Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #2026 Sitting 33 2008-07-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Immigranti rregolari — Open centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jiftaħ xi open centre ieħor għall-immigranti rregolari u jekk fl-affermattiv jgħid fejn tinsab din il-lokalita'?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Il-Gvern qiegħed f'diskussjonijiet biex post f' Sta Venera jiġi kkonvertit f'ċentru miftuħ bil-għan li jkun jista' jilqa' fih familji u persuni vulnerabbli.

Regolamenti fuq il-Baħar — Klandestini

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu/huma (sezzjoni) responsabbli li jara li tiġi mħarsa l-liġi u r-regolamenti fuq il-baħar? Kemm għandha opri tal-baħar din is-sezzjoni biex tagħmel dan? Jista' jgħid jekk din is-sezzjoni hijiex l-istess waħda li trid tgħin lill-klandestini jimbarkaw f'Malta meta dawn jidħlu fl-ibħra territorjali tagħna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima ta' l-ALE fi ħdan il-Korp tal-Pulizija hija responsabbli li tagħmel rondi max-xtut u fil-bajjiet biex tara li tiġi mħarsa l-liġi u r-regolamenti fuq il-baħar. Fil-preżent, din it-Taqsima għandha għad-dispożizzjoni tagħha ħames dgħajjes. Il-Forzi Armati ta' Malta huma responsabbli mir-rondi li jsiru 'l barra minn xtutna.

Żgħażagħ taħt it-18-il sena li jsuqu vetturi/muturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu żgħażagħ taħt it-18-il sena jsuqu vetturi/muturi matul is-sena 2007? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-liċenzja tal-mutur taħt l-100cc hijiex se titniżżel għall-eta' ta' 16-il sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena li għaddiet, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 23 persuna taħt it-18-il sena talli saqu vettura mingħajr ma kellhom il-liċenzja tas-sewqan. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-aħħar parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Postijiet Projbiti mit-Tipjip

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nies weħlu ċitazzjonijiet għax mhux suppost kienu qed ipejpu f'postijiet projbiti mit-tipjip? Kemm tiswa' ċitazzjoni meta tinqabad tpejjep f'postijiet fejn ikun projbit li tpejjep u tkun qed tagħmel dan?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab unfurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 1085 persuni li nqabdu jpejpu fejn it-tipjip huwa projbit. Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Karmra l-informazzjoni bi tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija.

Serq ta' vejikoli bil-mutur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm insterqu vejikoli bil-mutur din is-sena? Kemm minn dawn instabu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena ġew irrapurtati 195 vettura misruqa lill-pulizija, filwaqt li matul l-istess perjodu nstabu 96 vettura minn dawk li kienu ġew irrapurtati nieqsa.

Immigranti Illegali mressqin l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu immigranti illegali l-Qorti s-sena l-oħra u din is-sena? Għal xiex tressqu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra u matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, kien hemm 14 l-immigrant illegali li tressaq quddiem il-Qorti fuq diversi akkużi fosthom ħrib u attentat ta’ ħrib u ksur ta’ bon ordni.

Persuni Barranin mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni barranin il-Qorti s-sena l-oħra u din is-sena u għaliex? Ta' liema nazzjonalita' kienu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Interpellant.Ninsab infurmat li bejn Jannar tas-sena l-oħra u Ġunju ta’ din is-sena, il-pulizija ressqet 507 persuna ta' nazzjonalita barranija quddiem il-Qorti. Fost in-nazzjonalitajiet kien hemm dawn il-pajjiżi: Alġerija, Awstralja, Belarus, Bulgarija, Cameron, Chad, Ċina, Kolombja, Kroazja, Eġittu, Eritreja, Etjopja, Franza, Ġermanja, Ghana, Ingilterra, Irlanda, Islanda, Italja, Kosta ta’ l-Ivorju, Gappun, Kazakstan, Liberja, Libja, Litwanja, Maċedonja, Marokk, Niġerja, Palestina, Panama, Filippini, Polonja, Rumanija, Russja, Senegal, Serbja, Skozja, Slovakkja, Slovenja, Somalja, Spanja, Stati Uniti, Sudan, Svezja, Sirja, Tunez, Turkija, Ukranja, Jugoslavia u Wales. L-akkużi kienu jinkludu, fost oħrajn, omiċidju, serq, offi¿a fuq il-persuna, frodi u falsifikazzjoni, pussess/traffikar ta' droga, theddid u inġurji, reżistenza fuq uffiċċjali pubbliċi, ħsara volontarja, offiżi sesswali, ħrib minn post ta’ kustodja, ksur tal-liġi tad-Dwana u tal-VAT u ksur tal-liġi ta' l-Immigrazzjoni.

Avukat ta' fiduċja waqt l-interrogazzjoni ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jiskatta l-liġi li tagħti d-dritt lill-persuna arrestata li jkollha l-assistenza ta' avukat ta' fiduċja tagħha waqt l-interrogatorju?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa' ġie dikjarat, huwa għaqli li f'dan l-istadju wieħed jistenna l-eżitu ta' l-Inkjesta Pubblika mnedija fid-29 ta' April 2008 qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq id-dħul fis-seħħ tal-artikoli 355AT, 355AU, paragrafi (b) u (ċ) tas-subartikolu 2 u s-subartikolu (3) u (4) ta' l-Artikolu 355AX u l-Artikolu 355AZ ta'-l-Artikolu 74 ta' l-Att III ta' l-2002.

White Paper dwar l-Introduzzjoni tal-Parole

Question

Jista' l-Ministru jekk hux beħsiebu fi żmien qasir joħroġ White Paper jew jagħti proposti dwar l-introduzzjoni tal-parole f'pajjiżna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma neċessarja sabiex il-parole tifforma parti mis-sistema ġudizzjarja qed issir u ma huwiex eskluż li jkunu hemm White Paper fuq is-suġġett.

Avukat Ġenerali — Kawżi farmed out

Question

Peress illi ftit snin ilu wara ir-riorganizzazzjoni ta' l-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali l-istess Avukat Ġenerali ngħata d-dritt li jagħmel farming out ta' kawżi, jista' l-Ministru jgħid jekk attwalment l-istess Avukat Ġenerali huwiex jużufruwixxi minn dan id-dritt u jekk fl-affermattiv jagħti dettalji ta' kemm kawżi ġew hekk farmed out?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda kawża li ġiet farmed out mill-Avukat Ġenerali.

Kummissarji għall-Ġustizzja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Kummissarji għall-Ġustizzja, min huma u kemm qed jiswew flus wieħed wieħed lill-Gvern bħala salarji u jagħti spjega b'liema rati dawn jitħallsu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Intepellant fuq il-mejda tal-Kamra.

Tribunali tat-Talbiet Żgħar — Chairmen

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm chairmen għat-Tribunali tat-Talbiet Żgħar, min huma u kemm qed jiswew flus lill-Gvern wieħed wieħed bħala salarji u jagħti spejga b'liema rati dawn jitħallsu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Avukati tat-Tfal

Question

Jista' l-Ministru jelenka l-avukati tat-tfal u jgħid kull wieħed/waħda kemm għandhom każijiet pendenti u kemm kellhom każijiet li ġew riferuti lil kull wieħed u waħda minnhom f'dawn l-aħħar sentejn ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Abbużi tat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' abbużi tat-tfal lill-Pulizija f'dawn l-aħħar sentejn u kemm minnhom tressqu l-Qorti? Jista' jgħid ukoll kemm ingħataw sentenzi in konnessjoni ma' abbużi fuq it-tfal fl-istess perjodu u jindika l-etajiet tat-tfal involuti u l-piena nflitta?Jista' jagħti l-informazzjoni separatament għal Malta u għal Għawdex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra il-Pulizija kellha 42 rapport li b’xi mod jinkwadraw taħt abbuż fuq tfal, li dwarhom gew imressqa quddiem il-Qorti 49 persuna. Minn dawn, s’issa 5 kellhom il-każ deċiż, fejn 2 ġew mogħtija sentenza ta priġunerija, 1 sentenza sospiża u 2 kienu liberati. Infurmat ukoll illi matul din is-sena kien hemm 13 ir-rapport u tressqu 12 il-persuna li l-każijiet tagħhom għadhom pendenti quddiem il-Qorti. Dawn il-każijiet seħħew f'Malta, ħlief għal wieħed.
Leg 11 PQ #1882 Sitting 32 2008-07-14 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Oġġetti Esposti għall-Bejgħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tfittxija fi stabbilimenti kummerċjali saret mill-pulizijia, sena b'sena, mill-2005 s'issa biex ikun assigurat li l-oġġetti esposti għall-bejgħ ma kienux imdaħħla f'Malta b'kuntrabandu u li fuq l-oġġetti esposti għall-bejgħ ikunu tħallsu t-taxxi kollha dovuti, u li l-oġġetti esposti għall-bejgħ mhux qed jinbiegħu ogħla milli suppost? F'kull każ, x'kien ir-riżultat ta' kull tfittxija u x'passi ttieħdu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija ma tagħmilx spezzjonijiet ta’ rutina sabiex tivverifika jekk it-taxxi fuq oġġetti esposti għall-bejgħ tħallsux kollha, jew jekk hux qed jinbiegħu ogħla milli suppost. Dan ix-xogħol jitwettaq minn dipartimenti li ma jifformawx parti mid-dekasteru tiegħi. Madankollu, il-Pulizija dejjem tinvestiga u tipproċedi skond il-liġi fejn ikunu rrapurtati jew suspettati każi ta’ kuntrabandu. Fil-fatt, mill-2005 l’hawn il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 253 persuna dwar 203 każ ta' xi tip ta kuntrabandu. Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra bl-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

Immigranti Rregolari

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' immigranti rregolari li waslu f'pajjiżna matul is-sena 2008 mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju u kif dan in-numru kien maqsum xahar b'xahar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ immigranti illegali li waslu Malta fl-ewwel sitt xhur ta din is-sena kien kif ġej: Jannar Frar Marzu April Mejju Gunju 0 24 0 109 188 575

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-fatt kemm hu n-numru totali tal-membri tal-Korp tal-Pulizija kif jinstab fl-1 ta' Lulju 2008? Kif dan in-numru ta' membri hu maqsum fid-diversi gradi li jeżistu fil-Korp tal-Pulizija? Kif dan in-numru ta' membri hu fil-fatt maqsum fid-diversi taqsimiet ta' l-istess Korp tal-Pulizija ukoll fl-1 ta' Lulju 2008?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija ma nħossx illi tagħrif aktar dettaljat tal-Pulizja għandu jkun ippublikat.

Immigranti Rregolari

Question

Jista' l-ministru jgħid sena b'sena kemm ġew immigranti rregolari/illegali bejn 1 ta' Jannar sa 31 ta' Diċembru mis-sena 2000 sal-2007? Kemm min dawn ġew ripatrijati jew b'xi mod ieħor ħallew dawn il-ġżejjer matul l-istess żmien indikat hawn fuq, kif ukoll fuq bażi kalendarja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-Mistoqsija huwa kif ġej: 2000 2001 2002 2003 2004 2005 2006 2007 24 57 1686 502 1388 1822 1780 1702 Infurmat ukoll illi n-numru ta’ immigranti illegali li ġew ripatrijati tul l-istess perjodu kienu:- 2000 2001 2002 2003 2004 2005 2006 2007 24 666 1199 1106 704 955 780 338 Dawn iċ-ċifri jinkludu wkoll persuni ta' nazzjonalita' barranija li kienu nstabu Malta illegalment. 20002001200220032004200520062007

Qorti tal-Maġistrati — Proċeduri Kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li ġew nominati "esperti" fil-proċeduri kriminali mill-Qrati tal-Maġistrati matul l-aħħar 12-il xahar? X'kienu l-inkarigi rispettivi u kemm tħallsu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli interpellant għadha qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #2023 Sitting 32 2008-07-14 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qbid ta' droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga matul is-sena 2008 xahar b'xahar, il-kwalita' u l-ammont?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tabelli bl-informaxxjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.