Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baċir Numru 1 — schedule of works

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux schedule of works (programm ta' xogħlijiet b'time frames) għal dak li qed isir fuq il-proġett marbut mal-Baċir Nru 1? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess programm tax-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — Raħal Ġdid - Triq il-Belt - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan ta' Transport Malta għal Triq il-Belt (Valletta Road) Raħal Ġdid peress li minkejja din hija arterja prinċipali li tintuża minn eluf ta' vetturi kuljum u minkejja li din jidher li se tintuża bħala t-triq tal-venda tas-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku tant li f'partijiet tagħha saru xi xogħlijiet, imma l-wiċċ tat-triq għadu fi stat diżastruż?

Response (GATT, AUSTIN)

Għalkemm din it-triq mhiex triq arterjali jew distributorja u għalhekk ma taqax fir-responsabbilità ta’ TM. Ninsab infurmat li parti sostanzjali minnha se tiġi asfaltata qabel ma jibda jintuża l-public transport interchange il-ġdid li qed jinbena fl-imsemmija triq kantuniera mal-pjazza.

Raħal Ġdid — Triq id-Dock - tarmak

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25934 u jara li Triq id-Dock f'Raħal Ġdid issir bit-tarmak għax minkejja li din it-triq ma joqogħdux nies fiha, jgħaddu ħafna karozzi minnha? Din tinsab wara l-pompa tal-petrol ta' Għajn Dwieli u nifhem li l-kunsill lokali mhux se jagħtiha prijorità. Jista' jara li din it-triq issir mat-toroq l-oħra li se jagħmel il-gvern peress li tinsab fi stat diżastruż?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-programm ta’ toroq jagħti prijorità lil toroq fejn jgħixu n-nies u t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant mhix triq fejn jgħixu n-nies.

Divorzji reġistratri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati divorzji f'Malta bejn l-2000 u l-2010 u kemm minn dawn kienu jinvolvu tal-anqas waħda mill-partijiet li tkun ta' nazzjonalità barranija (jiġifieri mhux Maltija)?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar nazzjonalità ma tinżammx iżda min ezami tal-kunjomijiet wieħed jista jikkonkludi li kważi fil-każijiet kollha, mill-anqas parti waħda għanda kunjom li mhux komuni f’Malta.

Xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu fid-dawl tar-rapport tal-awditur fir-rigward ta' diversi xogħlijiet fuq toroq f'Malta u Għawdex - jekk hemm bżonn b'mod konġunt mal-Ministeru tal-Finanzi li huwa responsabbli għad-Dipartiment tal-Kuntratti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Bord tad-Diretturi fi ħdan Transport Malta permezz tas-Supervisory Committee tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ħa l-inkarigu tar-rapport tan-National Audit Office (NAO) u se jkun qiegħed jara u jeżamina li l-azzjonijiet li huma meħtieġa li jittieħdu, kemm dawk long term u short term,kif ukoll jara li jkunu attwati mill-istess direttorat. Is-Supervisory Committee diġà qiegħed isegwi l-progress, fuq bażi reġolari xahar b’xahar u skont l-ordni tal-mertu, jassigura li l-azzjoni li tittieħed tkun waħda adegwata u sseħħ malajr kemm jista` jkun skont l-urġenza.

Ċirkewwa — bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li bus shelter li sar fiċ-Ċirkewwa tneħħa wara ftit taż-żmien? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid id-data meta sar dan il-bus shelter u d-data meta tneħħa? Jista' jgħid liema direttorat fi ħdan Transport Malta ħareġ il-permess biex il-bus shelter isir u liema direttorat fi ħdan Transport Malta eventwalment ordna li l-istess bus shelter jitneħħa? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li għaliha tneħħa dan il-bus shelter? Jista' jgħid x'kienet l-ispiża biex sar dan il-bus shelter?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-port taċ-Ċirkewwa ma kienx hemm bus shelter li tneħħa wara ftit taż-żmien u li fil-fatt, qatt ma kien hemm bus shelter fiż-żona tal-port. Infurmat ukoll li l-bus shelter l-aktar viċin fl-inħawi jinstab quddiem il-Paradise Bay Hotel liema bus shelter ippjanat li se jibqa' f'postu.

Persuni li ħadu promozzjoni jew inbidlilhom ix-xogħol fil-Ministeru

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni fil-Ministeru, awtoritajiet, aġenziji, korporazzjonijiet fi ħdan il-Ministeru tiegħu li ħadu promozzjoni u/jew inbidlitilhom id-designation tax-xogħol tagħhom mis-sena 2008 sal-lum ? Jista' jindika s-salarju, il-pożizzjoni u l-benefiċċji li kellu/kellha qabel il-promozzjoni u wara l-promozzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — benefiċċju ta' karozza jew car/fuel allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni fil-Ministeru, awtoritajiet, aġenziji, korporazzjonijiet fi ħdan il-Ministeru tiegħu li jgawdu mill-benefiċċju ta’ karozza jew car/fuel allowance ? Jista' jagħti l-mudell ta’ kull karozza, meta nxtrat, il-valur ta' kemm inxtrat u kemm intnefaq flus fuq fuel fuq kull karozza f'dawn l-aħħar disa' xhur? Jista', fil-każ tal-car allowance, jgħid kemm huwa l-ammont ta’ dan l-allowance ? Jista jgħid kemm kienet in-nefqa f’maintenance fuq kull karozza f'dawn l-aħħar sentejn u jagħti d-deskrizzjoni tax-xogħol ta’ maintenance li sar u f’liema data sar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — amalgamazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm qed jikkalkula li ġejja tiswa jew kemm ġiet tiswa l-amalgamazzjoni ta' Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Sakemm l-Onorevoli Interpellant ma jkunx aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu, kull ma nista ngħid hu li ma ġiet tiswa xejn anzi l-probabilità hi li ġew iffrankati flus li potenzjalment kienu jintefqu fis-settur amministrattiv u finanzjarju kif ukoll f’servizzi komuni waqt li s-sinerġija tpoġġi lil Transport Malta f’pożizzjoni aħjar fix-xiri ta’ servizzi.

kwestjoni dwar fejn tintbagħat liċenzja tal-karozza bil-posta

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarja biex dawk is-sidien tal-garaxxijiet tal-karozzi tal-kiri u li għandhom l-uffiċċju tax-xogħol tagħhom (head office) li hu differenti mill-post, jew postijiet li fihom iżommu l-karozzi tagħhom, isiru magħhom arranġamenti biex il-liċenzji tal-vetturi li jiġu mġedda bil-posta, fil-fatt jirċievu l-liċenzji fil-head office tagħhom u mhux fil-garaxxijiet li fihom iżommu l-karozzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li meta persuna ġġedded il-liċenzja tal-vettura tagħha online, is-sistema turi l-indirizz attwali u tistaqsi jekk wieħed iridx ibiddel l-indirizz ta' fejn irid li tiġi mpustata l-liċenzja tal-vettura tiegħu.

tiswija ta' dawl maqtugħ fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta jara flimkien mal-Korporazzjoni Enemalta li diversi dawl pubbliku fit-toroq arterjali fl-inħawi tal-Mellieħa, Imġarr, Mosta, San Pawl il-Baħar u Naxxar jiġu rranġati għaliex fejn hemm dan id-dawl maqtugħ qed ikunu hemm problema ta' dlam u viżibilità baxxa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Resident Parking Schemes approvati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il resident parking scheme approvata minn Transport Malta għandna f'pajjiżna? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn ir-resident parking schemes u x'inhuma l-kriterji li jintużaw biex tali parking schemes jiġu approvati? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-iskemi għandhomx limitu ta' ħin?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari Nru.10589 u 24083.

Serq irrappurtat mill-Park and Ride

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapporti ta' serq minn vetturi li tħallew ipparkjati fil-park & ride kemm ilu jiffunzjona? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm kienu l-ammonti ta’ serqiet li saru? X’tip ta’ sigurtà hemm fil-park & ride biex jipprevjeni jew tal-inqas inaqqas il-possibbiltà li jkun hemm atti bħal dawn?

Response (GATT, AUSTIN)

Dwar l-ewwel żewġ mistoqsijiet nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmilhom lill-Ministru konċernat. Rigward it-tip ta’ sigurta li hemm fis-sit tal-Park & Ride, ninsab infurmat li dan huwa mgħasses minn kumpanija tas-sigurtà li għandha kuntratt ta’ servizz ma’ Transport Malta. Is-servizz ta’ sigurtà huwa mifrux bejn il-ħinijiet tal-ftuħ u tal-għeluq tas-sit u jinkludi spezzjonijiet kemm f’ħinijiet fissi, kif ukoll minn uffiċjali tal-kumpanija li jinfurmaw direttament lill-Pulizija f’każ li jinnutaw attivita suspettuża, inkluż fejn ikun hemm suspett ta’ serq. Ta’ min jgħid li fit-3 ta’ Lulju 2011, l-operat u s-sigurtà ta’ din is-sit ser jgħaddu f’idejn l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku u s’issa diġa’ ġiet installata sistema ta’ cameras bil-għan li s-sit jiġi mgħasses aħjar u f’kull ħin.

Transport Malta — Park and ride f'Pembroke

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li għandha Transport Malta għall-park & ride li se jsir f’Pembroke u jgħid kemm se jiġi jiswa x-xogħol li qed isir? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dan it-tibdil? Peress li Transport Malta għamlet studju dwar l-impatt li din id-deċiżjoni se ġġib fuq it-traffiku li se jiġi ġenerat f’Pembroke, jista’ jpoġġi t-traffic impact assesment li sar qabel kien finalizzat il-pjan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 4180/07 tal-Park & Ride f’Pembroke kienet approvata mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-10 ta’ Diċembru 2007. It-Traffic Impact Statement ma kienx meħtieġ għal din l-applikazzjoni għax is-sit kien diġà qed jintuża bħala parkeġġ. Id-dokumentazzjoni kollha relattiva għall-permess tista’ tinkiseb mill-website tal-MEPA. Ix-xogħol kollu f’dan is-sit huwa stmat għal madwar €950,000

Port tal-Imġarr Għawdex — Cruise ships - turisti

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21702, jista’ l-Ministru jgħid kemm turisti niżlu l-art mill-passiġġieri li kien hemm abbord is-sitt cruise ships li ankraw ‘l barra mill-port tal-Imġarr Għawdex fl-2010?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wara r-risposta li tajt għal mistoqsija parlamentari 21702 li saret f' Novembru 2010 daħal cruise liner ieħor f'Għawdex bi 82 passiġġier abbord. Għalhekk in-numru totali ta' cruise liners li żaru Għawdex kien ta' 7 b'total ta’ 3044 passiġġier. Ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' passiġġieri li jinżlu l-art iżda fil-prattika l-maġġoranza kbira tal-passiġġieri fil-fatt jinżlu l-art.

Ħal Qormi — Triq Dun Ġwann Cilia - aċċess għat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux pjanijiet li tittieħed azzjoni biex ikun hemm aċċess għat-traffiku fi Triq Għar Ram f'Ħal Qormi u dan bil-għan li r-residenti li jgħixu fil-parti ta' fuq ta' Triq Dun Ġwann Cilia jkollhom aċċess iktar faċli u sigur għar-residenzi tagħhom meta jkunu bil-vetturi tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta m'għandha xejn ippjanat f'dan ir-rigward.

Transport Malta — Chief Officers - pakkett finanżjarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiċċji supplimentari li qed jingħataw iċ-Chief Officers u d-Diretturi ta' Transport Malta, filwaqt li jindika min huma dawn l-uffiċjali, l-età tagħhom u l-kwalifiki akkademiċi li għandhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari numru 16709 u 16367. Rigward it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru 16367 kien hemm din il-varjazzjoni, fejn is-Sur Simon Grima laħaq flok s-Sur Martin Attard Montalto u Sur Ivan Sammut flok is-Sur Lino Vassallo. Ninsab infurmat li l-kwalifiki jvarjaw minn ACCA; BA (Hons); BVQI Certificate of Achievement Lead Auditor; CPA; B.S.C.; MSC, UB.Mechanical Engineer. L-etajiet ivarjaw bejn t-30 u 64 sena.

Transport Malta — lista ta' konferenzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' konferenzi organizzati minn Transport Malta matul l-2008, l-2009 u l-2010 sena b'sena? Jista' jgħid id-dati ta' meta saret kull konferenza, x'kienet it-tema ta' kull konferenza u kemm kien hemm parteċipanti? Jista' jgħid kull fejn kienet organizzata kull konferenza u kemm kienet l-ispiża?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.