Legislature:
Category:
Reset
Active:

Institute of Health Care — courses ta' taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-courses ta' taħriġ li offriet l-Institute of Health Care tal-Università ta' Malta matul is-snin 2007/08/09? Ta' liema livell kienu dawn il-korsijiet u jekk jistgħux jitkejlu jew jiġu komparati ma' livelli oħrajn bħal ngħidu aħna Livell Avvanzat jew xi diploma jew degree oħrajn fl-Ingilterra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

ftehim tax-xiri tal-apparat mediku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19174 u 18995 u 18536 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim tax-xiri tal-apparat mediku bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u INSO? Jista' l-Ministru jgħid jekk apparti dak il-ftehim sal-lum, inxtarax aktar apparat mill-kumpanija INSO bħala żieda mill-apparat miftiehem? X'apparat inxtara u x'kien il-valur imħallas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi imxiet mal-kuntratt tax-xiri ta’ appart mediku. Ix-xiri li għamel l-Isptar Mater Dei mingħand il-kumpanija INSO qiegħed wkoll jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fgura u Tarxien — Studju fuq l-impatt fuq is-saħħa minħabba trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'jgħidu l-esperti tiegħu dwar l-impatt li jista' jkollu fuq is-saħħa tar-residenti tal-Fgura, Tarxien u l-madwar it-trab iswed li misterjożament qed jaqa' fil-btieħi, bjut u fl-aperturi tad-djar tal-familji tal-irħula suiccitati? Saru studji dwar dan? X'ġie konkluż? Min għamel dawn l-istudji? Jista' jpoġġi dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ma tqabbad l-ebda espert mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali dwar l-impatt li t-trab iswed jista` jkollu fuq is-saħħa tar-residenti tal-Fgura, Tarxien u l-madwar, iżda kien hemm kollaborazzjoni sħiħa ma’ entitajiet oħra sabiex dan id-Direttorat iżomm ruħu aġġornat ma’ żviluppi fuq dan il-każ. Peress li t-tniggis fl-arja ma taqax direttament taħt il-kompitu ta’ dan id-Direttorat nissuġġerixxi li tali mistoqsija tiġi referuta lill-Ministru kkonċernat.

Mediċina Vastarel Out of Stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu out of stock il-Vastarel mill-Ispiżeriji tal-Isptar Mater Dei, mill-Ispiżerija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, mill-Ispiżeriji tal-Għażla Tiegħek u miċ-ċentri tas-saħħa? Billi kull min hu intitolat għal Vastarel qed ikollu jixtri din il-mediċina, kemm qed ikun ikalkulat li franka flus id-Dipartiment tas-Saħħa mill-Vastarel? Jikkonsidra l-Ministru li wasal iż-żmien li tinbidel il-policy biex il-Gvern ma jibqax jabbuża minn fuq min hu l-iktar vulnerabbli u kulmin hu intitolat għal xi mediċina li tkun out of stock din għandha jew tinxtralu mill-Gvern jew inkella jingħata l-flus li jkun nefaq?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa ma ffranka l-ebda flus għaliex fil-waqt li fl-2009 ħarġu 34,474 x 60 pillola mill-Stores tal-Gvern, f’ħames xhur f’din is-sena ħarġu 28,030 x 60 pillola. Id-Dipartiment bħalissa għandu ordni għal 15,000 x 60 pillola li għandha tasal f’Novembru. Ma setax jinxtara stock mis-suq lokali peress li d-doża li jixtri l-Gvern ma tinstabx fuq is-suq lokali. Infurmat li l-mediċina Vastarel (Trimetazidine 20mg tablets) bħalissa hija in stock fl-ispiżeriji taċ-Ċentri tas-Saħħa u fl-ispiżerija tal-Isptar Mater Dei. Iż-żmien li din ill-mediċina kienet out of stock huwa kif jidher hawn taħt: Spiżeriji taċ-Ċentri tas-Saħħa: mill-14 ta’ Awwissu 2010 sal-14 ta’ Ottubru 2010 Spiżerija tal-Isptar Mater Dei: mid-19 ta’ Awwissu 2010 sal 11 ta’ Ottubru 2010 Fl-ispiżeriji li jipparteċipaw fl-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek din il-mediċina ilha out of stock mis-7 ta’ Lulju 2010.

Ħal Qormi — Triq il-Kaċċatur - construction liquid waste

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi u x'azzjoni qed jittieħdu biex jitwaqqaf minn qiegħed jħammeġ u jniggis Triq il-Kaċċatur f'Ħal Qormi, bir-rimi ta' construction liquid waste u li huwa ta' detriment għar-residenti ta' din it-triq?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infumat li matul din is-sena d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva żewġ ilmenti rigward rimi ta’ construction liquid waste fi triq il-Kaċċatur f’Ħal Qormi. Dawn ġew investigati fl-4 t’Awwissu ta’ din is-sena u fil-ħin li l-uffiċċjali kienu fuq il-post ma kienx hemm likwidu imma kien hemm evidenza li xi likwidu kien niżel f’xi ħin. L-uffiċċjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ġew infurmati mill-persuna responsabbli li kienu ttieħdu l-passi kollha biex dan l-inkonvenjent ma jerġax isseħħ. Madankollu l-persuna responsabbli xorta waħda ġiet infurmata biex ma tħalli l-ebda ilma fit-triq. Infurmat wkoll li dan it-tip ta’ waste jaqa` taħt il-Construction Waste Management Regulations liema regolamenti ma jaqawx taħt il-kompetenza tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali. Dan id-Direttorat huwa infurmat li ttieħdu passi kontra l-persuna responsabbli mill-pulizija u għalhekk nitlob lill-Onor. interpelant biex jitlob aktar informazzjoni mill-Ministru kkonċernat.

Sptar Mater Dei — korsijiet in konnessjoni mat-tqala

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet jingħataw fl-Isptar Mater Dei in konnessjoni mat-tqala u jagħti d-dettalji dwar kull kors u jgħid kemm isiru korsijiet fis-sena u kemm kienet il-konkorrenza għal dawn il-korsijiet kull kors separatament matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — flus globali għal hospitality

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20187 u jinformani kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus globali għal hospitality mill-Uffiċċju tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru għall-ewwel disa' xhur tas-sena 2010 rispettivament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-nefqa globali li tħallset f’hospitality mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi għall-ewwel disa' xhur tas-sena 2010 kienet ta’ €37,438.64.

Residenza San Vinċenz de Paul — Part-Time Social Assistants

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13793 u jgħid xi kriterji ntużaw biex intgħażlu l-PTSA (Part-Time Social Assistants) li ġew ingaġġati u li uħud minnhom tħallew fir-Residenza San Vinċenz de Paul u oħrajn li kienu fir-Residenza San Vinċenz de Paul intbagħtu fid-Djar tal-Anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-proċess biex intgħażlu il-Part Time Social Assistants sar permezz ta’ interviews. Dawk li kellhom ċertifikat ta’ caring intbagħtu jagħmlu xogħol relatat fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule jew mal-Outreach Team. L-applikanti ġew imsejħa skont l-ordni tal-mertu tal- interview u ngħataw il-possibilità li jgħażlu bejn ir-Residenza San Vinċenz de Paule jew l- Outreach skont il-postijiet battala.

Day Centres tal-Anzjani — postijiet vakanti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9028 u 8331 u jgħid kif issir l-għażla biex jimtlew il-vakanzi fid-Day Centres tal-Anzjani? Il-postijiet vakanti jimtlew mill-home helpers jew mod ieħor? X'inhuma l-kriterji tal-għażla?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-postijiet vakanti jimtlew minn Part Time Social Assistants li jaħdmu mad-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunità u li jkunu wrew l-interess tagħhom biex jaħdmu fid-Day Centres. F’każ li jkun hemm aktar minn applikant wieħed għall-istess post ġewwa Day Centre, il-kriterji tal-għażla jinkludu l-esperjenza fil-qasam tal-anzjani, organisation skills u dispożizzjoni adegwata. F’dawn l-aħħar xhur id-dipartiment irċieva talbiet varji minn Part Time Social Assistants biex jidħlu jaħdmu fid-Day Centres u għalhekk qed jiġi rivedut il-metodu tal-għażla.

persuni li jixtiequ jidħlu f'home residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal persuni li jixtiequ jgħixu f'home residenzjali u bħalissa ma jistgħux għaliex il-postijiet huma kollha okkupati? Kemm minn dawn huma nisa u irgiel, kemm għandhom żmien u minn liema postijiet ġejjin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Monte Carmeli — skemi ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar għaxar snin kienx hemm skemi mħaddma fl-Isptar Monte Carmeli fejn pazjenti jew persuni reġistrati bħala pazjenti ngħataw xogħol li kienu jitħallsu għalih? Jista' jgħid kemm, sena b'sena, kien hemm persuni li ngħataw xogħol f'dawn l-iskemi? Minn liema line item tħallsu? Kemm intnefqu sena b'sena fuq dawn l-iskemi? Min kien jirreferi lil dawn il-pazjenti għall-iskemi ta' xogħol? X'pubbliċità ngħatat għat-tħaddim ta' dawn l-iskemi? Kif kienu jikkwalifikaw biex jaħdmu f'dawn l-iskemi? X'verifiki jsiru biex il-persuni li jaħdmu f'dawn l-iskemi jkunu tassew pazjenti tal-Isptar Monte Carmeli u li għandhom bżonn jaħdmu bħala parti mit-terapija tagħhom u mhux persuni li jingħataw ix-xogħol bi pjaċir bħala patrunaġġ jew klijenteliżmu politiku?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Operazzjonijiet tal-hip replacement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-hip replacement matul l-ewwel sitt xhur tas-sena, xahar b'xahar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-dettalji dwar operazzjonijiet ta’ hip replacement huma kif jidher fit-tabella hawn taħt: Xahar 2010 Total Hip Replacement (THR) (ICD-9 CM PCS Code: 81.51) THR Revision (ICD-9 CM PCS Code:81.53) Jannar 8 2 Frar 11 1 Marzu 5 1 April 4 0 Mejju 2 1 Ġunju 5 1 Total 35 6

Operazzjonijiet tal-cartilage

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-cartilage matul l-ewwel sitt xhur tas-sena, xahar b'xahar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena saru 175 operazzjoni tal-cartilage. Id-dettalji huma kif jidher fit-tabella hawn taħt. Xahar 2010 Numru ta’ Knee Arthroscopies Jannar 36 Frar 26 Marzu 28 April 27 Mejju 25 Ġunju 33 Total 175 Għall-fini ta’ din il-mistoqsija parlamentari t-terminu ‘l-operazzjonijiet tal-cartilage’ ġie meħud li bih l-Onor. Interpellant jrid ifisser Knee Arthroscopies.

Residenza San Vincenz de Paule — Xogħlijiet fuq is-swali

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi xogħlijiet għaddejjin fuq xi sala/swali partikolari ġewwa r-Residenza San Vincenz de Paule? Jista' jgħid kemm ilhom għadejjin x-xogħlijiet fuq dawn l-iswali, kemm ġew jiswew s'issa u meta huwa ppjanat li dawn is-swali jiftħu biex jerġgħu jibdew jircievu r-residenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fir-Residenza San Vinċenz de Paule fix-xhur li għaddew kienu għaddejin xogħlijiet ta’ refurbishment fil-ward li fiha s-swali numru 7 u 8. Ix-xogħol beda f’Mejju tal-2009. Is-sala ġiet maqsuma minn nofs, sabiex ir-residenti ma jkunux affetwati mill-inkonvenjent tax-xogħlijiet. Ir- refurbishment f’din is-sala huwa hekk: · bdil tas-sistema tal-arja kundizzjunata; · tisbieħ struttarali tal-kmamar tar-residenti; · sistemi ġodda tad-dawl, illuminazzjoni u televiżjoni; · installazzjoni ta’ vinyl u kmamar tal-banju ġodda li huma dementia friendly ; · aperturi u sollijiet ġodda; · għamara u purtieri ġodda; · kamra tal-ikel ġdida. Ix-xogħlijiet qed isiru kemm minn kuntratturi privati u kemm minn ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paule. Il-kuntratturi privati ġew ingaġġati wara li nħarġu tenders għax-xogħlijiet rispettivi skont ir-regolamenti tax-xiri minn finanzi pubbliċi. L-istima tax-xogħlijiet hija ta’ €397,088. L-ispiża sa issa laħqet l- €173,212.