Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mosta – Sistemi ta’ Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali tal-Mosta u Transport Malta dwar il-bidla tas-sistema tat-traffiku (one ways etc.) fi Triq il-Kbira, Triq San Silvestru, u toroq fl-inħawi ta' San Pawl tal-Qlejja fil-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin u l-uniku tibdiel li sar huwa temporanju minħabba x-xogħoljiet ta’ Infrastucture Malta.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Ħaddiema - Telework

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16992, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji għall-Awtorità tat-Trasport kif kien indikat fir-risposta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-informazzjoni mogħtija mill-Awtorita’ tat-Trasport minn l-1 ta’ Marzu 2020 sa llum kien hemm 62 talba uffiċjali għal teleworking minn impjegati sabiex jkunu jistu ilaħħqu mad-doveri familjari tagħhom (mhux relatati ma’ Covid-19). Minn dawn kien hemm 58 mara u 4 rġiel. Hekk kif tfeġġet il-pandemija tal-Covid-19, mill-1 ta’ Marzu 2020 s’issa, l-Awtorita’ tat l-opportunita’ għat-teleworking lil dawk l-impjegati li n-natura tax-xogħol tagħhom jippermetti li jaħdmu mid-dar.

In-Naxxar — Triq il-Fortizza tal-Mosta - xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17017, jista’ l-Ministru jgħid liema kienet id-data li fiha beda x-xogħol fuq Triq il-Fortizza tal-Mosta fl-intier tagħha mill-Mosta san-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif diġà spjegajt fi tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari preċedenti li saru mill-istess Onorevoli membru, Triq il-Fortizza tal-Mosta hija triq twila bejn il-Mosta u n-Naxxar u x-xogħol fiha kien ġie ppjanat li jsir fi tliet fażijiet. Ix-xogħol beda fl-2019 fuq ix-xaqliba tal-Mosta fejn saru l-ewwel żewġ fażijiet li fihom saret manutenzjoni tal-wiċċ tat-triq. Biex setgħet issir il-parti tat-triq li kien fadal in-naħa tan-Naxxar, l-ewwel kellhom jitlestew xogħlijiet tas-sistema tad-drenaġġ li saru minn entità oħra. Għaldaqstant, l-aħħar fażi tax-xogħlijiet f’din it-triq minn Infrastructure Malta bdew fl-ewwel t’Ottubru. Tlesta x-xogħol fuq il-mains tal-ilma u bdew xogħlijiet fuq bankini ġodda. Huwa ppjanat li x-xogħlijiet jiltestew fl-ewwel kwart tal-2021.

Naxxar – Triq San Pawl – storm water culvert

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fix-xogħlijiet li qed isiru fi Triq San Pawl fin-Naxxar għalfejn il-katusa ta’ dijametru wiesgħa li ser tintuża bħala storm water culvert, ma’ tkomplietx sa ħdejn il-Kappella ta’ San Pawl tat-Tarġa biex ingħaqdet ma’ culvert antik li joħroġ minn Triq il-Markiż Scicluna li huwa idjaq? Jikkonferma li lanqas spezzjonijiet fil-manhole ma saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Diċembru, Infrastructure Malta lestiet l-aħħar fażi tal-bini mill-ġdid ta’ Triq San Pawl fin-Naxxar, li testendi 1.3 kilometri bejn ir-roundabout fl-inħawi tat-Telgħa t’Alla u Ommu (Burmarrad) u r-roundaout li hemm fuq in-naħa l-oħra u li tgħaqqadha ma’ Triq il-Parroċċa u Triq il-Wied, l-Iklin. Ix-xogħlijiet bdew kmieni s-sena l-oħra u biex l-inkonvenjent għal kull min jużaha u għar-residenti jkun l-inqas possibbli, dawn tqassmu f’erba’ fażijiet billi f’kull fażi saret parti mit-triq. L-investiment ta’ €2.3 miljun li sar f’din it-triq jinkludi bini mill-ġdid tal-bankini u oħrajn ġodda, punti għall-qsim pedonali ġodda ( pedestrian crossings ) sabiex dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi jkunu jistgħu jaqsmu għan-naħa l-oħra tat-triq b’inqas riskji t’aċċidenti, tqegħid ta’ aktar minn 3 kilometri ta’ pajpiet taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u Internet, kif ukoll katusi tad-drenaġġ li biex saru uħud minnhom kellhom jitħaffru trinek ta’ madwar sular fond kif ukoll inbnew mill-ġdid il-manholes kollha tat-triq. Inbidlet ukoll is-sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita tal-istess triq wara li nstab li din ġarrbet ħsarat waqt xogħlijiet li saru fil-passat, bil-konsegwenza li kienet qed tikkawża problemi ta’ għargħar fit-triq u f’bini li hemm fil-viċin. Qabel ma nbdew ix-xogħlijet is-sistema kollha ġiet spezzjonata b’mod komprensiv permezz ta’ cameras, kif juri r-ritratt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, u rriżulta li fost ħsarat oħrajn kien hemm diversi partijiet minnha miżdudin. Kull fejn instab li din l-infrastruttura ma kenitx taħdem sew ġiet mibdula u s’intendi fejn kienet għadha tajba ma kienx jagħmel sens li tinbidel. Fl-istess waqt saru anke spezzjonijiet fit-toroq tal-madwar u fost xogħlijiet oħrajn saret estensjoni tal-culvert ma’ Triq il-Markiż Scicluna, liema żona qatt ma kellha lqugħ għall-ilma tax-xita. Saru wkoll żewġ soak aways ta’ madwar 40 metru fond biex ikomplu jtaffu l-problema tal-għargħar f’din iż-żona.

Transport Malta — Fondazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra bl-isem tal-fondazzjoni stabbilita minn Transport Malta, liema fondazzjoni ġiet imħabbra mill-Ministru permezz ta’ post fuq social media fit-28 ta’ Novembru 2020? Jista’ l-Ministru jpoġġi kopja tal-istatut fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li L-Att Notarili tal-Fondazzjoni għat-Trasport ġie ffirmat fis-27 ta’ Novembru 2020 fil-preżenza tal- E.T. George Vella President ta’ Malta. Permezz ta’ din il-Fondazzjoni nibtet kooperazzjoni bejn entitatijiet direttament involuti fit-trasport b’mod wiesgħa u minn diversi angoli – Malta Enterprise, Transport Malta, Kamra tal-Kummerċ għall-Intraprizi Żgħar, Assoċjazzjoni ta’ min iħaddem u Kunsill għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija. Il-kopja mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Imrieħel — Proġett ta’ pont -Kamta tan-nar

Question

B’referenza għall-konferenza stampa mogħtija nhar id-19 ta’ Diċembru 2020 minn numru ta’ bdiewa dwar proġett ta’ pont fir-raba’ biswit il-bypass tal-Imrieħel, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kamra tan-Nar 23 t’April u l-ħruq tan-nar tal-festa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi hux ser ikunu affetwati b’dan l-iżvilupp?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħ’Attard – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Ħ’Attard, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Burmarrad – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Burmarrad, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħal Lija – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Ħal Lija, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

L-Imdina – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq tal-Imdina, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Road Safety Council — membri

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra min huma l-membri tar-Road Safety Council, meta ġew appuntati u l-ħlas li jirċievu? Jista’ jipprovdi rendikont tal-laqgħat u xogħol tagħhom mill-2017 sal-lum?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-membri tinsab annessa hawn taħt. Tajjeb li ngħidu li dawn il-membri ma jieħdu l-ebda tip ta’ ħlas. L-għan ewlieni tal-Malta Road Safety Council huwa wieħed ta’ għarfin, edukazzjoni u rakkomandazjoni lil Transport Malta. Il-kunsill flimkien ma’ Transport Malta innedu kampanji edukattivi fejn tidħol is-sigurtà fuq it-toroq Maltin. Dawn ukoll joħorġu b’inizjattivi li jistgħu jiġu implementati għal aktar sigurtà fit-toroq. Dan il-Kunsill jiltaqa’ kull xahrejn, biss waqt il-pandemija l-kunsill ħoloq Kumitat Eżekuttiv biex jevita li jinġabru il-membri kollha. NAME Organization Pierre P. Vella MRSC Dr. Philip Agius Deputy Chairman Adrian Galea Malta Insurance Ass. Dr. Jonathan Joslin Mater Dei Tony Micallef National Blood Transfusion Unit Prof. Charmaine Gauci Director General Public Health Pierre Gatt Education Dept. Dr. Ivan Gatt Transport Malta Joseph Calleja Civil Protection Dept Clint Axisa Transport Malta John Mamo Rep. Motor Bikes Inspector Nicholas Vella Malta Police Glen Gauci Comm for Children Clifford Portelli CRPD Duncan Micallef Malta Motorsport Fed. (2020)

Xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew bini ta’ toroq – valur ta’ kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-dettalji kollha relatati mal-valur ta’ kuntratti rigwardanti xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew bini ta’ toroq jew infrastruttura li ngħataw b’direct order?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif ġiet miġbura mill-entità kkonċernata.

Transport Malta – MoU mal-Pulizija fuq cameras tas-sigurtà fit-toroq

Question

Wara li f’Settembru 2019 Transport Malta ffirmat MOU mal-pulizija fuq cameras tas-sigurtà fit-toroq Maltin u li tħabbar ukoll li kellhom jiġu installati 250 camera oħra, jista’ l-Ministru jgħid kemm twaħħlu minn dawn il-cameras madwar Malta u Għawdex fis-sena 2020? Kemm minnhom huma funzjonabbli? F’liema lokalitajiet twaħħlu? Minn liema fondi ser jitħallsu dawn il-cameras? Min hu l-persuna responsabbli mill-proġett u li jara li dan il-proġett jitwettaq fiż-żmien stipulat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill -Onorevoli Interpellant illi l-MoU li ġie ffirmat mal-Pulizija ma jagħmel l-ebda referenza għall-installazjoni ta’ 250 camera oħra. Għaldaqstant il-proġett ta’ twaħħil ta’ cameras ġie irrevedut u dawn l-cameras m’humiex ser jitwahhlu minn Transport Malta.

Transport Malta – National Traffic Control Centre

Question

Skont l-Annual Report ta’ Transport Malta 2019, li state-of-the-art National Traffic Control Centre kellu jiġi mwaqqaf fl-uffiċċji li għandha Transport Malta f’Sa Maison sas-sena 2020? Jista’ jgħid f’liema stadju wasal dan il-proġett u meta se jiġi inawgurat? Kemm sewa dan il-proġett? Min huma l-kuntratturi/Consortium/Joint Venture li ġew ikkummisjonati jwettqu dan il-proġett? Dan se jitħallas minn fondi esterni jew fondi Nazzjonali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta' “National Control Centre “ ġie rrevedut matul is-sena 2020 għal ‘TM Control Centre’. Madankollhu dan il-proġett wasal fi stadju avvanzat, l-aħħar sejħa għall-offerti għal apparat u software intiž biex ikun tassew ċentru state of the art, ser tkun ippublikata fi ftit taž-żmien. Dan ser issir bi’ spiża ta’ ċirca 4 miljun Euro li jinkludu fondi lokali u Ewropej.

Ħal Qormi – Triq San Franġisk u Triq San Pawl – xogħlijiet fuq triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li x-xogħol fi Triq San Franġisk u Triq San Pawl f’Ħal Qormi, jitlesta mingħajr aktar dewmien u ħela ta’ ħin? Jaf il-Ministru bl-inkonvenjent kbir minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ Infrastructure Malta u l-entitajiet governattivi, qed joħolqu inkonvenjent kbir lir-residenti ta’ dawn it-toroq u l-akkwati? Jaf il-Ministru, li x-xogħol fuq dawn it-trejqiet żgħar kellu jieħu ftit ġranet biss, imma spiċċa ħa ġimgħat u għadu mhux lest? X’inhi r-raġuni li mhux isir xogħol kuljum fuq dan il-proġett żgħir? Jista’ jgħid hux minnu li kif allegat minn xi residenti, ix-xogħol mhux isir skont is-sengħa u l-arti? Jekk dan hu minnu, jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu? Kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol? Jista’ jieħu passi immedjati mingħajr aktar dewmien?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Infrastructure Malta – bini ta’ pont mill-Imrieħel għal Ħal Qormi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu eżatt il-proġett ta’ pont mill-Imrieħel għal Ħal Qormi li ser isir minn Infrastructure Malta u li l-Qriema skoprew b’kumbinazzjoni wara konferenza stampa mill-bdiewa fid-19 ta’ Diċembru? Minn fejn ser jibda l-pont li huwa ppjanat li jinbena u fejn ser jispiċċa? Huwa minnu li la l-bdiewa u lanqas il-Kunsill Lokali ma kienu informati u kkonsultati b’dan l-iżvilupp? X’ser isir mit-torri tal-għassa tal-Gran Mastru Pinto? X’ser isir min-niċċa ta’ San Ġwakkin li kien irrestawra l-kunsill lokali li kont nagħmel parti minnu jien? X’ser isir mill-footbridge li nbena ftit ilu biex dawk mill-Qasam tal-Blat 2 jaqsmu l-bypass għaċ-ċentru ta’ Ħal Qormi? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta u footprint ta’ kif ser ikun dan il-pont u minn fejn ser jgħaddi eżatt?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor Interpellant li l-proġett ippjanat, li għadu fl-ewwel stadji tal-ippjanar, jinkludi l-bini ta’ flyover f’salib it-toroq bejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery) u Triq in-Negozju, kisra perikoluża li ilha biex titneħħa snin twal peress li fiha ta’ spiss iseħħu aċċidenti serji. Dan il-proġett mhux se jsir biex il-Bypass titwessa’, tant li din se tibqa’ kif inhi llum, b’żewġ korsiji kull naħa. Madankollu, sabiex issir il-flyover, jeħtieġ li tittieħed art addizzjonali maġenb l-istess triq. B’hekk tkun tista’ titneħħa l-kisra kerha fejn bħalissa l-karozzi jkollhom jaqsmu ¿ewġ korsiji b’karozzi oħra ġejjin minn faċċata biex jaslu l-Imrieħel minn Triq in-Negozju. F’dan il-post ilhom iseħħu ħabtiet koroh, b’uħud wasslu għal imwiet, sa minn meta nbniet il-Bypass fis-snin disgħin. Qed jiġi propost ukoll li tittieħed ftit art maġenb it-triq sabiex issir korsija għar-roti u bankina ġdida, hekk kif bħalissa m’hemmx faċilitajiet siguri għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi f’din it-triq. Huwa dejjem fl-interess u fir-responsabbiltà ta’ Infrastructure Malta li filwaqt li kull proġett ta’ importanza nazzjonali jkun fattibbli u sigur, l-istess aġenzija tiżgura li tiġi affettwata mill-inqas art possibbli meta jkun qed isir id-disinn tal-proġett. Infrastructure Malta nnotifikat lid-diversi sidien li jistgħu jiġu affettwati b’dan il-proġett, kif ukoll qiegħda tiltaqa’ u tiddiskuti magħhom sabiex fejn hu possibbli takkomoda t-talbiet u s-suġġerimenti tagħhom. Kif jitolbu l-liġijiet ta’ Malta, is-sidien t’artijiet privati li jistgħu jiġu esproprjati jingħataw kumpens ġust u xieraq mill-aktar fis. Ukoll fejn ikun il-każ, bdiewa li jaħdmu artijiet tal-gvern ukoll jiġu kkumpensati skont ir-regolamenti stabbiliti. Dan il-proġett għal aktar sigurezza fil-Bypass tal-Imrieħel jinsab speċifikat fil-Pjan Nazzjonali għat-Trasport ta’ Malta tal-2025. Fil-fatt, it-titjib tal-Bypass tal-Imrieħel huwa mniżżel bħala t-tmien l-aktar proġett importanti li Malta teħtieġ twettaq fix-xibka tat-toroq ewlenin li tifforma parti min-netwerk Ewropea, magħrufa bħala TEN-T (Trans-European Transport Network), hekk kif stipulat fil-liġi Ewropea (EU) 1315/2013. Il-bżonn ta’ titjib tas-sigurezza ta’ din it-triq huwa wkoll speċifikat b’mod ċar bħala diffikultà inkwetanti anke fil-Pjan Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta mfassal fl-2006. Dan il-pjan jidentifika t-titjib fis-sigurezza tal-Bypass tal-Imrieħel bħala waħda mill-prioritajiet ewlenin: “Il-MEPA tappoġġja u tħeġġeġ lil ADT u lil entitajiet oħra biex iwettqu xogħlijiet u mi¿uri biex jikkontrollaw il-parkeġġ, ineħħu l-perikli u jirregolaw il-movimenti fil-Bypass tal-Imrieħel.” Infrastructure Malta diġà għamlitha ċara li dan il-proġett għal aktar sigurezza fil-Bypass tal-Imrieħel għadu fl-ewwel stadji tal-ippjanar tiegħu u li ma kien hemm l-ebda tentattiv li jitwettaq bil-moħbi, hekk kif allegat fil-konferenza tal-aħbarijiet li qed issir referenza għaliha. Fil-fatt, is-sidien tal-artijiet li tkellmu fl-istess konferenza saru jafu bil-proġett li qed jiġi propost meta Infrastructure Malta ikkuntattjathom biex tniedi l-konsultazzjonijiet ma’ dawk kollha konċernati, sabiex tkun tista’ tiffinalizza d-disinji bl-inqas impatti negattivi possibbli. L-istess sidien tal-artijiet kienu mistiedna għal żewġ laqgħat ma’ Infrastructure Malta bħala parti minn dan il-proċess, fejn anke ngħataw kopja tal-pjanti preliminari. Meta l-pjanti tal-proġett ikunu ġew diskussi ma’ dawk kollha konċernati, fosthom l-awtoritajiet tal-ambjent u tal-ippjanar, il-proposta finali li titressaq lill-Awtorit tal-Ippjanar għad-deċiżjoni finali tkun miftuħa wkoll għall-pubbliku għal aktar konsultazzjoni, hekk kif isir normalment f’kull żvilupp ġdid. Kif spjegajt il-proċess li bih qed ikun ippjanat dan il-proġett huwa wieħed normali u trasparenti, assolutament la kien hemm u mhu se jsir xejn bil-moħbi. Kemm it-torri tal-għassa tal-Gran Mastru Pinto u n-niċċa ta’ San Ġwakkin mhumiex se jintmissu b’dan il-proġett. Il-pont pedonali eżistenti fil-Bypass tal-Imrieħel ma jkunx hemm aktar ħtieġa tiegħu jekk il-junction ma’ Triq in-Negozju tinbidel f’junction fuq diversi livelli. L-influss prinċipali tat-traffiku lejn il-lvant u l-punent minflok jgħaddi minn fuq il-flyover u r-roundabout ġdida taħtha se jkollha mogħdijiet u faċilitajiet tat-tip toucan crossings minn fejn wieħed jaqsam b’mod sigur kemm bil-mixi jew bir-rota fil-livell l-aktar baxx tal-junction, minn fejn il-vetturi jkollhom jgħaddu b’veloċità mnaqqsa meta joqorbu jew biex joħorġu mir-roundabout. F’dan ir-rigward, kemm-il darba l-proġett għat-titjib fis-sigurezza tal-Bypass tal-Imrieħel jiġi approvat, il-pont pedonali jiġi żarmat biex jintuża x’imkien ieħor. Intenni li dan mhux proġett ta’ twessigħ ta’ toroq iżda huwa maħsub biex ikun hemm titjib fis-sigurezza għal inqas aċċidenti u titjib fil-faċilitajiet għall-mixi u r-roti, għal konnessjoni aktar komda minn Ħal Qormi lejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali.

Bini ta’ pont bejn l-Imrieħel u Ħal Qormi

Question

B’referenza għall-konferenza stampa mogħtija fid-19 ta’ Diċembru 2020 minn numru ta’ bdiewa, jista’ l-Ministru jgħid x’ser isir mill-bdiewa tal-inħawi jekk jinbena l-pont bejn l-Imrieħel u Ħal Qormi? Se jitilfu l-art? Hemm pjanijiet biex dawn jiġu akkomodati u biex jinqered l-anqas ammont ta’ raba’ saqwi possibbli? Il-bdiewa ġew ittrattati b’mod ġust u xieraq minn Infrastructure Malta?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 17873 tal-istess Seduta li saret mill-istess Onorevoli Membru.

Dwejra (limiti tar-Rabat) – bdil ta’ water supply

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-pariri meħtieġa biex jara li f’xogħol li qed isir fl-inħawi tad-Dwejra (limiti tar-Rabat) fejn qed isir xogħol ta’ għoti ta’ tarmac, isir xogħol ukoll ta’ tibdil tal-water supply ladarba l-kanen huma antiki u msadda? Din it-talba qed titressaq sabiex ladarba jsir ix-xogħol fit-triq bl-għoti ta’ tarmac, l-istess triq ma tispiċċax terġa’tinqala’ minħabba l-bdil tal-kanen tal-water supply.

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Fejn jidħlu żoni rurali kif huma l-inħawi indikati fil-mistoqsija, sa mill-2019 l-aġenzija bniet mill-ġdid jew għamlet xogħlijiet ta’ titjib f’aktar minn 230 triq rurali li fihom ġew mgħoddijin kilometri ta’ servizzi partikolarment dak tal-ilma. Billi ż-żona li qed issir referenza għaliha hija waħda arkeoloġikament sensittiva nħass li jkun aħjar jiġi evitat tħaffir ta’ trinek. Minflok, saru arranġamenti sabiex permezz ta’ pajp mirdum mal-ġenb tat-triq, l-entitajiet kompetenti jkunu jistgħu jtejbu s-sistema tat-tqassim tal-ilma tal-inħawi mingħajr il-bżonn li jinqala’ l-asfalt ġdid.

Trasport Pubbliku – anzjani li jintalbu jħallsu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid peress li anzjani li jużaw it-trasport pubbliku huwa b’xejn (bla ħlas) għal-liema raġuni anzjani li ma jkollhomx il-card fuqhom, qed jintalbu biex iħallsu għall-użu ta’ trasport pubbliku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-miżura fejn persuni li għandhom bejn l-erbatax u l-għoxrin sena, studenti li għandhom 21 u aktar, persuni b’diżabilità kif ukoll persuni li għandhom 70 sena u aktar jivjaġġaw b’xejn meta jużaw it-trasport pubbliku bi skeda, taħdem fuq sistema ta’ refund fejn dak li jkun intefaq f’nollijiet tal-karozza tal-linja f’xahar jiġi miżjud lura bħala kreditu fuq it-Tallinja Card ix-xahar ta’ wara. Għaldaqstant hemm il-bżonn li persuna biex tibbennifika għandha tagħmel użu min din il-card. L-użu tal-card huwa wkoll meħtieġ sabiex tinżamm statistika ta’ kemm persuni qegħdin jibennefikaw kif ukoll kemm qegħdin isiru vjaġġi taħt din il-miżura.

Birkirkara – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Birkirkara, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.