Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4414 u jara li jiġi provdut public convenience għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja li l-venda tagħhom qiegħda fl-Isptar Mater Dei?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4535 u 4189 u jgħid kemm kien in-numru ta' impjegati fl-Isptar San Luqa fl-aħħar sena li kien miftuħ? Kif kienu mqassma skond l-iskali ta' estacode? Kemm kienu fl-Isptar Mater Dei fl-aħħar 12-il xahar (Ottubru 2007 - Ottubru 2008)?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qiegħed fit-tabella li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4374 u jgħid jekk l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek hux ser tiġi applikata f'Raħal Ġdid? Jekk iva, meta? Jekk le, għaliex?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 2532, f'Seduta 38.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4634 u jgħid kemm hemm tfal indikati mis-social workers li għandhom bżonn is-servizz tal-fostering u ma jistgħux jiġu moqdija minħabba li hemm nuqqas ta' foster carers? Kemm hemm tfal oħra li lanqas ma jistgħu jiġu placed fid-djar residenzjali minħabba li lanqas hawn m'hemm post għalihom?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li bħalissa hemm 60 tifel u tifla indikati mis-social workers li għandhom bżonn is-servizz tal-fostering u ma jistgħux jiġu moqdija minħabba li hemm nuqqas ta' foster carers. Dan it-tfal kollha jgħixu f’dar residenzjali u jkun ta' benefiċċju għalihom li jimxu ġo foster placement.
Hemm ukoll 12-il tifel u tifla li jaqaw taħt iċ-
Child Protection Services
u 6-it tfal li jaqaw taħt l-
Initial Response Services
u 24 li jaqaw taħt il-Looked After Children Service li ma jistawx jiġu
placed
fid-djar residenzjali għal raġunijiet varji fosthom li d-djar residenzjali mhux attrezzati biex jindirizzaw diffikultajiet bl-imġieba tat-tfal konċernati.
Jista’ l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li applika biex jibbenefika minn waħda mill-iskemi tal-Awtorità tad-Djar fil-fatt jibbenefika minn din l-iskema?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-Awtorita’ irċiviet id-dokumenti kollha relatati mar-riċerki u dawn qegħdin jiġu wkoll ivverifikati pero’ jidher li hemm bżonn xi dokumenti oħra għall-aktar verifika u għalhekk l-applikanti ntalbu jibħatu dawn id-dokumenti. Hekk kif dawn id-dokumenti jiġu sottomessi l-Awtorita’ tad-Djar tkun tista tkompli bl-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni.
B'referenza għall-estenzjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata jista' l-Ministru jgħid:
a) Min ssettja l-parametri tal-
Master Plan
?
b) X'inhu s-suġġett tal-Master Plan?
ċ) Meta l-pubbliku ser jiġi nnotifikat bil-Master Plan?
d) X'inhi t-target date ta' meta għandu jitlesta x-xogħol tal-estenzjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata?
e) Minħabba li d-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda rapport li nstab xi materjal tossiku fil-lok tas-site tal-estenzjoni, dan ifisser li m'hemmx bżonn illi jsir xi tindif bħal ma saru fuq sites oħra li kienu jintużaw bħal dump sites?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li fit-tfassil tal-master plan għall-Addolorata ttieħdet inkonsiderazzjoni l-art li l-gvern jew huwa sid tagħha jew li tista’ tkun utilizzata għall-iskop sabiex tifforma parti miċ-ċimiterju. Il-għan tal-master plan huwa li jistabbilixxi l-konfini sa fejn jista jasal iċ- ċimiterju u sabiex l-iżvilupp li jsir jkun kompatibbli u kumplimentari għaċ-ċimiterju eżistenti. Bħalissa għadhom għaddejja diskusjonijiet u żviluppi fuq il-lat tekniku tal-pjan. Meta dawn jiġu konklużi l-pjan isir pubbliku. Il-proġett ta’ l-estenzjoni kien previst li jieħu madwar 30 xahar minn meta jibda.
Infurmat ukoll li l-materjal depożitat fil-post indikat għall-estenzjoni taċ-ċimiterju jikkonsisti fil-parti kbira tiegħu f’materjal tal-kostruzzjoni u għaldaqstant it-tħammil ta’ l-area ser isir skont prattiċi għal dan il-għan taħt id-direzjoni tal-periti neċessarji.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4520, peress li qed nircievi diversi ilmenti mingħand familjari ta' persuni b'diżabilità dwar il-kwalità tan-nappies li qed jiġu fornuti fil-preżent li huma ta' kwalità inferjuri minn dawk li kienu jiġu fornuti qabel, jista' l-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi solvut?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-kwalita' tal-ħrieqi li qed jingħataw lill-anzjani hija skond il-kriterji mitlub u kif stabilliti fit-Technical Specificiations tal-kuntratt kurrenti maħruġ mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Informat ukoll li kull meta jkun hemm ilmenti dwar dawn il-ħrieqi, dawn jiġu immedjatament mgħoddija lill-Kuntrattur biex jieħu l-miżuri meħtieġa skond il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fit-trasport tal-klijenti tal-Adult Training Centres f'dawn l-aħħar ħames snin għal kull ċentru separatament u min jopera s-servizz f'kull ċentru separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, baqa' ma rċeviex ic-cheque dovut lilu mill-Awtorità tad-Djar?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant li l-pagament fuq din l-iskema ħareġ u l-benefiċċjarju għandu jirċevieh fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitlesta għal kollox il-programm tas-slum clearance ġewwa l-Msida?
Response (DALLI, JOHN)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għad hemm xi kwistjonijiet dwar esproprijazzjoni ta' proprjeta li għad iridu jiġu solvuti u li minħabba fihom bħalissa il-proġett jinsab wieqaf. Kif ikunu solvuti dawn il-problemi, inkunu f'pożizzjoni li nħabbru d-dati riveduti tat-tkomplija u tlestija tal-proġett.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4550, ninfurmah li ż-żewġ vacancies li jiena staqsejtu fuqhom huma tal-ġenetika. Jista' l-Ministru jispjega fiex waslu dawn iż-żewġ vacancies? Jista' jispjega kif il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, skond it-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija 4550 ġiet meqjusa li ilha speċjalista għal sentejn meta ma kenitx fi specialist register għal dan il-perijodu?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li fid-Dipartiment tal-Patoloġija hemm aktar minn żewġ vacancies li kienu hemm f’Novembru 2005. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispecifika għal-liema vacancies qiegħed jirreferi.
Dwar il-ftehim bejn il-Gvern u l-MAM il-kriterji biex persuna tkun eliġibbli tapplika għall-post ta’ konsulent huma kif indikat fis-silta minn klawsola 14.3 tal-ftehim:
A. i) “Certificate of completion of training in the relative speciality/specialties by the local Specialist Accreditation Committee
ii) OR inclusion in the appropriate Specialist Register(s)
iii) OR be approved for inclusion in the appropriate Specialist Register(s)”
AND
B. “two years full time experience as a specialist in the particular field”.
Dak li qed jallega l-Onorevoli Interpellant dwar persuna partikulari ma jirriżultax mir-rapport tal-Bord tal-Għażla maħtur mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 459 u in vista tar-risposta li qed tidher separatament tal-aġenzija Appoġġ li daħlet f'kawża li l-ismijiet tagħha qed jidhru separatament, jista' l-Ministru jgħid x'għandu xi jgħid għall-mistoqsija oriġinali?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li mhuwiex minnu li l-Aġenzija APPOGG m’għadhiex toffri supervised access visits b’xejn u toffri biss is servizz jekk ikun bi ħlas. Infatti fil-preżent l-Aġenzija APPOGG qegħda toffri s-servizz lil 81 każ b’total tal-fuq minn 1,200 siegħa ta aċċess fix-xahar. Dan is-servizz jingħata kollu b’xejn. L-Aġenzija tagħti s-servizz ukoll lil 5 każijiet oħra bi ħlas fuq Ordni tal-Qorti. Bejn Ġunju u Ottubru l-Aġenzija allokat 18 il-każ ġdid – dawn il-każijiet qegħdin jingħataw is-servizz mingħajr ħlas. Is-servizz għandu 18 il-każ fuq il-waiting list, dan minħabba nuqqas ta' risorsi finanzjarji biex jiġu allokati aktar każijiet. Dawn il-każijiet jiġu allokati mingħajr ħlas meta l-Aġenzija tkun f’pożizzjoni li talloka aktar każijiet. Jekk jinqalgħu ċirkostanzi fejn l-Onorabbli Qorti tordna li l-aċċess għandu jibda b’mod immedjat u jidhrilha dejnu li tordna li l-klijenti jħallsu għas-servizz, l-Agenzija tipprovdi s-servizz bi ħlas. Iżda huwa biss f’dawn iċ-ċirkostanzi li s-servizz ta' aċċess b’superviżjoni jingħata bi ħlas.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu, fil-preżent, in-numru ta' flats mibnija mill-Gvern fl-inħawi ta' Buġibba u l-Qawra u li għadhom ma tqassmux, ukoll jekk f'xi każi dawn il-flats kienu diġà ġew reklamati fil-gazzetti?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Awtorita’ tad-Djar għandha tnax-il appartament vakant fil-Qawra, li kienu inklużi mal-proprjetajiet li l-Awtorita’ ħarget għal bejgħ b’sussidju fit-28 ta’ Novembru, 2008 taħt Avviż Legali Numru 74.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex bħalissa f'idejha art fl-inħawi tal-Mellieħa li tista' tiġi żviluppata f'appartamenti għar-residenza? Jekk għandha, fejn għandha u meta hu maħsub li tibni dawn l-istess appartamenti?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li fil-preżent, l-Awtorita’ tad-Djar għandha disa’ appartamenti vakanti fil-Mellieħa li tmienja minnhom inħarġu għal-bejgħ b’sussidju fit-28 ta’ Novembru, 2008 taħt Avviż Legali Numru 74.
L-Awtorita’ għandha wkoll fil-pussess tagħha plot żghir fil-Mellieħa li jista jiġi żviluppat fi tliet residenzi. Il-pjanijiet għall-iżvilupp tal-plot jinsabu fil-fażi inizjali.
Awtorità tad-Djar/Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — postijiet tal-kiri
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu postijiet tal-kiri mill-Awtorità tad-Djar/Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali matul is-sena 2008 skond il-lokalità, xahar b'xahar?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li matul is-sena 2008 l-Awtorita’ tad-Djar allokat 168 post tal-Gvern. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella tal-postijiet allokati bil-lokalitajiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħu postijiet mill-Awtorità tad-Djar matul is-sena 2008, xahar b'xahar u f'liema lokalità kienu?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li matul is-sena 2008 l-Awtorita’ biegħet 204 post.
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.