Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birkirkara – Triq il-Passju – tneħħija ta’ arbli tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-arbli tad-dawl li hemm fi Triq il-Passju kantuniera ma’ Triq l-Arkati, Fleur de Lys, Birkirkara, li jinsabu fi stat perikoluż, u li ġew irrappurtati aktar minn darba, jitneħħew biex jiġi evitat xi inċident serju?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Ħal Balzan – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Ħal Balzan, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

L-Iklin – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq tal-Iklin, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Il-Mosta – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din l-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq tal-Mosta, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16859, peress li mhux qed tintalab ebda informazzjoni personali li tista' twassal biex ħaddiema jew individwi jiġu identifikati minħabba li din hija biss statistika, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari u jgħid mill-1 ta' Marzu 2020 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm ħaddiema tas-settur pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu li ħarġu bi kwarantina minħabba kuntatt ma' persuni bil-Covid-19?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16841 tas-Seduta 388.

Traħħis fil-liċenzji ta’ karozzi li jaħdmu bl-LPG

Question

Jista’ l-Ministru permezz ta’ Transport Malta jikkonsidra li tnaqqas il-liċenzja ta' karozzi li jaħdmu bl-LPG peress illi dawn għandhom emissjonijiet anqas minn dawk li jaħdmu bil-petrol jew bid-diesel?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waħda mil-miżuri tal-Budget għas sena d-dieħla u li ġiet approvata hija propju li kull vettura li tiġi konvertita sabiex taħdem bl-Autogas se jkollha l-liċenzja ta’ ċirkolazzjoni mnaqqsa awtomatikament b’10%.

Transport Malta – rapporti fuq karozzi li jdaħħnu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti fuq l-sms alert ta' Transport Malta fejn wieħed jista’ jinforma lill-Awtorità dwar karozzi li jdaħħnu, matul l-2019 u l-2020? Jista' jgħid kemm-il karozza ttellgħet għal test kaġun ta' dawn l-sms alerts mill-pubbliku? Jista' jgħid kemm-il karozza ġiet iċċertifikata li ma laħqitx il-livelli stabbiliti wara li saru dawn it-testijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt; 2019 2020 (till 3rd Quarter) Reported Vehicles 402 256 Vehicles called for Inspection 397 230 Failed Test 38 25 No Show 197 151 Additional Information: - Discrepancy between reported vehicles and vehicles called an inspection is due because, from date of report till date of appointment, vehicle was officially declared as garaged ( license & plates returned to TM ) or officially scrapped. Vehicles that have been garaged, will be due for an inspection prior de-garaging. - A 'Stop License' restriction is imposed for all vehicles that failed and/or ignored appointment for inspection ( no show ). Hence license will not be renewed prior a passed result is obtained.

Mezzi ta’ Trasport elettriċi, pubbliċi jew privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mezzi ta' trasport elettriċi, pubbliċi jew privati, li jiċċirkolaw fit-toroq Maltin sal-jum li fih tiġi mwieġba din id-domanda? Peress li dawn il-mezzi jaħdmu b'mod silenzjuż, jista' jgħid xi prekawzjonijiet ħa jew qed jieħu biex dawn il-mezzi ta' trasport ma jkunux ta' xkiel jew periklu għall-persuni neqsin mid-dawl mexjin fit-triq minħabba li kif inhu ovvju ma jistgħux jisimgħu l-ħoss tagħhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Bordijiet - attendenza ta' membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tiegħu matul din il-leġiżlatura?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Gozo Channel (Operations) Ltd – vjaġġi għall-merkanzija għall-Port il-Kbir – ksur tat-termini tal-Public Service Obligation

Question

Jista' l-Ministru jindika għaliex il-Ministeru qed jippermetti li l-Gozo Channel (Operations) Ltd tikser it-termini tal-Public Service Obligation li għandha u ma toperax vjaġġi għall-merkanzija għall-Port il-Kbir Marsamxett? Jista’ jgħid meta ser jitnieda Public Service Obligation ġdid ġaladarba dak attwali ilu li skada mill-2017? Intalab xi permess mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġi estiż it-terminu ta' dan il-Public Service Obligation?

Response (BORG, IAN)

Il-Ministru qiegħed jinforma lill-Onorevoli Interpellant illi mhu qed isir l-ebda ksur tal-Public Service Obligation mill-Gozo Channel (Operations) Ltd u s-servizzi mogħtija huma kollha abba¿i tal-istess Public Service Obligation. Ngħid ukoll li l-inter-island transportation għadu qed jiġi rregolat b’public service obligation favur Gozo Channel Transport Joint Venture. Il-Kummissjoni Ewropea hija konsapevoli ta’ dan l-istatus. Barra minn hekk, xtaqt ninfurmak li bħalissa għaddejjin il-preparamenti neċessarji biex it-tender in kwistjoni jiġi ppublikat fil-futur qarib.

Trasport ta’ passiġġieri u vetturi bejn il-Port il-Kbir u l-Imġarr – Public Service Obligation

Question

Jista' l-Ministru jindika għaliex ma ħarġietx sejħa għall-Public Service Obligation speċifika għat-trasport ta' passiġġieri u vetturi bejn il-Port il-Kbir u l-Imġarr, Għawdex barra dik li suppost ilha li ħarġet tliet snin ilu għat-traffiku bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17639 tal-istess Seduta.

Toroq – wisgħa ta’ lanes

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17429, peress li Infrastructure Malta, li hi l-aġenzija tal-Gvern responsabbli mill-bini mill-ġdid u manutenzjoni ta' toroq arterjali u distributorji, għandhiex records ta' kemm hu l-wisgħa ta' kull lane fit-toroq arterjali u distributorji li sar xogħol fuqhom (separatament għall kull triq) mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li sa seba’ snin ilu ftit li xejn kienu jinbnew toroq mill-ġdid, it-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na llum jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Il-Gvern qed jagħmel dan l-investiment bla preċedent permezz ta’ Infrastructure Malta, li min-naħa tagħha qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Din is-sena biss, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid jew tejbet madwar 120 triq differenti. Fl-istess waqt, qed twettaq l-akbar proġetti infrastrutturali li qatt rajna f’Malta, bħal Marsa Junction Project, il-mini ta’ Santa Luċija u Central Link Project, bejn Ta’ Qali u l-Imrieħel. L-informazzjoni li qed issir referenza għaliha tinsab fil-pjanti tal-proġetti konċernati u din hija disponibbli għall-periti tal-aġenzija kull meta jkollhom bżonn dan it-tip ta’ tagħrif.

Mass Transportation

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-istudji għal sistema ta' Mass Transportation f'pajjiżna u jpoġġi dawk li studji kollha li saru s'issa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid x'tip ta' studji saru u min ġie kkummisjonat biex saru dawn l-istudji u jekk dan sarx b'direct order jew b'tender pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qed jistudja din il-proposta u li fi żmien opportun tiġi ppreżentata għal Konsultazzjoni Pubblika wiesgħa.

Naxxar – Triq John Adye — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jsir ix-xogħol fuq Triq John Adye fin-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali. It-triq indikata li hi twila madwar 1.2 kilometri u li kienet fi stat ħażin ħafna ilha li tlestiet minn Novembru tal-2019, aktar minn sena ilu. Il-bini mill-ġdid ta’ din it-triq kien jinkludi tqegħid ta’ servizzi ġodda taħt l-art għall-provvista tal-ilma, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid bl-asfalt. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — ħaddiema infettati bil-Covid-19

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16841, il-Ministru jaf li Ministeri oħrajn wieġbu għal din il-mistoqsija għaliex mhux qed tintalab informazzjoni personali fuq ebda ħaddiem imma statistika ġenerali? Jistà jpoġġi l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija 16841 fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16841 tas-Seduta 388.

In-Naxxar — Manutenzjoni fuq taġġiera fi Triq Margaret A. Murray li tmiss ma' Triq Birguma

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir manutenzjoni meħtieġa minn Infrastructure Malta fuq tappiera perikoluża li hemm fil-parti ta' Triq Margaret A. Murray li tmiss ma' Triq Birguma fin-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li x-xogħol indikat kien diġà ppjanat minn Infrastructure Malta biex isir mill-aktar fis. Persuni li jkollhom diffikultajiet b’xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastructure Malta jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibgħatu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Konverżjoni – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel ix-xogħol meħtieġ biex jittranġa l-istat ħażin li tinsab fih Triq il-Konverżjoni f’San Pawl il-Baħar?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Telf ta’ aċċess għall-ilma tar-raba’ – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara x’jista’ jsir sabiex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ikun megħjun sabiex issa ladarba saret mill-ġdid Triq Buqana limiti tar-Rabat, u dan l-individwu tilef l-aċċess għall-ilma tar-raba’, tajjeb li jkun megħjun ikollu aċċess mill-ġdid għall-ilma tax-xita li jgħoli mill-culvert ta’ taħt it-triq? L-awtoritajiet ikkonċernati jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ dan l-individwu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Infrastructure Malta qed tikellem mal-persuna indikata biex tara jekk hux possibbli li t-talba tagħha tintlaqa’.

Rotta 110

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-Rotta 110 tgħaddi mir-rotta stabbilita tagħha meta titlaq mill-Marsa għall-Pembroke imma ma tgħaddix mill-istess rotta meta tkun sejra lura direzzjoni minn Pembroke għall-Marsa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li t-traġitt stabbilit fuq ir-rotta 110 huwa l-istess kemm mill-Marsa għall-Pembroke kif ukoll vice versa b’differenza waħda li hija fi triqitha minn Pembroke lejn il-Marsa minflok ir-rotta tgħaddi dirett minn Triq Sir Adrian Dingli l-ewwel tgħaddi minn Triq it-Torri, tipproċedi għal taħt il-mini ta’ Tigne, il-Ferries ta’ Ta’ Sliema u imbgħad iddur lura għal Triq Sir Adrian Dingli.