Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali u Income tax — single parents
Question
Fost il-persuni li qed iħallsu kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali u Income Tax din is-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom huma single parentsu kemm minnhom jaħdmu part-time?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-popolazzjoni ta’ persuni rreġistrati mad-dipartiment tat-Taxxi Interni hemm
· 3,513 indikati bħala
single parents
, u
· 24,033 li ddikjaraw dħul
part-time
taħt ir-regoli tat-taxxa.
Dawn il-figuri huma bbażati fuq informazzjoni li għandu d-dipartiment għas-sena bażi 2010.
Għawdex — Dipartiment tal-Artijiet - ħinijiet tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol jiġifieri sajf u xitwa tad-Dipartiment tal-Artijiet f'Għawdex, jiġifieri l-ħinijiet tax-xogħol tad-Direttur u x'ħin il-pubbliku jista' jinqeda?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-uffiċċju li għandu d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ġewwa Għawdex ikun miftuħ kuljum għall-pubbliku bejn it-8:00am u nofs in-nhar fil-ġranet tas-sajf, filwaqt li fix-xitwa jkun miftuħ kuljum bejn is-7.00am u 12:30pm u mis-13:00pm sal-16:45pm.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-art ta' maġenb il-grawnd tal-futbol ta' Santa Luċija se tiġi devoluta lill-istess klabb? Jista' jikkonferma jew jiċħad li l-gvern ma kkonsultax mal-kunsill lokali f'dan ir-rigward?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-grawnd tal-futbol flimkien ma’ siti oħra madwar dan il-grawnd, ġew trasferiti lill-Kunsill Malti għall-Isport skont l-Att dwar l-Isports (Kap 455), permezz ta’ Avviżi Legali Nru 352/2009 u 25/2011. Id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern m’għamel l-ebda konsultazzjoni mall-Kunsill Lokali dwar dan it-trasferiment.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Government Property Division għadu ma rrispondiex għat-talba, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għat-talba magħmula intbaghtet lill-applikant f’dawn il-ġranet, fejn ġie nfurmat li l-art mitluba hija diġà mikrija lill-terzi.
Government Property Division — talba għal risposta
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Government Property Division fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment ma ħadux il-passi biex it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tigi risposta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-talba ta’ din il-persuna qiegħda fil-fażi li tittella quddiem il-Kumitat tat-Tenders tad-Dipartiment sabiex tinkiseb l-approvazzjoni finali biex toħroġ sejħa għall-offerti għall-kiri tal-proprjetà mitluba. L-applikant jiġi nfurmat permezz ta’ ittra meta tkun ser toħroġ is-sejħa għall-offerti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur tal-esportazzjoni minn Għawdex u minn Malta separatament ta’ affarijiet ta’ merċa (goods) xahar b'xahar sal-aħħar fl-2010 u sa l-aħħar ta’ Settembru din is-sena maqsumin skont l-areas ġeografiċi ewlenin u skont il-prodotti esportati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Kumpaniji reġistrati f'Malta u Għawdex — investiment barrani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji reġistrati f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar tal-2010 u fl-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena li għandhom investiment barrani? Kemm kien l-ammont totali ta’ dan l-investiment barrani f’Malta u f’Għawdex separatament fid-dati msemmija?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19883.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-gvern matul is-sena 2010 b'mod globali għal:
a) servizzi tas-saħħa u kura għall-anzjani;
b) edukazzjoni;
ċ) benefiċċji soċjali; u
d) pagi u salarji għall-impjegati taċ-ċivil u fis-settur pubbliku?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Life Sciences Project? Jista' jgħid x'inhuma t-time frames tal-fażijiet kollha tal-proġett? Jista' jgħid kemm se jqumu l-komponenti kollha tal-proġett u xi tħallas s'issa minn dan il-proġett?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fis-sit allokat beda fil-5 ta’ Settembru 2011 meta ġiet magħluqa iż-żona li se tiġi żviluppata. L-ewwel fażi, it-twaqqiegħ tal-bini kurrenti u tħaffir, hija mistennija li titlesta sa Mejju 2012. It-tieni fażi, il-kostruzzjoni tal-bini u t-tisbiħ tal-ambjent ta’ madwaru hija mistennija li titlesta sal-aħħar tal-2014.
Il-proġett huwa stmat li ser jiswa madwar €32.2 miljun (VAT eskluża), u se jkun kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Sa llum tħallsu biss pagamenti ‘interim’ għall-ġestjoni tal-proġett u s-servizzi tad-disinn tal-proġett.
Qasam Ambjentali — Malta Enterprise u Malta Industrial Parks - industriji ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Enterprise jew il-Malta Industrial Parks approvatx xi proġetti għall-industriji ġodda fil-Qasam Ambjentali? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' jgħid jekk kenux allokati fondi jew benefiċċji taħt xi skema oħra lil dawn l-industriji?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2011 il-Malta Enterprise ma approvatx proġetti ġodda fil-Qasam Ambjentali. Madankollu, ta’ min jinnota illi taħt l-iskemi ERDF ġew approvati 10 proġetti ta’ kumpaniji diġà stabbiliti li investew f’teknoloġiji speċifikament favur l-ambjent.
Qawra/Buġibba — Triq it-Turisti - tneħħija ta' arblu tad-dawl
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex arblu tad-dawl, li litteralment jinsab f'nofs il-bankina, fi Triq it-Turisti, Buġibba/Qawra, wara li taqbeż il-mużew tal-karozzi, fil-fatt jitneħħa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol meħtieġ biex dan l-arblu jitneħħa se jsir fil-ġranet li ġejjin.
Arms Ltd — ħlas addizzjonali mal-kont tad-dawl u ilma
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jew Arms Ltd sabiex jiddaħħal xi ħlas ta' €70 addizzjonali mal-kont tad-dawl u ilma liema €70 jew somma oħra jitħallsu għax il-meter reader ma jkunx qara l-meter?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma hemm l-ebda ħsieb sabiex jiddaħħal xi forma ta ħlas addizjonali mal-kont tad-dawl u ilma.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 26713 u 26489 u jgħid jekk is-servizz tal-ħażna tad-demm tal-kurdun (stem cells storage) hux suġġett għall-VAT jew le? Jista' jgħid jekk il-kumpaniji lokali li joffru dan is-servizz hux qegħdin kollha jimxu skont il-Liġi tal-VAT? Jista' jgħid jekk il-kumpaniji lokali kollha humiex iżidu l-VAT mal-prezz tal-prodott?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26713.
Air Malta — biljetti b'xejn lill-Membri Parlamentari
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu jiġu jiswew flus lil-linja nazzjonali Maltija Air Malta t-tickets b'xejn li kienet toffri lill-Membri Parlamentari? Jista' jgħid allura kemm nefqet jew ma daħħlitx flus l-Air Malta matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010 għaliex tat biljetti b'xejn lill-Membri Parlamentari?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta hija entità kummerċjali , din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva.
Jista' l-Ministru jara li jinħarġu kontijiet ġodda ta' anzjan li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li biddlulu l-meter tal-ilma u jidher li kien hemm xi problemi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.
Jista' l-Ministru jara li l-Arms Ltd tiċċekkja l-kont ta' ġuvni li jgħix waħdu u jaħdem ta' bil-lejl li ġieh kont għoli ħafna? Jista' jara li l-ħaddiema jikkuntattjawh ħalli jaraw il-meter u ssir reviżjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.
Wied il-Għajn — Triq il-Baħħara - ħsara fid-drenaġġ
Question
Jista l-Ministru jara li l-ħsara fid-drenaġġ fi Triq il-Baħħara f'Wied il-Għajn tiġi rranġata minħabba li qed ikun hemm ħsarat u inkonvenjent fi djar privati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mill-investigazzjonijiet li kienu saru ġiet indikata parti mill-ħsara u din ġiet irranġata.
Madankollu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet minħabba l-fatt li għad hemm xi problema.
Bormla — San Gwann t'Għuxa - Periklu ta' wires tal-elettriku
Question
Jista' l-Ministru jara li ttittieħed azzjoni minnufih minħabba li hemm xi wires tal-elettriku ta' periklu fil-housing estates ta' San Gwann t'Għuxa, Bormla?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn investigazzjoni li saret ma hemm l-ebda periklu tal-linji li huma tal-Enemalta fl-inħawi. Però jekk jingħata xi indirizz inkunu nistghu ninvestigaw aktar.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-Gvern Ciniż ta għotja ta' €4 miljun biex Malta tkun tista tieħu sehem fl-Expo 2010 li saret fic-Cina, f'Mejju tas-sena l-oħra? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk dawn il-flus intnefqux kollha u jagħti breakdown ta' kemm intnefqu minn dawn il-flus u kemm kienu mgħoddija għal dan l-iskop lil Malta Enterprise?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi skont informazzjoni li għandu l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment ma jirriżultax li l-Gvern Ċiniż ta’ xi għotja ta’ €4 miljun biex Malta tieħu sehem fl-EXPO 2010 li saret fiċ-Ċina, f’Mejju tal-2010.