Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Reklami fuq gazzetti - Nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu f’reklami fuq gazzetti mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn ir-reklami, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-gazzetti li l-Ministeru xtara r-reklami?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Mater Dei – Każijiet ta’ Overdose ta’ droga illeċita
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm admissions fl-Isptar Mater Dei minħabba overdose ta' droga illeċita fis-sena 2023?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ ammissjonijiet ġewwa l-Isptar Mater Dei minn Jannar sa Diċembru 2023 minħabba overdose ta' droga illeċita huwa ta’ 26 każ.
Inżid ngħid li importanti li wieħed jgħid li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li setgħu ġew inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma ddaħħlux bħala pazjenti fl-iswali tal-Isptar Mater Dei.
Sptar Mater Dei – Każijiet ta’ Overdose ta’ kokaina
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm admissions fl-Isptar Mater Dei minħabba overdose ta' kokaina fis-sena 2023?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ ammissjonijiet ġewwa l-Isptar Mater Dei minn Jannar sa Diċembru 2023 minħabba overdose ta' kokaina huwa ta’ 17-il każ.
Inżid ngħid li importanti li wieħed jgħid li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li setgħu ġew inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma ddaħħlux bħala pazjenti fl-iswali tal-Isptar Mater Dei.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġu nurses mill-Indja li kif appena jidħlu Malta, isibu ruħhom fil-wards mal-pazjenti minkejja li ma jkunux jafu kelma waħda bl-Ingliż?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-infermiera li huma Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi u li jiġu impjegati mas-Servizz Pubbliku għandhom ikunu reġistrati mal-Kunsill Malti tal-Infermiera u l-Qwiebel, li tali Kunsill jeħtieġ li dawn l-applikanti jkollhom l-Ingliż, kif inhu imniżżel fis-sit elettroniku ta’ dan il-Kunsill.
Barra minn hekk, dawn is-sejħiet ta’ applikazzjonijiet sabiex dawn ikunu impjegati bħala Infermiera jeħtieġu wkoll dan li ġej:
- jipprovdu, sad-data tal-intervista, evidenza li l-kwalifika primarja fin-Nursing ġiet segwita bil-lingwa Ingliża;
Jew
- jipprovdu, sad-data tal-intervista, ċertifikat validu tal-IELTS (International English Language Testing System) ta' band score medju ta' 6 jew ogħla f'dominji ta' komprensjoni, qari, kitba u lingwa mitkellma. Kwalifika ċċertifikata ekwivalenti għal IELTS Livell 6 (ta' band score medju ta' 6) eż. GCSE / Cambridge Grad C, TOEFL (IBT) : 60-80, CEFR : B2 jkunu wkoll aċċettati;
Jew
- billi jipprovdu dokumentazzjoni li turi tal-inqas sitt (6) xhur esperjenza ta' xogħol iċċertifikat full-time bħala infermiera rreġistrata fir-Renju Unit jew l-Irlanda jew kwalunkwe pajjiż ieħor li jitkellem bl-Ingliż fejn l-Ingliż huwa l-lingwa primarja u/jew uffiċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jistgħux jiġu mixtrija iktar parts (għax ġew obsolete) għall-makkinarju biex jagħmel l-operazzjonijiet li sewa EUR190,000 u li qatt ma ħadem?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19174.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-insulin pumps f’Malta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed nikkunsidraw l-introduzzjoni tal-insulin pumps. Preżentament, il-pjan hu li nipprovdu Continuous Glucose Monitors lil kull min hu Type 1 Insulin Dependent Diabetics.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-Direct Order 'Negotiated Procedure for Leasing of 22 Accommodation Units for Gozo General Hospital' CFT CA UNIQUE ID: CPSU0583/24 - 014-6029/24’? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-valur u għal kemm hu l-perjodu ta' din id-Direct Order?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-Direct Order 'Negotiated Procedure for Leasing of 22 Accommodation Units for Gozo General Hospital' bin-numru ta’ referenza CFT CA UNIQUE ID: CPSU0583/24 - 014-6029/24’ tikkonsisti:
1. Pagament mensili għal kiri ta’ appartamenti għall-użu ta’ tobba li jaħdmu Għawdex;
2. Servizzi ta’ tindif ta’ l-istess appartamenti; u
3. Servizzi anċillari għall-persuni li jużaw dawn l-appartamenti.
Id-DO għandu valur ta’ €355,126.00 u hu għall-perjodu ta' tnax-il xahar.
Jista’ l-Ministru jispeċifika kif isir monitoraġġ taż-żoni tal-għawm madwar Malta u Għawdex mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, u jagħti informazzjoni dwar in-numru totali ta’ testijiet li saru mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm minn dawn it-testijiet indikaw tniġġis mid-drenaġġ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi bħala parti mill-monitoraġġ taż-żoni tal-għawm jittieħdu il-kampjuni għall-kwalità tal-ilma baħar minn 87 sit uffiċjali għall-għawm minn madwar Malta, Għawdex u Kemmuna matul l-istaġun uffiċċjali tal-għawm li jibda mit-tielet gimgħa ta’ Mejju sat-tielet ġimgħa t’Ottubru, kif inhu rikjest mir-Regolamenti Dwar il-Maniġġar tal-Kwalita` Tal-Ilma Tajjeb Għall-Għawm - Avviż Legali Nru. 125 tal-2008.
Jinġabru wkoll kampjuni mis-siti kollha ġimgħatejn qabel ma’ jibda l-istaġun uffiċċjali tal-għawm (pre-season)
L-informazzjoni dwar il-kampjuni miġbura mis-sena 2016 s’issa u li fuqhom ikunu saru t-testijiet neċessarji qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport dwar ilmenti ta’ drenaġġ f’żoni tal-għawm irċieva d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali mill-pubbliku u minn entitajiet pubbliċi mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skont iż-żona u kemm minn dawn indikaw tniġġis mid-drenaġġ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-prezzijiet aġġornati li japplikaw għat-tqala u twelid fl-Isptar Mater Dei (Prices for Pregnancy and Delivery) u l-politika li qed tintuża mill-isptar dwar liema nisa qed jintalbu biex iħallsu dawn il-prezzijiet? Jista’ jassigura li ebda mara qatt ma ġiet jew qatt ma tiġi rifjutata servizzi ta’ qabel it-twelid (ante-natal) jew servizzi oħra marbuta ma’ tqala u twelid u wara t-twelid minħabba li ma tkunx tista’ tħallas?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ prezzijiet tinsab fl-Avviż Legali Nru. 105 tal-2024 li diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jispjega x’servizzi ta’ interpreti kulturali (cultural interpreters) qed joffri l-Isptar Mater Dei għal pazjenti li jkollhom bżonnhom biex jifhmu sew il-proċess tal-kura li jkollhom bżonn?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li ġewwa l-Isptar Mater Dei jiġi offrut servizz ta’ impjegati interpreti li jista’ jiġi utilizzat meta jkun hemm pazjenti b’barrieri lingwistiċi. L-impjegati li jwieġbu għal sejħa interna, jiddaħħlu fl-MDH Interpreter Database, li tinkludi dettalji ta’ kuntatt tagħhom, id-disponibbiltà u l-lingwa/i li jistgħu jipprovdu interpretazzjoni għalihom.
Minn Awwissu 2023 ingħata bidu għal servizz ta’ interpretazzjoni bit-telefon minn persuni lingwistikalment ikkwalifikati u mħarrġa (inkluż fir-rigward tas-sensittività kulturali). B’dan is-servizz, hemm aktar minn 200 lingwa disponibbli. Is-servizz jista’ jintuża ad hoc jew bbukkjat minn qabel.
Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-Isptar Mater Dei daħħal policy ġdida li biha Third Country Nationals li huma undocumented jew li mhux jaħdmu f’Malta, qed jintalbu jħallsu għal servizzi ta’ qabel it-tqala u servizzi oħra marbuta mat-tqala, mat-twelid u ma’ wara t-twelid? Jista’ jgħid ukoll huwiex minnu li s-servizzi marbuta ma’ twelid ta’ tarbija m’għadhomx meqjusa bħala “essential care” u għalhekk qed jiġu mitluba ħlasijiet għalihom, li jfisser li min ma jħallas ma jingħatax is-servizzi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-isptar Mater Dei jimxi skont il-Leġislazzjoni Maltija u b’hekk kull każ jiġi evalwat b’mod individwali fejn kull pazjenta issirilha verifika jew tintalab tipprovdi dokumentazzjoni kif titlob il-liġi Maltija. Ġaladarba jiġi determinat li l-pazjenta ma tikkwalifikax għat-trattament b’xejn, din tintalab tħallas skont l-Avviż Legali 105 tal-2024 li diġa tpoġġiet il-Mejda tal-Kamra.
Il-proċess tal-pagament fl-ebda ħin ma jostakola xi proċess mediku ta’ emerġenza u dan jaħdem f’sintonija mad-Dipartiment ikkonċernat għall-aqwa ġid tal-pazjent u fl-istess waqt sabiex tiġi salvagwardjata l-liġi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18662 u jgħid jekk ix-xogħol relatat mas-sigurtà tal-ikel hux se jitneħħa minn taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali u se jaqa’ taħt ir-reponsabbilità tal-Ministeru tal-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Intepellant li fil-mument, id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali hu parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18663 u jgħid jekk numru ta’ Spetturi tas-Saħħa hux se jkunu mitluba jmorru jaħdmu mal-Ministeru tal-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali minħabba li hemm il-pjan li titwaqqaf Awtorità tal-Ikel u li dawn l-ispetturi jkunu jiffurmaw parti minnha?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14549, 14900, 15493, 16643, 17301, 17717, 18153, 18463 u 18739 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Hospital Activity Report għall-Isptar Mater Dei għas-sena 2022?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew iġġenerati flus mill-kannabis għall-użu mediċinali f’Malta għall-importaturi fl-2023 u l-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.