Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bozoz Energy Savers

Question

Wara l-aħbar li l-bozoz tradizzjonali se jinqatgħu sa Settembru 2012 kif tħabbar fuq il-mezzi tax-xandir u wara n-numru ta' bozoz energy savers li l-Gvern qassam, mingħajr ebda preġudizzju għall-pass pożittiv li ttieħed li jiġu ntrodotti f’pajjiżna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: a) X'kampanja edukattiva għamel il-Ministru biex jassigura s-saħħa tan-nies li jużaw dawn il-bozoz, meta dawn fihom kimika tossika li hi l-merkurju? b) X'mezzi qed juża biex jassigura li r-rimi ta' dawn il-bozoz, li huma meqjusa bħala skart tossiku, jsir skond id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea WEEE (Waste from Electric and Electronic Equipment)? ċ) Jista' jgħid meta l-Avviż Legali 63 ta' l-2007 dwar ir-rimi ta' dan l-iskart tossiku daħal fis-seħħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qabel xejn napprezza l-fatt li llum l-Oppożizzjoni tqis l-iskema tat-tqassim tal-bozoz energy-saving bħala “pass posittiv” minkejja li fil-passat ippruvat tirredikola din l-inizjattiva. Sadanittant, nixtieq ninforma lill-Onor Membru li l-pubbliku kien infurmat kif għandu juża’ dawn il-bozoz permezz ta’ informazzjoni li kienet inkluża fil-voucher stess. Jien infurmat ukoll li l-WasteServ qed tagħmel riklami kontinwi fuq il-mezzi tax-xandir biex il-pubbliku biex jagħmel użu mill-5 Ċentri għall-Skart Goff ( Civic Amenity Sites ) f’Malta u Għawdex meta jiġi biex jarmi dawn il-bozoz użati. Dawn il-bozoz qed jiġu trattati l-istess bħal fluorescent tubes , li qed jinġabru separatament f’dawn ic-centri. Wara, l-WasteServ tiddisponi minnhom skond id-direttivi li hemm fis-seħħ dwar hazardous waste . Dwar l-aħħar parti, nitlob l-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Solid Waste Management Strategy Document — diskussjoni fil-Parlament

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13352 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta hu mistenni li jiġi diskuss is-Solid Waste Management Strategy Document tal-Gvern fil-Parlament kif imwiegħed mill-Ministru Pullicino, issa li ġie formalment approvat mill-Kabinett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Infurmat lid-diskussjoni fuq id-dokument ta’ Strateġija li ġie finalizzat wara perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika, ser issir fil-ġimgħat li ġejjin. Filwaqt li napprezza l-ħerqa tal-Onor Membru biex id-diskussjoni issir fil-Parlament, sfortunatament ikolli ninnota li ma rajtx l-istess ħerqa u entużjażmu mill-Onor Membru u l-Oppożizzjoni biex jagħtu kontribut fuq l-Abbozz tal-Istrateġija li kien miftuħ għal 8 ġimgħat ta’ konsultazzjoni pubblika. Napprezza jekk l-Oppożizzjoni sa dakinhar lid-diskussjoni fuq id-dokument finali ssir fil-Parlament, tagħmel pubblika l-pożizzjoni tal-“Kumitat ta’ Esperti” li sena ilu qalet li se twaqqaf biex jagħti reazzjoni għall-Abbozz tal-Istrateġija.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Dikjarazzjoni tal-ispejjez għal safar

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż GA 27B magħmula skond paragrafu 8.10.1.4 tal-PSM Code għal kull safra uffiċjali li saret mill-Ministeru matul l-2009, fejn l-ispiża qabżet l-€2,000?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Diesel bil-kuntrabandu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14444 u 14177 li orġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u ċioe: Issa li diġà tħabbar li nqabdu xi bowsers b'diesel tal-kuntrabandu sa anke minn Ottubru li għadda, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Koporazzjoni Enemalta għamlitx xi rapport uffiċjali li naqas il-bejgħ mill-pompi tagħha? Hemm xi ħjiel fejn qed jiġi maħżun dan id-diesel li qed jiddaħħal bil-kuntrabandu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-Korporazzjoni Enemalta ma għamiltx rapport lill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Rizorsi li naqas il-bejgħ mill-pompi tagħha. L-Awtorità ta' Malta dwar ir-Rizorsi mhix l-Awtorità kompetenti biex tagħti risposta ghat-tieni domanda.

Ħlas lis-sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li kien ġie mwiegħed benefiċċju lis-sajjieda għal matul l-istaġun magħluq tal-pixxispad? Jista' jikkonferma li dan kellu jkun ta' €800 fix-xahar? Jista' jgħid kemm-il sajjied applika għal dan il-benefiċċju u kemm kienu meqjusa bħala li huma eleġibbli għal dan il-benefiċċju? Jista' jgħid kemm kienet sal-lum in-nefqa totali li saret fuq dan il-benefiċċju? Jista' jgħid jekk il-ħlasijiet ta' dan il-benefiċċju għall-istaġun magħluq tas-sena 2009 sarux? Jekk le, sa meta se jkunu saru dawn il-ħlasijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għal stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Informazzjoni nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Frar 2010 fejn intqal li l-Gvern ser jagħti, minn fondi lokali, kumpens lis-sajjieda armati għas-sajd tal-pixxispad. Infakkar l-Onor Membru li diġà ngħata kumpens fl-2008 u l-kumpens għall-2009, li ser ilaħħaq madwar € 70,000, jingħata kif jintemmu l-verifiki neċessarji ħalli nkunu ċerti li fondi pubbliċi jitqassmu kif suppost.

Xogħlijiet ta' restawr

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet ta' restawr/embellishment qed isiru bħalissa mill-ħaddiema tal-Gvern? F'liema nħawi ta' Malta qed isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Internal audits f'awtoritajiet, korporazzjonijiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta’ dawk l-awtoritajiet, korporazzjonijiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li: a) għandhom internal auditor ? b) li għad m'għandhomx internal auditor ? ċ) f'każ ta' dawk li għandhom internal auditor jgħid kemm ilu li nħatar u min huwa? d) filwaqt li jagħti raġuni għaliex m'hemmx internal auditor f’dawk l-entitajiet li s’issa għad m'għandhomx wieħed, jindika ukoll meta dan il-vojt mistenni jimtela'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

tobba veterinarji — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14005 u jgħid kemm-il spezzjoni saret mit-tobba veterinarji fuq l-irziezet f'Malta u Għawdex separatament matul l-2009, rispettivament? F’kemm minn dawn l-ispezzjonijiet instab li kien hemm xi negliġenzi ta' moħqrija tal-annimali u/jew tjur? X'passi ttieħdu u kemm tressqu persuni l-Qorti u/jew weħlu multi abbażi tan-nuqqasijiet li kkommettew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji — numru ta' pets importati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14004 u jgħid, skond id-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji kemm huwa n-numru ta' annimali, għasafar, ħut u speċi oħra li ġew importati bħala petsf'Malta u Għawdex separatament, matul l-2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi skond id-dipartiment tas-servizzi veterinarji, matul l-2009 f’Malta daħlu 482 klieb u qtates b'passaport validu u 148 klieb u qtates li kellhom jitqiegħdu l-kwarantina. Dawn il-klieb u qtates ġew kemm min Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropeja, kif ukoll minn Stati oħra li huma membri tas-sistema tal-ivjaġġar tal-klieb u qtates bil-passaport. Matul l-2009, taħt is-sistema Traces ġew reġistrati wkoll movimenti ta': Għasafar tal-Priza - 4 Pappagalli - 5333 Għasafar oħra - 2237 Rettili - 164 Mammiferi - 103

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — lista ta' tenders u direct orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tat-tenders u direct orders li ngħataw mill-Ministeru f'din l-aħħar sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Interpellant hu infurmat li d-dokumenti li qed jitlob jikkontjenu informazzjoni ta’ natura kummerċjali u għalhekk mhux indikat li ‘tender documents’ jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Butchers tradizzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm butchers tradizzjonali li bbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Jekk iva, kemm kienu dawn l-individwi bħala numru u kemm ibbenefikaw b'mod individwali f'kull każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li s’issa ma seta jingħata l-ebda għajnuna lill-butchers tradizzjonali minn fondi Ewropej mill-Ministeru tiegħi.

Trobbija tat-tiġieġ

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistqosija parlamentari 14043, jista' l-Ministru jgħid kemm se jdum jingħata tali sussidju għat-trobbija ta' tiġieġ? Kemm qed jingħata sussidju lill-oqsma l-oħra tal-agrikoltura sena b'sena mill-2004 sal-lum? Kemm se jdum jingħata tali sussidju?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi s-sussidju għat-trobbija tat-tiġieġ jieqaf fl-aħħar ta' din is-sena (2010) bil-pagamenti relatati jitħallsu sal-2011 skond kif kien ġie miftiehem fl-Accession Treaty . Is-sussidji taħt l-SMPPMA ser jibqgħu jitħallsu kif indikat hawn taħt: Prodotti tal-annimali - sa l-aħħar tal-2010 (bl-arretrati jitħallsu sal-2011); Settur taż-żriegħ (Tadam u nbid, ħxejjex u frott) - sa l-aħħar tal-2014 (bl-arretrati jitħallsu sal 2015) Qiegħed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Membru fit-tieni parti tal-mistoqsija.

National Flood Relief Project — isem tal-perit responsabbli

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14505 u ċioe: b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14318, jista' l-Ministru jirrispondi l-aħħar parti tal-mistoqsija u jgħid min hu l-perit (Malti) responsabbli minn dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-periti Maltin tal-proġett huma Martin Xuereb MXA & Associates.

ingredjenti tal-juice li qed jitqassam fl-iskejjel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14506 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhuma l-ingredjenti tal-juice li qiegħed jingħata fl-iskejjel? Minn xiex hu magħmul dan il-juice?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-juice li ngħata fl-iskejjel kien magħmul minn taħlita ta’ larinġ u lumilarinġ magħsur pur, jiġifieri ma kellux żjieda ta’ ilma, zokkor jew ingredjenti oħra.

Palazz tal-President — żbir ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jara li s-siġar li hemm fil-btieħi tal-Palazz tal-President, fil-Belt jiġu miżbura għax uħud minnhom tant kibru li tilfu l-forma tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi qed isiru l-arranġamenti meħtieġa biex ix-xogħol ta’ żbir isir fil-jiem li ġejjien.

financial feasability tal-proġett nazzjonali kontra l-għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx l-istudju sabiex jistabilixxi financial feasability tal-proġett nazzjonali kontra l-għargħar kif mitlub li jsir fi proġetti li huma finanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv, x'inhu r-riżultat ta' dan l-istudju? Jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-financial feasibility study dwar il-proġett kontra l-għargħar qiegħed fi stadju avvanzat u hu mistenni li l-ewwel draft tiegħu ikun lest fil-ġimgħat li ġejjien. Nirreferi ukoll l-Onor Membru għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 14318.

Sliema/Gzira — Rue D'Argens, Pompa tal-Petrol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13162 u 9705 li ilni li għamiltha mill-anqas tmien xhur ilu u jgħid ukoll x'diffikultajiet insormontabbli qed isib biex jagħti r-risposta mitluba u ċioe: jekk l-operatur tal-pompa tal-petrol fin-naħa ta’ fuq ta’ Rue D’Argens Sliema/Gżira għandux il-permessi kollha meħtiega biex jopera skond il-liġi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-operatur tal-pompa msemmija għandu l-permessi kollha meħtieġa li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorita ta’ Malta dwar ir-Riżorsi sabiex joppera l-pompa tal-petrol. Ix-xogħol li sar fuq il-pompa ġie ċċertifikat minn Inġinier imqabbad mill-operatur u verifikat minn uffiċjali tal- Awtorità ta’ Malta Dwar ir-Riżorsi. Nitlob lill-Onor Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat rigward permessi oħra relatati ma’ l-operat ta’ din il-pompa.

Fondi ta' l-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12668 u 8316 u jgħid kemm kien hemm każi s'issa ta' persuni li abbużaw billi ħadu fondi ta' l-Unjoni Ewropea ta' għajnuna għall-bdiewa meta applikaw fuq għelieqi li wara rriżulta li m’għandhomx titlu fuqha? Kemm kienu l-ammont ta’ fondi li ngħataw? X’passi ttieħdu dwar dawn l-abbużi? X’xogħol isir biex meta jiġu proċessati l-applikazzjonijiet jiġi verifikat ukoll jekk l-art li fuqha ssir l-applikazzjoni għandhomx titlu fuqha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-għajnuna finanzjarja diretta minn fondi Ewropej mahijiex marbuta mat- titlu ta’ l-art. L-għajnuna tingħata lil min qed jaħdem/jokkupa l-art li tkun ġiet dikkjarata fl-applikazzjoni. Is-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (IACS) li ġiet żviluppata skond Kapitlu 4 tar-Regolament 1782/2003, tikkontrolla li persuna waħda biss tibbenefika minn għajnuna fuq kull biċċa art. Sal-lum ma kien hemmx każi ta' persuni li abbużaw billi ħadu fondi ta' l-Unjoni Ewropea ta' għajnuna meta applikaw fuq għelieqi li wara rriżulta li ma kienux qed jaħdmuhom.

Raħħala tal-baqar/barrin — għajnuna mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' raħħala tal-baqar/barrin li ingħataw l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea matul l-2009? Fejn huma armati l-farms ta' dawn ir-raħħala? Kemm kienet b'mod globali l-għajnuna li ngħatat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi n-numru ta’ raħħala tal-baqar/barrin li ngħataw l-għajnuna għall-baqar/barrin mill-Unjoni Ewropeja matul l-2009 taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2007/13 huwa ta’ 60 waqt li mill-għajnuna finanzjarja diretta taħt l-Iskema tal-Pagament Uniku għas-sena 2009 bbenefikaw 67 raħħal. Ir-raħħala li bbenefikaw minn dawn l-għajnuniet għandhom l-irziezet tagħhom ġewwa Malta f’Ħal Għaxaq, Żejtun, Birżebbuġia, Rabat, Naxxar, Mellieħa, Swieqi, San Ġwann, Salina, Dingli, Magħtab, Marsascala, Luqa u Siggiewi u f’Għawdex ġewwa Kerċem, Sannat, Rabat, Munxar u Xewkija. It-total ta’ għajnuna li ngħatat matul l-2009 hija ta’ €6,180,014.66.