Legislature:
Category:
Reset
Active:

kumpens għal min jixtri affarijiet li huma energy savers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nies ibbenifikaw minn xi kumpens għal oġġetti mixtrija li huma energy savers? Kemm ħallset flus l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi? Kemm hemm każi li ġew rifjutati u għaliex? L-Awtorità taċċetta affidavits jew kopji ta' rċevuti ġaladarba dawn l-irċevuti ntbagħtu għal-lotterija tal-VAT ukoll?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — skemi u inizjattivi għall-Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12377 u jgħid x'inhi l-politika tal-ministeru tiegħu fejn jidħlu kunsilli lokali? X'kuntatt hemm bejn il-ministeru tiegħu u l-kunsilli lokali? X'inizjattivi/skemi għandu l-ministeru tiegħu vis-a-vis il-kunsilli lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru l-politika tal-Ministeru rigward il-Kunsilli Lokali hi dik adottata mill-Gvern kollu jiġifieri kollaborazzjoni u kooperazzjoni sħiħa kull fejn jinħass il-bżonn jew fejn issir xi talba. Isiru diversi kuntatti mal-Kunsilli Lokali kollha minn numru ta’ dipartimenti u entitajiet fi ħdan il-Ministeru. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet jkollu diversi talbiet għal xogħol minn Kunsilli bħal p.eż. xogħol ta’ elettriku, plumbing, ħadid u njam kif ukoll għal-tindif ta’ widien u culverts. Il-WasteServ taħdem bis-sħiħ fi skemi ta’ skart separat flimkien mal-Kunsilli u l-privat. Bħalissa qed jinħass li wasal iż-żmien lit-tmexxija tal-Bring-in sites tgħaddi f’idejn il-Kunsilli Lokali sabiex dawn jibenefikaw mill-ġbir ta’ skart separat li jittieħed għar-riċiklaġġ. Minbarra hekk, taħt il-Pjan għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013 hemm numru ta’ miżuri fejn il-Kunsilli Lokali jistgħu jibbenefikaw permezz ta’ proġetti u inizjattivi fil-lokalitajiet rurali Maltin u Għawdxin. Numru ta’ miżuri diġà nħarġu filwaqt li oħrajn qegħdin fil-proċess li jiġu mnedija.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — ċifra globali għall-fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra globali għall-fuels li tħallset mill-Ministeru, dipartimenti u dekasteri/korporazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt l-Ministeru matul l-2009 rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat liċ-ċifra globali għall-fuels li tħallset mill-Ministeru, dipartimenti u dekasteri/korporazzjonijiet/entitatjiet, jiġifieri il-Biċċerija, Dipartiment ta’ l-Agrikoltura, l-BICC, id-DCS, l-EU Affairs, id-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura, il-Ministeru, id-dipartiment tal-esplorazzjoni għaż-żejt, PARK, l-Aġenzija tal-Ħlas, l-uffiċju tas-Segretarju Permanenti, Plant Health, id-Dipartiment tal-Programmi u Inizjattivi, Id-direttorat għall-Promozzjoni u Informazzjoni, RAPA, BED, CMD, CSD, DG Services, FMD, MSD – Kordin, MSD – Marsa, Uffiċju tad-DG Works, People Management, Vet Affairs & Fisheries, Wasteserv, MCST, u MRA u li jaqgħu taħt il-Ministeru, matul l-2009, u li jinkludu l-vetturi kollha (light cars, vanijiet, trukkijiet, bowsers, eċċ..) kienet ta’ € 936,919.94.

Insetti ġodda li qed jagħmel ħsara lill-prodotti agrikoli

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-insetti ġodda li ġew identifikati bħala li qed jagħmlu ħsara lill-prodotti agrikoli fl-ucuħ tar-raba' f'Malta u f'Għawdex? X' miżuri qed jieħu l-ministeru biex jassigura li dawn l-insetti ma jkomplux jinfirxu madwar il-Gżejjer Maltin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat lit-Tuta absoluta, baħrija li tattakka t-tadam, hija l-insett ġdid li ġie rrapurtat fil-gżejjer Maltin għall-ewwel darba f’April ta’ l-2009 u li qiegħed jagħmel ħsara lill-uċuħ tar-raba’ b’mod partikolari lit-tadam. Jidher mill-esperjenza ta’ pajjiżi Membri oħra li din il-baħrija diffiċli tiġi eradikata. Madankollu sabiex l-insett jiġi kkontrollat, ittieħdu u qed jittieħdu diversi miżuri. Id-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti ħareġ Avviz Legali (A.L. 26, 2010) dwar il-kontroll ta’ din il-baħrija. Inħareg ukoll fuljett fejn ingħatat informazzjoni dwar l-insett u d-Dipartiment qiegħed jorganizza diversi laqgħat għall-bdiewa li jkabbru t-tadam. Hemm imfassal ukoll pjan ta’ kontroll li jinkludi għajnuna sabiex jiġu kkontrollati dawn l-insetti. L-ispezzjonijiet ser jibqgħu għaddejjin minn naħa tad-dipartiment. Bħalissa d-dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti qed jagħmel eżerċizzju ta’ reġistrazzjoni għal kull min ikabbar u jipproduċi t-tadam li jinkludi bdiewa, mixtliet, importaturi u individwi li jkabbru t-tadam għall-użu tagħhom personali fil-gżejjer Maltin bejn Frar u Awwissu tal-2010. Din ir-reġistrazzjoni qed issir skont l-Avviż tal-Gvern nru. 79 tat-22 ta’ Jannar 2010 u tagħlaq fit-12 ta’ Frar 2010. L-għan ta’ din ir-reġistrazzjoni huwa sabiex tingħata għajnuna għall-kontroll tal-Baħrija tat-Tadam. Permezz tal-informazzjoni li tinġabar minn din ir-reġistrazzjoni, d-Dipartiment jkun jista’ jimplementa aħjar il-programm ta’ kontroll għall-Baħrija tat-Tadam.

Spezzjonijiet fuq siġar u pjanti li ġejjin minn barra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema spezzjonijiet partikulari qed isiru fuq siġar u pjanti li qed jidħlu fis-suq Malti minn barra, kemm fil-każ ta' pjanti li ġejjin mill-Unjoni Ewropeja, kif ukoll fil-każ ta' pjanti li ġejjin minn pajjiżi oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti jispezzjona dawk il-pjanti u prodotti tagħhom li jinsabu msemmija fl-Iskedi VA u VB tal-Avviż Legali 97/2004 u l-emendi tagħha, kif ukoll l-Annessi VA u VB tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea 2000/29EC u l-emendi tagħha. Fil-każ ta’ pjanti u prodotti tagħhom li jiġu mill-Unjoni Ewropea, dawn jiġu spezzjonati fil-post ta’ destinazzjoni , waqt spezzjonijiet li jsiru fil-mixtliet u l-garden centres. Spezzjonijiet fuq pjanti u prodotti tagħhom li ġejjin minn Pajjizi Terzi, jsiru jew fil-Border Inspection Posts jew fil-post ta’ destinazzjoni. Dawn jinkludu żerriegħa tal-Cruciferae, Graminae, Trifolium triticum, Capsicum, Medicago, Allium u oħrajn li huma mniżżla fil-parti B tal-Iskeda V numru 1 ta’ l- Avviż Legali. Bħala frott li jiġi spezzjonat hemm iċ-ċitru kollu, Momordica, Solanum melongena, Annona, Cydonia, Diospyrus, Malus mangiferta, Passiflora, Prunus, Psidium, Pyrus , Vaccinum, Ribes, Sygium. Barra dan jiġu wkoll spezzjonati diversi tipi ta’ injam kif ukoll ċana u anki pallets u materjal ieħor li jintuża bħala support.

Tneħħija ta' Siġar tal-Palm mejjet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex id-diversi palm li miet madwar Malta u li s'issa għadu ma tneħħiex, jitneħħa minn fejn qiegħed?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li permezz tad-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti kif ukoll dak tad-Dipartimanent tal-PARK qiegħed isir dak kollu neċessarju biex il-palm mejjet jitneħħa. Minn naħa tad-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti, meta tkun saret spezzjoni fi-propjeta privata jinstab li palma trid tiġi maqlugħa jintbgħat Avviż ta’ Infurzar (Enforcement notice) lil individwu u uffiċjali mill-istess dipartiment jkunu preżenti waqt il-qlugħ.

Rapport ta' Lahmeyer International — Energy Interconnection Malta-Europe

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-rapporti li skond il-mistoqsija parlamentari 4530, Lahmeyer International għamlet f’isem l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi dwar Energy Interconnection Malta-Europe?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 13557.

Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi — SEA fuq l-energy policy

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi kkummissjonat Strategic Environmental Assessment fuq l-energy policy? Meta ġie mniedi dan il-proċess u minn min qed isir l-iStrategic Environmental Assessment? Sa meta huwa mistenni li tiġi ikkonsolidata l-energy policy tal-pajjiż kif imwiegħed mill-istess Ministru nhar l-14 ta' Diċembru 2009 permezz tal-mistoqsija parlamentari 13142?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat lit- tender għal konsulenza tas-Strategic Environmental Assessment (SEA) fuq l- energy policy ġie ppublikat fis-7 ta' Settembru 2009. Il-kuntratt ġie ffirmat fit-30 ta' Novembru 2009 u l-proċess mistenni jieħu madwar sena. Wara dan il-proċess l- energy policy tkun tista' tiġi kkonsolidata.

Sussidju fuq il-produzzjoni lokali tal-ħalib frisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li tħallset f'sussidju fuq il-produzzjoni lokali tal-ħalib frisk matul is-sena 2009 abbażi tal-SMPPMA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat lis-sussidju li tħallas matul l-2009 fuq ħalib frisk kien ta’€ 1,318,101.47

Sussidju tal-produzzjoni lokali taċ-ċanga friska

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li tħallset f'sussidju fuq il-produzzjoni lokali taċ-ċanga friska matul is-sena 2009 abbażi tal-SMPPMA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Biċċerija — ċifra globali tal-fuel

Question

Jista' l-Ministru jagħi breakdown staġun bi staġun ta' kemm kienet iċ-ċifra globali tal-fuel li ntuża fil-biċċerija matul l-2009 rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Proġett tal-Qortin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’sar matul l-2009 fuq il-proġett ta’ “il-Qortin”, ix-Xagħra Għawdex? Fiex jikkonsisti dan il-proġett? X’jonqos isir u meta mistenni li jitlesta? Kemm kienet in-nefqa ta’ dan il-proġett s’issa u kemm hija mistennija li tkun in-nefqa totali tal-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat lix-xogħol fuq il-proġett ta’ “il-Qortin”, jinstab fi stadju avvanzat ta’ proġettazzjoni. Ix-xogħol relatat ma' dan il-proġett huwa finanzjat mill-fondi ta’ koeżjoni 2007-2013. Id-disinnji finali tlestew, u l-Full Development Application ġiet sottomessa lill-MEPA fil-bidu ta’ Ottubru 2009. L-applikazzjoni għall-fondi qiegħda ukoll fi stadju avvanzat, tant li ġa ġiet eżaminata mill-PSC (Project Selection Committee). In-nefqa fuq dan il-proġett għal xogħlijiet marbutin mad-disinn finali u fuq xogħol relatat mal-permess ta’ l-iżvilupp s’issa kienet ta’ madwar €70,000. Fix-xhur li ġejjin mistenni li jibda x-xogħol ta’ ri-vegetazzjoni, b’sistema ta’ Engineered Capping u Restoration Soils. Ix-xogħol preparatorju għall-ħruġ tat-tender għal dan, qiegħed fi stadju avvanzat. In-nefqa totali sa l-2013 hija stmata li tkun madwar € 2.83 miljun.

MEPA — talbiet ta' għajnuna mingħand raħħala

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu t-talbiet li saru minn raħħala f'Malta u Għawdex, li skond kif kien komunikat lilhom ma setgħux jingħataw l-għajnuna taħt xi skema tal-Unjoni Ewropea minħabba li l-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kien għadu ma ħariġx?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Bini ta' ġibjuni għall-ħażna tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu, preżentement, in-numru ta' talbiet f'Malta u Għawdex biex jinbnew ġibjuni għall-ħażna tal-ilma u li qed jitolbu ukoll għajnuna minn skemi tal-Unjoni Ewropea biex ikunu jistgħu jinbnew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li preżentament it-talbiet sabiex jinbnew ġibjuni għall-ħażna tal-ilma permezz ta’ għajnuna minn skemi tal-Unjoni Ewropea jammontaw għal 42. Dawn it-talbiet jaqgħu taħt il-Miżura 121- Modernizzazzjoni ta' Strutturi Agrikoli li tnehdiet fil-31 ta’ Ottubru 2008. L-ammont totali ta’ investiment ilaħħaq l- 4,184,449 Ewro (eskluża l-VAT).

Sussidju għas-settur tas-sajd u akwakultura mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jiżvela kemm irċeviet Malta f'sussidji mill-Unjoni Ewropeja speċifikament għas-setturi tas-sajd u l-akwakultura? Min kienu l-benefiċjari kollha, u b'kemm ibbenefikaw kull wieħed?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor Membru jispeċifika għal-liema perjodu qiegħed jirreferi.

Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi — Konsulenti Laymeyer International

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew kkummissjonati rapporti mill-Ministeru nnifsu u mill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi mill-konsulenti Lahmeyer International? X'kienu jikkonċernaw? Kemm ġie jiswa kull studju individwali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi kkummissjonat żewġ rapporti lil Lahmeyer International GmbH skont kif ġej: Rapport Valur Data ta kummissjoni Studju dwar l-interkonnessjoni tal-enerġija li tgħaqqad lil Malta mal-Ewropa (Energy Interconnection Malta-Europe) €397,500 2 ta' Mejju 2007. Xogħol addizzjonali biex jikkumplimenta l-istudju Interkonnessjoni tal-enerġija li tgħaqqad Malta mal-Ewropa (Additional work to complement the study – Energy Interconnection Malta Europe) €68,800 28 ta' Settembru 2009 L-ewwel studju kien ikkumissjonat wara sejħa għall-offerti filwaqt li t-tieni wieħed ingħata direttament lil-Lahmeyer International GmbH wara approvazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi.

Sussidju fuq il-laħam importat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li tħallset f'sussidju fuq il-laħam importat matul is-sena 2009 abbażi tal-SMPPMA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi taħt l-iskema tal-SMPPMA ma jingħata l-ebda sussidju fuq il-laħam importat

Sussidju fuq ġobon importat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li tħallset f'sussidju fuq il-ġobon importat matul is-sena 2009 abbażi tal-SMPPMA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi matul l-2009 ma tħallas l-ebda sussidju mill-Ministeru tiegħi fuq ġobon importat.

Sussidju fuq Qmuħ importati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li tħallset f'sussidju fuq il-qmuħ eċċ. importati matul is-sena 2009 abbażi tal-SMPPMA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li matul l-2009 ma tħallas l-ebda sussidju mill-Ministeru tiegħi fuq importazzjoni ta’ qmuħ.

Sussidju fuq il-produzzjoni lokali tal-laħam frisk tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li tħallset f'sussidju fuq il-produzzjoni lokali tal-laħam frisk tal-majjal matul is-sena 2009 abbażi tal-SMPPMA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi matul l-2009 thaħallsu €1,288,810 bħal sussidju fuq il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal. Tħallset ukoll is-somma ta’ €345,554 lill-KIM fuq il-gilts.