment daħal permezz tas-sistema tal-eGov, tingħata risposta meta x–xogħol ikun sar.

Konsulenti Barranin mqabbda mill-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Air Malta qiegħda tqabbad konsulenti barranin fuq bażi temporanja jew taħt kuntratt definit biex jagħmlu rapporti ad hoc fuq diversi taqsimiet tal-kumpanija? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-iskop ta' dawn l-ingaġġi? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn il-konsulenti barranin b' tagħrif tar-renumerazzjoni tagħhom konsulent, konsulent?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din l-informazzjoni ma tistax tingħata minħabba li hija kummerċjalment sensittiva speċjalment f’dan iż-żmien ta’ ristrutturar tal-kumpanija.

KSI — sistema biex tissewwa l-ħsara rapportata

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi jittieħdu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex rapporti ta' ħsarat li jsiru fuq is-sistema tal-customer care jiġu segwiti u rranġati, fl-iqsar żmien possibbli? Kif jinżamm track ta' tali rapporti minn x'ħin jidħlu r-rapporti sa x'ħin tissewwa l-ħsara li tkun ġiet rappurtata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha sistema elettronika ta’ Customer Relations Management li fiha jiddaħħlu l-ilmenti kollha li l-Korporazzjoni tirċievi mill-pubbliku. Din is-sistema hija parti minn pakkett elettroniku imsejjaħ SAP li hija soluzzjoni rikonoxxuta mad-dinja kollha. Din is-sistema tirreġistra b’mod awtomatiku d-data u l-ħin li kull ilment jasal fil- call centre tal-Korporazzjoni. Jekk xi ħadd irrapporta dwar xi ħsara tal-ilma, dan il-każ jiġi trasferit immedjatament fir-reġġjun ikkonċernat, minn fejn jintbagħtu l-ħaddiema biex tissewwa l-ħsara. L-oġġettiv tal-Korporazzjoni hu li ħsarat jissewwew fi żmien 24 siegħa minn meta jiġu rrapurtati, għalkemm fix-xhur tas-sajf, dan mhux dejjem possibbli minħabba li l-volum ta’ ħsarat jiżdied sewwa. Ġaladarba l-ħsara tissewwa, l-ilment fuq is-sistema elettronika jingħalaq. Is-sistema tal- customer relations managemen t tinkludi wkoll rapporti li permezz tagħhom kontinwament jiġu analizzati l-ilmenti li jidħlu mill-pubbliku u jekk jibqa’ lmenti li ma ngħalqux fiż-żmien xieraq, dawn jiġu highlighted .

Vot rikorrenti tal-Ministeru għal Għawdex — item of expenditure

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa taħt kull standard item of expenditure tal-vot rikorrenti tal-Ministeru għal Għawdex għas-sena 2010 u sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Dipartiment tal-VAT - ġbir ta' VAT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm id-Dipartiment tal-VAT ġabar VAT minn Għawdex fis-sena 2010 u din is-sena sa Settembru?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT ġabar €12,000,446.68 fl-2010 u €8,801,746.50 minn Jannar sa Settembru 2011, bħala VAT mingħand persuni reġistrati bl-indirizz tagħhom reġistrat fuq Għawdex. Tajjeb wieħed jgħid li din mhix il-VAT kollha ġġenerata Għawdex, billi VAT fuq telekomukazzjoni, enerġija u servizzi oħra jisgħu jkunu klassifikati fuq indirizz Malti.

Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għar-rapport li Malta rċeviet aktar minn €700 miljun f'għajnuna mill-Unjoni Ewropea (taħt diversi fondi) bejn is-snin 2004 sa 2010, jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat fuq liema proġetti ġew allokati dawn il-fondi? Jista' jagħti d-dettalji sena b’sena u kull proġett jiġi identifikat u tingħata l-ispiża fuq kull wieħed mill-proġetti li għalih dawn il-fondi ġew allokati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Wied il-Għajn — Triq il-Baħħara - ħsara fid-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27878 u jara li l-ħsara fid-drenaġġ fi Triq il-Baħħara f'Wied il-Għajn tiġi rranġata minħabba li qed ikun hemm ħsarat u inkonvenjent fi djar privati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ħsara fi Triq il-Baħħara ġiet imsewwija. Il-Korporazzjoni qed tkompli bl-investigazzjonijiet flimkien mad-Dipartiment tas-Sanità biex tara hemmx xi sors ieħor ta’ infiltrazjoni.