Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid – Pace Grassu – Health Hub – timelines u programme of works

Question

Jista’ l-Ministru jagħti timelines dettaljati u programme of works għall-proġett tal-Health Hub f’Pace Grasso, Raħal Ġdid?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aġġudikazzjoni tal-offerta tad-Disinn u tal-Bini, għandha tkun kompluta sax-xahar ta' Marzu.

Ċentri tas-Saħħa – siringi mqassma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siringa tqassmet minn kull Ċentru tas-Saħħa rispettivament fl-2015, fl-2016 u fl-2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt fejn qed tindika n-numru ta’ siringi li tqassmu mic-Ċentri tas-Saħħa fis-snin mitluba minnu. Sena Total 2015 340,644 2016 333,135 2017 315,541

Riċetti elettroniċi mit-tabib indirizzati lill-ispiżjar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3412, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta hu l-ħsieb li tinbeda l-iskema li t-tobba tal-familja jibdew jiktbu r-riċetti tal-mediċini li jinsabu fil-formolarju b’mod elettroniku? Liema hu l-intopp li qed iżomm? Meta se tibda fażi ta’ pilot study?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett pilota tas-sistema komputerizzata li tintuża biex jinkitbu r-riċetti tal-mediċini li jinsabu fil-formularju qed isseħħ bħalissa fiċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi.

Att dwar il-Mediċini — Riċetti elettroniċi mit-tabib indirizzati lill-ispiżjar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3412, jista’ l-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa jgħid jekk il-Liġi preżenti tal-Medicines Act tkoprix b’mod komplet, meta eventwalment tiddaħħal l-iskema tar-riċetti elettroniċi miktuba mit-tobba tal-familja privati lill-Ispiżjar tal-Għażla tal-pazjent biex jiktbu mediċini b’xejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi permezz tar-regoli li daħlu fis-seħħ f’Jannar tal-2014, meta fil-fatt kien Ministru għas-Saħħa hu stess, hekk kif stipulat fl-Avviż Legali 303 tal-2013, il-liġi tkopri b’mod komplet l-iskema tar-riċetti elettroniċi miktuba mit-tobba tal-familja privati lill-Ispiżjar tal-Għażla tal-pazjent.

Ministeru għas-Saħħa – trasferimenti/pagamenti f’kontijiet ta’ bank

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. li ma saru l-ebda trasferimenti u/jew pagamenti mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sal-lum lill-bank li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament.

Kotba tar-riċetti bojod

Question

B’referenza għar-riċetti l-bojod li bis-saħħa tagħhom, tabib jista’ jippreskrivi mediċina li tinsab fil-formolarju u li tingħata b’xejn mill-ispiżerija tal-għażla tal-pazjent, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn lit-tobba tal-privat qed jingħatalhom erba’ kotba biss ta’ dawn it-tip ta’ riċetti meta sa ftit xhur ilu kienu jingħataw għaxra? Ma jaħsibx li qed joħloq inkonvenjent lit-tobba jew lil min ikollu jintbagħat f’isimhom biex ikollhom kull darba jġibu dawn ir-riċetti? Ma jaħsibx li l-ħinijiet ta’ ġbir u d-dewmien fit-traffiku m’humiex doctor-friendly? Ma jaħsibx li d-Dipartiment qed jiddiskrimina bejn tabib tal-familja li jaħdem fil-privat biss, tabib li jaħdem mal-Gvern biss u tabib li jaħdem mal-Gvern u jaħdem privat bħala part-time? Ma jaħsibx li din il-miżura tad-Dipartiment tmur kontra l-policy tal-Gvern biex ikollna aktar simplifikazzjoni? Meta d-Dipartiment se jirritorna għas-sistema li kien jippratika qabel ma ttieħdet din il-miżura burokratika?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-miżuri msemmija minnu huma ta’ natura temporanja wara li s-supplier li miegħu għandu kuntratt id-Dipartiment tal-Kura Primarja waqaf mill-operat. Id-dipartiment qiegħed jieħu passi biex jagħmel arranġament ulterjuri.

Hospital Concession Agreement — ħlas

Question

Peress li kif tħabbar, il-Gvern kellu jħallas madwar €70 miljun fis-sena lil Vitals skont il-Hospital Concession Agreement li l-Gvern għamel mal-Vitals Global Healthcare u mill-mistoqsija parlamentari 3310 jirriżulta li l-Gvern ħallas €33.5 miljun għas-sena 2017, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu l-ammont maqbul fil-kuntratt li l-Gvern hu obbligat li jħallas fis-sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pagamenti li saru lill-VGH huma skont it-termini maqbula fil-kuntratti li saru bejn il-Gvern u l-VGH. Kif indikat fl-Estimi Ġenerali tal-Gvern fl-2017 dawn jammontaw għal €33.5 miljun.

Servizz ta’ Ambulanza tal-Ajru bejn Malta u Għawdex

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3311, fejn fit-tweġiba ngħad li ġew trasferiti 44 pazjent minn Għawdex għal Malta minn meta ġie nawgurat is-servizz tal-Ambulanza tal-Ajru sal-10 ta’ Jannar 2018, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka d-dati u jgħid meta saru dawn it-trasferimenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-11 ta’ Jannar ta’din is-sena saru 53 titjira minn Għawdex lejn Malta fix-xhur indikati hawn taħt. 2017 Numru ta' titjiriet Frar 1 Marzu 1 April 7 Mejju 3 Ġunju 4 Lulju 8 Awissu 6 Settembru 4 Ottubru 6 Diċembru 7 2018 Jannar 6 Gran Totali 53

Kawżi kontra l-awtoritajiet tas-saħħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’dawn l-aħħar 10 snin kemm saru kawżi kontra l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika fejn intalab rifużjoni ta’ spejjeż u danni, minn pazjenti li minħabba li ma ngħatawx kura medika mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali kellhom iħallsu għal din il-kura privatament? Minn dawn il-kawżi, kemm minnhom ġew deċiżi favur il-pazjent? Kemm hu l-ammont ta’ flus li ġew rifużi lura lill-pazjent għal spejjeż u danni li sofrew?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm l-ebda kawża li nfetħet f’dawn l-aħħar 10 snin kontra l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika fejn intalab rifużjoni ta’ spejjeż u danni minn pazjenti li marru biex jieħdu kura privatament minħabba li ma ngħatawx kura medika mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali.

Kawżi minn pazjenti kontra tobba, speċjalisti jew konsulenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm f’dawn l-aħħar 10 snin saru kawżi minn pazjenti kontra tobba, speċjalisti jew konsulenti oħra fil-qasam tas-saħħa pubblika? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-kawżi ġew deċiżi favur il-pazjenti? F’każ Ii ġew deċiżi favur il-pazjenti, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li ġie akkordat mill-Qorti li għandu jitħallas lil dawn il-pazjenti, sew personalment u sew mill-professional insurance?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn l-aħħar għaxar snin infetħu sittax –il każ kontra tobba u speċjalisti. Minn dawn kien hemm tlieta illi għaddew in ġudikat. Minn dawn it-tlieta f’kaz wieħed biss il-Qorti iddeċidiet favur il-pazjent. Dan il-każ kien infetaħ fl-2009.

Brexit – impatt u rimedji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’preparazzjonijiet tħejjew dwar l-impatt u x’rimedji se jieħu d-Dipartiment jekk Brexit fil-fatt iseħħ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-l-Gvern qed iħejji ruħu għal Brexit billi nħolqot struttura fil-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej li qed: · issegwi l-preparamenti li qed iseħħu fi Brussell dwar it-tħejjijiet għar-relazzjonijiet futuri u li qed tanalizza x’qafas ta’ relazzjoni jista’ jiġi nnegozjat u offrut mill-Unjoni Ewropea; · tikkordina konsultazzjonijiet mal-Ministeri kollha tal-Gvern biex tistudja x’jista’ jkun l-impatt ta’ kull xenarju u fl-oqsma kollha;· tikkonsolida l-pożizzjoni tal-Gvern fid-dawl tan-negozjati li għaddejjin fi Brussell; u · tassisti lill-Ministeri biex jiġi assigurat li Malta tkun ippreparata b’mod adekwat għall-konsegwenzi kollha ta’ Brexit. Fl-istess ħin inħolqot task force fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, magħmula minn Trade Malta, il-Malta Gaming Authority, FinanceMalta, il-Malta Enterprise u s-settur privat li se tfassal pjan t’azzjoni sal-2019 biex tippromwovi l-kummerċ, inkluż attivitajiet industrijali, ekonomiċi u finanzjarji lejn Malta. Malta trid tippożizzjoni lilha nfisha bħala destinazzjoni għal kumpaniji bbażati fir-Renju Unit li jridu jwaqqfu bażi f’pajjiż ieħor membru tal-UE wara Brexit. Bħala Ministeru jien mgħarraf li, mill-informazzjoni li kisbet Malta s’issa, l-oqsma li jirrigwardaw xi tip ta’ ftehim bilaterali mar-Renju Unit u li mhumiex koperti minn kompetenza Ewropea, m’għandhomx għax jiġu affettwati min-negozjati ta’ Brexit.

Vitals Global Healthcare – ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ftehim oriġinali mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma waqqafx il-ftehim mal-Vitals Global Healthcare (VGH) ladarba dawn kisru jew ma onorawx numru ta’ kundizzjonijiet tal-ftehim oriġinali tagħhom mal-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern irriserva d-drittijiet tiegħu skont it-termini tal-kuntratti relattivi.

Vitals Global Healthcare – Ultimate Beneficial Owners

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid min huma s-sid jew sidien jew l-Ultimate Beneficial Owners (UBO) tas-soċjetà privata Amerikana li akkwistat il-Vitals Global Healthcare (VGH)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sidien ta’ Steward Healthcare huma Cerberus Capital Management, Medical Properties Trust (trust kbir internazzjonali li jispeċjalizza fi proprjetajiet mediċi) u qafas maniġerjali ieħor magħmul mit-tobba fundaturi ta’ Steward li għandhom f’idejhom it-tmexxija tal-kumpanija u saħansitra huma shareholders.

Vitals Global Healthcare – trasferiment lil kumpanija Amerikana

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid meta hu ġie infurmat bit-trasferiment tal-Vitals Global Healthcare (VGH) lis-soċjetà privata Amerikana u x’involviment kellu hu fit-taħdidiet sakemm intlaħaq qbil fuq it-trasferiment?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern kien infurmat bl-intenzjoni li l-Vitals Global Healthcare u Stewart Healthcare jibdew taħdidiet bejniethom f’Settembru tal-2017.

Vitals Global Healthcare – ħlas minn flus pubbliċi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm tħallsu flus pubbliċi lil Vitals Global Healthcare (VGH) b’kollox, mill-mument li ħadu t-tliet sptarijiet pubbliċi sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 3266.

Pazjenti akkumpanjati minn infermiera jew tobba għal trattament barra minn Malta

Question

Peress li pazjenti li jirċievu trattament barra minn Malta xi drabi jkollhom il-ħtieġa li jiġu akkumpanjati minn infermiera u f’ċerti każijiet anke tabib, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienu dawn il-pazjenti li kellhom bżonn jiġu akkumpanjati b’dan il-mod fl-2017? Kemm minnhom kienu pazjenti taħt it-tliet snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2017 kien hemm 12 il-adult u 25 tfal li kellhom bżonn jiġu akkumpanjati minn tim mediku sabiex ikunu jistaw jirċievu trattament barra minn Malta. Minn dawn il-25 tfal kien hemm 18 li kienu taħt it-3 snin.

Pazjenti – trattament għal kura barra minn Malta – trasport b’air ambulance

Question

Peress li pazjenti li jirċievu trattament barra minn Malta xi drabi jkollhom il-ħtieġa ta’ trasport urġenti b’air ambulance, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il darba ntuża dan it-trasport fis-snin 2015, 2016 u 2017? Kemm kienu l-każijiet ta’ pedjatrija li kellhom bżonn dan it-tip ta’ trasport? Kemm jiswa flus kull vjaġġ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt filwaqt li ninfurmah ukoll li kull sena fis-snin indikati kien hemm okkazjonijiet li l-Air Ambulance trasferit zewg pazjenti f’daqqa. Numru Totali ta’ Pazjenti Numru ta’ Air Ambulances Numru ta’ Każijiet ta’ Pedjatrija Prezz Medju 2015 8 7 5 €20,038 2016 12 11 5 €19,609 2017 9 8 6 €18,683

Tobba u infermiera – safar fuq xogħol ma’ pazjenti barra minn Malta — polza ta’ sigurtà

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi l-polza tas-sigurtà li jagħti d-Dipartiment lill-infermiera u tobba meta dawn isiefru fuq xogħol tal-Gvern ma’ pazjenti barra minn Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-polza hija l-istess waħda illi tkopri l-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa cioe' li l-gvern ikopri d-danni u ħsarat li ma jkunux ikkaġunati minn negliġenza u imprudenza waqt il-ħin tax-xogħol.

Skema Pharmacy of Your Choice

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienu l-ispiżeriji li pparteċipaw fl-iskema tal-Pharmacy of Your Choice (POYC) bejn is-snin 2011 u l-2017 (maqsuma sena b’sena) f’dawn il-lokalitajiet: Għargħur​​​ G’Mangia Sta. Venera​ ​ Mġarr Malta Kalkara Xgħajra Floriana Mtarfa Baħrija Ta’ Xbiex Sannat Għarb Fontana?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tabella t’hawn taħt fejn qed tindika in-numru totali ta’ spiżeriji mill-2011 sal-2017 tal-lokalitajiet tal-Għargħur​​​, il-Pieta’,Santa Venera​,l-Imġarr-Malta,il-Kalkara,ix-Xgħajra,il-Furjana,l-Imtarfa,il-Baħrija,Ta’ Xbiex, is-Sannat u l-Għarb. Sena 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 Numru totali ta' spiżeriji tal-imsemmija lokalitajiet 17 22 23 24 26 27 27