Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li jaqbżu l-linja tal-faqar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hija ċ-ċifra tan-nies li jaqbżu l-linja tal-faqar b'€60, €100, €200, €300, €400 u €500 fis-sena? Allura kemm kien hemm nies li qabżu il-linja tal-faqar b'dan l-ammont fis-sena 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Awtorità tad-Djar — Status report

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16690, tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm lill-Awtorità tad-Djar milli tipprovdi l-istatus report lill-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta għal din il-mistoqsija ingħatat fil-mistoqsija parlamentari numru 16690 fejn il-persuna in kwestjoni intalbet tirrikorri fit-taqsima tal-Customer Care jew iċċempel l-Awtorità tad-Djar u ssaqsi kemm għandha punti.

Photovoltaics fl-MCAST — tenders

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 19106 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunukazzjoni u issa ġiet riferuta lilha, u tgħid meta għalaq il-photovoltiacs tender tal-MCAST? Billi fl-information meeting intqal li d-delivery kellu jsir fi żmien 90 jum mill-award tat tender sabiex jintlaħqu ċerti deadlines tal-Unjoni Ewropea minħabba li dan huwa proġett part funded mill-Unjoni Ewropea nnifisha, kif jinkwadra dan it-time frame mal-fatt li bħalissa hemm nuqqas pjuttost serju ta' inverters fis-suq u ħafna inverter suppliers qegħdin jaċċettaw ordinjijiet biss kontra 100% tal-pagamenti kontra l-ordni? Taħseb li it-time frames ssuġġeriti huma raġonevoli u jistgħu jintlaħqu? Kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet s’issa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proġett imsemmi huwa ffinanzjat mill-fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea (Cohesion Policy 2007 – 2013 Operational Programme 1 – European Regional Development Fund). Il-proġett kien ġie ffirmat f’Ottubru tal-2008 u għandu skadenza ta’ ftit aktar minn sentejn u jrid jagħlaq sa l-aħħar ta’ Diċembru 2010. It-tender kien ħareġ f’Settembru 2009 u ma kien hemm l-ebda offerta konformi ma’ l-ispeċifiċi tat-tender u għalhekk it-tender kellu jerġa' jinħareġ. Il-limitu ta’ 90 ġurnata joħroġ mill-fatt li l-proġett jagħlaq fl-aħħar ta’ Dicembru 2010. Dan id-deadline huwa wieħed li jista jintlaħaq, skont l-awtoritajiet tal-MCAST. Fil-fatt kien hemm 10 offerti u li l-evalwazzjoni tagħhom saret u kien hemm offerti li huma teknikament compliant.

Tfal li jiċċappsu mal-kriminalità

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri qed jieħu l-gvern biex tfal ma jispiċċawx il-ħabs u xi pjanijiet għandu l-gvern rigward tfal li jispiċċaw jiċċappsu mal-kriminalità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru Konċernat .

Abbozz tal-Liġi dwar it-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk f'din il-leġislatura hux se jkollna lest abbozz tal-liġi dwar it-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa l-Ministeru qed jħares lejn il-liġijiet li jappartjenu lit-tfal u qed jelenka fejn hemm il-ħtieġa ta’ emendi legali li mhumiex riflessi fil-liġi domestika.

Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali — twettiq tas-suġġerimenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern, speċjalment il-Ministeru tagħha, ħax jew hux qed jieħu miżuri biex is-suġġerimenti li saru fid-diversi rapporti tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali jiġu mwettqa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja jsegwi u jipparteċipa mill-qrib is-seduti tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali. L-entitajiet flimkien mal-Ministeru jikkunsidraw il-miżuri li jistgħu jittieħdu kif suġġerit mill-kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Soċjali.

Fabbriki li naqqsu l-impjegati tagħhom

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm fabbriki naqqsu l-impjegati tagħhom matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Tista' tgħid minn liema settur ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilità Korettiva ta' Kordin — benefiċċji soċjali

Question

Tista' l-Ministru tara li ssir xi ħaġa sabiex tiġi rranġata s-sitwazzjoni fejn persuni li jkunu servew xi żmien fil-Faċilità Korettiva ta' Kordin, iridu jistennew sa sitt ġimgħat u aktar sabiex jibdew jirċievu xi ħaġa mill-benefiċċji soċjali? Ma taħsibx li dan it-tip ta' dewmien fil-ħruġ ta' xi għajnuna jista' jwassal għal aktar abbużi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment jaddotta proċedura li każi ta’ persuni li jkunu kif għadhom ħerġin mill-Faċilita’ Korretiva ta’ Kordin jingħataw preferenza. Il-proċedura hi li persuna tmur fl-uffiċċju distrettwali u jekk tipprovdi dokument li jindika li ħarġet mill-Faċilita’ Korretiva, il-manager tad-distrett jimmarka f’post prominenti l-applikazzjoni bħala urġenti u jibgħata l-head office biex tinħadem malajr. F’dan il-każ jekk ma jkunx hemm problemi minħabba l-means test il-pagament joħroġ fi żmien qasir. Id-Dipartiment jikkunsidra ukoll applikazzjonijiet ta’ residenti li jkunu waslu fit-tmiem is-sentenza tagħhom.

Tfal — Care order

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal li jinsabu fuq care order? Ta' liema età huma? Kemm minnhom instabilhom post alternativ fejn jgħixu? Kemm-il post residenzjali hawn disponibli għat-tfal taħt care order? X'pjanijiet hemm biex jiżdiedu l-postijiet disponibbli għal dawn it-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent hemm 190 tifel u tifla fuq care order. L-etajiet ivarjaw minn xahar sa tmintax-il sena. 160 minn dawn it-tfal qegħdin jgħixu f’post alternattiv. Għandu jiġi nnutat illi għalkemm hemm 30 tifel u tifla għadhom jgħixu d-dar, ir-raġunijiet jinkludu l-fatt li xi tfal minnhom qed jiġu rijintegrati lura mal-familja tagħhom. Fil-preżent hawn 17-il residenza fejn jistgħu jiġu ospitati tfal taħt care order . Din it-tweġiba ġiet ikkoreġuta bid-dokument Nru. 5881 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 287 tat-22 ta' Novembru 2010.

Tfal — foster care

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal li jinsabu taħt foster care? Ta' liema età huma? Kemm hemm tfal li qed jistennew foster care? Apparti l-miżuri li tħabbru fil-Budget li għadda, hemm ħsieb li jittieħdu inizjattivi ġodda biex jiżdiedu n-numru ta' persuni li jidħlu għall-fostering?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, 1. Fil-preżent hemm 186 tifel u tifla fil- foster care . 2. L-etajiet tat-tfal ivarjaw minn trabi tat-twelid sa 21 sena 3. Bħalissa hemm 70 tifel/tifla, li qeg]din fi Djar Residenzjali u jistgħu ikunu fostered. 4. L-inizjattivi ġodda biex jiżdiedu n-numru ta' persuni li jidħlu għall- fostering jinkludu kampanja intensiva li ilha ghaddejja matul din is-sena kollha. Bħala miżura fl-aħħar budget il-benefiċċju soċjali żdied minn €40 għal €70 fil-ġimgħa u l-eta ta’ l-għajnuna żdiedet minn 18-il sena għal 21 sena. Hemm ukoll allokazzjoni ta €73,000 għal tfal li qegħdin fil- foster care u għandhom ħtiġijiet speċjali

Logħob tal-Commonwealth

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern Malti ħax xi inizjattivi partikolari b'rabta mal-kwestjoni tac-child labour li ħarġet dan l-aħħar b'rabta mal-logħob tal-Commonwealth li se jsiru fl-Indja? Jekk iva, tista' tgħid fiex kienu jikkonsistu dawn l-inizjattivi? Jekk le, għaliex ma ttieħdet ebda inizjattiva?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-Isport ma ħa l-ebda azzjoni iżda qed ikompli jsegwi l-każ b’reqqa.

Liġi tal-Kera għall-għaqdiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid skont l-emendi fil-Liġi tal-Kera kif leġislati f'din il-leġislatura, fil-każ ta' għaqdiet soċjali bħal każini ta' għaqdiet sportivi fil-komunitajiet, kif qiegħda titħallas il-kera tal-uffiċċji/każini tagħhom? Din il-kera ġiet ukoll mgħollija għal minimu rikjest jew baqgħet ma nbidlitx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kirjiet tal-għaqdiet sportivi reġistrati mal-KMS u b’art mogħddija lilhom mill-KMS baqgħu l-istess u ma ġewx affetwati bl-emendi fil-liġi tal-kera.

Applikazzjonijiet għal carers ma' persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid hux se jkun hemm sejħiet għall-applikazzjonijiet għal carers ma' persuni b'diżabilità? Hemm xi korsijiet ippjanati għal dan il-għan? X'kriterji jkunu meħtieġa biex persuna tkun eliġibbli biex tapplika għal dan it-taħriġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ETC (Divizjoni Servizzi tat-Taħriġ) qeda tilqa' applikazzjonijiet għal min jixtieq jitħarreġ f'ħiliet f'Xogħol ta' Sapport ma' Persuni b'diżabbilita'. Min japplika għal dan it-taħriġ ikun meħtieġ li jkollu ħiliet tajbin ta’ qari, kitba u għarfien tal-lingwa Maltija u tal-lingwa Ingliża. Il-Korporazzjoni beħsieba torganizza dan il-kors fi tmiem din is-sena.

Għajnuna soċjali mwaqqfa

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna fuq għajnuna soċjali twaqqfilha dan il-benefiċċju fl-aħħar sentejn u nofs? Tista' tagħti din l-informazzjoni: a) xahar b'xahar; b) lokalità b'lokalità; ċ) skont l-age group; u d) skont in-natura tal-marda kronika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li t-tagħrif mitlub irid ħafna ħin sabiex jinġabar, it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — embellishment u xogħol ta' manutenzjoni fil-housing estates

Question

Peress li ilu ma jsir embellishment u xogħol ta' manutenzjoni fil-housing estates tal-Gvern, f'Ħal Luqa, f'Ħal Farruġ, f'Ħal Qormi u fis-Siġġiewi, tista' l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għamlitx xi pjanijiet dwar xogħol ta' embellishment u manutenzjoni ta' dawn il-housing estates? Tista' l-Ministru tgħid: a) jekk hemmx pjanijiet konkreti; b) meta se jinbeda x-xogħol; u ċ) fiex jikkonsisti dan ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-futur qrib l-Awtorita’ tad-Djar ser tniedi skema fejn ser tgħin lil xi Kunsilli Lokali finanzjarjament sabiex itejbu l-istat u l-kwalita’ fil-Qasam tad-Djar tal-Gvern u l-madwar. Fil-preżent l-Awtorita’ tad-Djar qegħda tagħmel laqgħat mal-kunsilli u fil-viċinanzi ser tkellem l-isindki u kunsilliera tal-kunsilli elenkati mill-Onor. Interpellant sabiex tagħtihom tagħrif kif ser taħdem u f’hiex tista’ tgħin l-Awtorita’ permezz ta’ din l-iskema. Is-somma allokata ser tinqasam a. fuq livell Edukattiv/Soċjali u b. fuq livell Fiżiku tal-blokok tal-Gvern. Dan qed nagħmluh biex ikun hemm verament reġenerazzjoni mhux biss fuq livell ta’ bini imma anke tal-persuni li jgħixu hemmhekk. Fir-rigward ta’ għajnuna fiżika, l-Awtorita’ tad-Djar ipproponiet il-manutenzjoni u tisbieħ fil-faċċati, fis-soqfa u fil-partijiet komuni tal-blokok u fil-madwar, aċċesibilta’ adekwata għal Blokok u installazjoni tal- lifts dejjem suġġetta għal possibilita’, postijiet ta’ rikreazzjoni għat-tfal ta’ dawn ir-residenzi, faċilitajiet għal parkeġġ, u faċilitajiet oħra neċessarji. Fir-rigward ta’ livell Edukattiv/Soċjali, l-Awtorita’ tad-Djar ipproponiet li jkun hemm taħriġ edukattiv lir-residenti ta’ kull eta’ f’dawn ir-residenzi, moniterraġ ta’ l-attendenza fl-iskejjel u assitenza fil- homework, għajnuna lill-anzjani u kull għan ieħor f’dan ir-rigward li l-kunsilli rispettivi jaħsbu li hemm bżonn fil-lokalita’ rispettiva.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — Infiq f'reklamar fuq il-media

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm nefqu il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtha separatament f'reklamar (produzzjoni u reklamar attwali) għal kull sena bejn 2004 u 2010 f'dawn l-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali u pubblikazzjonijiet oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

YMCA u organizzazjonijiet oħra li ma jħalsux fil-ħin

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għaqdiet bħal YMCA u organizazzjonijiet oħra humiex jitħallsu għal servizzi fil-ħin? Jekk le, għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Organizazzjonijiet bħal YMCA u organizazzjonijiet oħra jitħallsu għax-xogħol tagħhom wara li jsiru l-verifiki neċessarji u skont ir-regolamenti eżistenti. Jien infurmata li l-ħlasijiet qed isiru fil-ħin. Jekk hemm każ partikolari, nistieden l-Onor. Interpellant biex tgħaddili l-informazzjoni meħtieġa biex inħares mill-qrib lejn dan il-każ.

Reklutaġġ ta’ Kindergarten Assistant II

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess ta’ reklutaġġ ta’ Kindergarten Assistant II li l-applikazzjonijiet għalih ħarġu f’Jannar tal-2010? Tista' tgħid għaliex jidher li dan il-proċess waqa' lura? Tista' tgħid meta hemm il-ħsieb li dan il-proċess jiġi fi tmiemu u jintgħażlu l-persuni biex jimlew il-postijiet ta’ Kindergarten Assistant II?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikanti eliġibbli kienu intervistati f’Marzu u f’April 2010 (total ta’ 73). Sebgħa u disgħin (79) applikant/a instabu ineliġibbli u kienu notifikati skont il-proċeduri stabbiliti (Anness 1). Wara eżercizzju estensiv, il-Bord bagħat ir-rapport tiegħu lill-PSC f’Ġunju 2010. Fil-frattemp tnejn mill-applikanti appellaw mid-deċiżjoni tal-Bord dwar l-eliġibilita’ tagħhom. Il-Bord reġa’ evalwa l-każ u sostna d-deċiżjoni tiegħu li kienet tiddikjara lill-applikanti ineliġibbli. L-applikanti kkonċernati appellaw lill-PSC minn din id-deċiżjoni. Waħda mill-appellanti kienet konfermata ineliġibbli mill-PSC iżda l-applikanta l-oħra kienet dikjarata eliġibbli mill-PSC u fl-aħħar ta’ Lulju 2010 il-PSC infurmat lill-Bord li din il-persuna hija eliġibbli u għanda tkun intervistata. Filwaqt li l-Bord immedjatament ħa passi biex jintervista lil din l-applikanta (liema intervista saret fit-18 t’Awwissu 2010), il-Bord ħass il-ħtieġa li jagħmel eżerċizzju ieħor biex jintervista lil dawk l-applikanti kollha li kellhom l-istess kwalifika ta’ din il-persuna u bagħat jinforma lil dawk kollha li kienu instabu ineliġibbli (78) biex jinfurmawh jekk huma għandhomx dik il-kwalifika. Erba’ kandidati wieġbu fl-affermattiv. L-intervisti ta’ dawn l-erba’ kandidati saru fil-bidu ta’ Settembru 2010. Fis-7 ta’ Settembru 2010 il-Bord issottometta r-Rapport flimkien mar-riżultati lill-PSC. Ir-riżultati ġew ippublikati u l-ewwel tmintax ġew ingaġġati, bl-ewwel tmienja diġà jingħataw il-pożizzjoni ta’ Kindergarten Assistants I.

Pembroke — Skola St. Patrick Craft Centre - guidance teacher

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jkun hemm guidance teacher għall-iskola St Patrick Craft Centre ta’ Pembroke? Kemm kien hemm tfal f’din l-iskola matul is-sena li għaddiet u x’kienet l-attendenza medja tat-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mis-sena skolastika li jmiss il-15-il student li kienu jattendu St Patrick’s Craft Centre se jattendu l-iskola Sekondarja tas-Subien – Floriana. Għaldaqstant is-servizz ta’ guidance teacher se jkun offrut mill-kulleġġ li din l-iskola tagħmel parti minnu – San Ġorġ Preca. L-attendenza medja tat-tfal kienet ta’ 104 ġranet.

Pubblikazzjoni tar-riżultati online tal-Junior College

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li nhar l-Erbgħa, 15 ta' Settembru, kienu ppublikati online ir-riżultati tal-eżamijiet tal-istudenti tal-Junior College, u li iżda imbgħad iktar tard irriżulta li dawn ma kenux ir-riżultati uffiċjali, b'diżappunt kbir għal ħafna studenti? Tista' tispjega x'ġara eżattament? Tħoss li dan mhuwiex il-mod kif jiġu trattati l-istudenti li jkunu fuq ix-xwiek jistennew ir-riżultati tal-eżamijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn din is-sena, fil-Junior College bdiet tintuża is-sistema Student Information Management System . Is-sistema tippermetti li l-istudenti jkunu jistgħu jaraw ir-rizultati personali tagħhom online wara li jiġu avżati uffiċjalment permezz ta’ e-mail kif ġara drabi oħra. Fil-15 ta’ Settembru 2010, filwaqt li kien għaddej il-proċess biex ir-riżultati jittellgħu quddiem il-Bord tal-Eżaminaturi għall-approvazzjoni finali, minħabba żball uman, l-istudenti setgħu jaraw ir-rizultati għal xi ftit ħin (mhux aktar minn 10 minuti) għaliex malli ġie nnutat x’ġara, l-aċċess ingħalaq. Irid jiġi enfasizzat, li għalkemm xi studenti raw xi riżultati, dawn ma kinux uffiċjali peress li l-proċess sħiħ kien għadu mhux lest. Saret investigazzjoni mill-ewwel biex tiġi stabbilita l-kawża. Ir-riżultati ġew ippubblikati nhar il-Ħamis 23 ta’ Settembru u ntbagħtet e-mail uffiċjali lill-istudenti kollha biex tavżahom li r-riżultati ħarġu. Nistgħu nserrħu ras l-istudenti u l-ġenituri tagħhom li l-iskop tal-laqgħa tal-Bord tal-Eżaminaturi huwa biex jiġu rreveduti l-marki tal-istudenti li jkunu border line.