Legislature:
Category:
Reset
Active:

Eżamijiet għall-surġenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-proċeduri dwar dawk il-ħames każi/complaints li għad fadal pendenti dwar l-eżamijiet li saru fil-Korp tal-Pulizija għal surġenti s-sena li għaddiet? Jidhirlu l-Ministru li dewmien ta' aktar minn tmien xhur, bla risposta, huwa twil iżżejjed?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Bord tal-Pulizija kien irċieva dawn il-ħames ilmenti dwar l-eżami intern għal grad ta’ Surġent bejn Novembru u Diċembru ta' l-2007. Il-Bord kien iddeċieda li jikkonsidra dawn il-każijiet kollha f’eżerċizzju wieħed sabiex tinstab soluzzjoni li tkun ġusta u aċċettabbli minn kulħadd. Dan l-eżerċizzju kien wieħed ikkumplikat u kien jinvolvi numru kbir ta' laqgħat u deċiżjonijiet. Ninsab infurmat ukoll li r-rapport finali dwar dawn il-każijiet ser jiġi ppreżentat fil-jiem li ġejjin.

Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem — Imħallef

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1529 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u l-Ministru ta' l-Affrijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ilu li suppost skada t-terminu tal-kariga ta' l-Imħallef Giovanni Bonello fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem? Jista' jispjega dettaljatament x'inhu l-intopp li nqala' dwar in-nomina l-ġdida, ġiex sorvolat dan l-intopp u min huma t-tliet nomini attwali tal-Gvern għal din il-kariga?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-terminu tal-kariga ta’ l-Imħallef Giovanni Bonello fil-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem skada fl-2006 meta għalaq l-eta' ta’ 70 sena. Huwa jibqa fil-kariga sakemm jiġi sostitwit. Wara proċess trasparenti li permezz tiegħu ġew mistiedna japplikaw rġiel u nisa li dehrilhom li kienu jikkwalifikaw għall-kariga ta’ Imħallef fil-Qorti msemmija, il-Gvern innomina tlett persuni li, fl-opinjoni tiegħu, kellhom l-aħjar kwalifiki għal dik il-kariga; il-persuni innominati kienu kollha rġiel. L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta’ l-Ewropa ma aċċettatx il-lista sottomessa mill-Gvern Malti għaliex din ma kienet tinkludi l-ebda mara. Il-Gvern insista li l-Assemblea Parlamentari ma setgħetx tirrifjuta li taċċetta l-lista li ġiet sottomessa mill-Gvern Malti, għaliex din il-lista kienet tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Peress li l-Assemblea kompliet tirrifjuta l-lista sottomessa, il-Gvern Malti ressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u talbu jirreferi l-kwistjoni għal Advisory Opinion tal-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. It-talba ġiet aċċettata u l-kwistjoni riferuta lill-Qorti, li eventwalment tat l-opinjoni tagħha essenzjalment favur il-pożizzjoni ta’ Malta u esprimiet il-fehma li l-prassi ta’ l-Assembla, li ma tippermettix eċċezjonijiet għar-regola li għandu jkun hemm mara fil-lista ta’ kandidati, ma kienetx kompatibbli mal-Konvenzjoni, u li l-Assemblea ma setgħetx tirrifjuta l-lista ta’ kandidati sottomessa mill-Gvern meta l-pajjiż konċernat ikun ħa l-passi neċessarji biex jassigura proċess trasparenti li jinvolvi sejħa għal applikazzjonijiet.

Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem — Kawżi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1531 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ġew intavolati kawżi kontra Malta quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fis-snin 2002, 2003, 2004, 2005, 2006 u 2007? Jista' jagħti d-dettalji dwar dawn il-kawżi u jindika b'mod dettaljat kemm minnhom ġew deċiżi kontra Malta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statitiska kompjuterizzata ta' l-informazzjoni rikjesta u għalhekk, ir-risposta teħtieġ konsiderazzjoni sena b’sena u każ b’każ permezz ta’ riċerka essenzjalment manwali li tirrikjedi ħafna żmien u li, fl-aħħar mill-aħħar, tista’ ma tirriżultax preċiża għal kollox. B’danakollu, qed isir tentattiv biex l-informazzjoni mitluba tiġi miġbura minn diversi sorsi oħra. Dan jirrikjedi aktar żmien u għalhekk, ir-risposta għal din id-domanda ser tingħata f’xi seduta oħra.

Somali fil-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Somali jistennew il-ħabs biex tinstema' l-kawża kontra tagħhom? Kemm se jdumu jistennew? Qed tittieħed konsiderazzjoni li wieħed minnhom huwa marid serjament u kull ġurnata li tgħaddi qed ikollu problemi dejjem akbar biex jingħata l-kura xierqa li jistħoqqlu bħala bniedem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement hemm 8 Somali jistennew ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin sabiex tinstema' l-kawża kontrihom. Il-Faċilita' Korrettiva m'għandha l-ebda kontrol fuq id-dati ta' meta għandhom jinstemgħu dawn il-kawżii. Għal rigward il-kura medika, il-Faċilita' Korrettiva tieħu ħsieb li kull resident jingħata l-kura medika meħtieġa.

Status ta' refuġjat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistqosija parlamentari 1983 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw status ta' refuġjat matul dawn l-aħħar 12-il xahar?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li fis-sena 2007 kien hemm 627 persuna li ġew mgħotija l-istatus ta' protezzjoni internazzjonali u tul din is-sena sat-18 ta' Settembru ingħatat lil 1097 persuna, mill-applikazzjonijiet proċessati tul dak il-perijodu.

Immigranti Rregolari

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sentejn, sena b'sena, kemm daħlu immigranti rregolari f'pajjizna? Jista' jgħid in-nazzjonalita taghhom? Jista' jgħid kemm minnhom ingħataw l-istatus ta' refugjati? Jista' jgħid minn dawn kemm ġew deportati lura lejn pajjiżhom? Jista' jgħid kemm minn dawn ġew integrati f'pajjiżi oħra Ewropej u anki fl-Istati Uniti ta' l-Amerika? Jista' jgħid kemm minn dawn ħarbu min pajjiżna? Minn dawk li jirriżulta li ħarbu minn pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom instabu, fejn ħarbu u kemm minnhom għadu mhux magħruf x'sar minnhom? Jista' l-Ministru jgħid min dawk maħrubin kemm minnhom instab li tħarbu minn persuni b'mod irregolari ? F'dan il-kaz x'passi ittieħdu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qeq inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant fl-ewwel żewġ partijiet tal-mistoqsija. Fl-2006 kien hemm 550 immigranti irregolari li ngħataw l-istatus ta' protezzjoni internazzjonali, filwaqt li fl-2007 kien hemm 627, mill-applikazzjonijiet proċessati tul dik is-sena. Immigranti irregolari li jingħataw protezzjoni jew li japplikaw għal ażil f'Malta ma jiġux deportati. Għar-rigward it-tielet domanda nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 1917. In-numru ta' persuni li ngħataw il-protezzjoni internazzjonali u li ġew integrati f'pajjiżi oħra Ewropej u fl-Istati Uniti ta' l-Amerika huwa kif ġej:- Pajjiżi oħra Ewropej L-Isati Uniti ta' L-Amerika 2006 - 20 2006 - Xejn 2007 - 28 2007 - 28 2008 - Xejn 2008 - 113 Rigward l-aħħar tlett partijiet tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma tinżammx statistika.

Gradwati fil-Kriminologija — Pjanijiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern dwar l-impjieg ta’ dawk li se jiggradwaw mill-Università ta’ Malta fil-qasam tal-kriminologija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, m'hemm l-ebda pjan immirat speċifikament għall-ingaġġ ta' persuni li jiggradwaw fil-qasam tal-kriminoloġija. Il-Gvern jimpjega uffiċjali minn żmien għal żmien skond l-esiġenzi tas-servizz, u f'dan ir-rigward isiru sejħiet skond il-bżonn.

Każi Relatati mad-Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq każi relatati mad-droga din is-sena? Kemm inqabdet droga din is-sena u x'tip kienet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra 171 persuna fuq akkużi relatati ma’ droga. Rigward it-tieni parti tad-domanda, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 2023.

Barranin Jaħdmu l-Ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2004,2005,2006 u 2007 kemm kien hemm impjegati barranin jaħdmu l-ħabs? Jista' jagħti dettalji dwar x'tip ta' kuntratti dawn ingħataw u r-raguni għaliex ġew hekk ngaġġati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda barrani jaħdem fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin matul is-snin 2004, 2005, 2006 u 2007.
Leg 11 PQ #1876 Sitting 34 2008-07-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Membri tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex sodisfatt bl-istqarrija li ħarġu l-Pulizija dan l-aħħar dwar każ ta' użu eċċessiv tal-forza li allegatament kellu riħa qawwija ta' razzizzmu marbuta miegħu? X'passi qed tieħu l-Pulizja biex l-membri tagħha jevitaw każi oħra simili fil-ġejjieni, kif allegatament sar f'dawn l-aħħar jiem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Jekk l-Onorevoli Interpellant qieghed jirreferi għall-allegazzjonijiet li saru dwar l-arrest ta’ raġel ġewwa Paċeville kmieni fil-għodu nhar id-29 ta’ Ġunju, ninsab infurmat li l-investigazzjoni biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi nuqqas da parti ta' xi uffiċjal/i tal-Pulzija għadha mhix konkluża, u għaldaqstant ma nħossx li għandi nikkumenta dwar dan il-każ.
Leg 11 PQ #1892 Sitting 34 2008-07-16 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Bajjiet u Xtut — Liġi u Regolamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-impenn tal-pulizija fit-tħaris tal-liġi u tar-regolamenti tal-bajjiet u x-xtut u jekk humiex isiru partols fihom? Jekk fl-affermattiv, fejn qed isiru? Huma regolari jew f'xi ħinijiet biss?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-pulizija issa ilha għal diversi snin impenjata sabiex issaħħaħ l-infurzar tal-liġijiet u regolamenti konnessi max-xtajtiet u l-baħar, billi torganizza ronda regolari matul ix-xhur tas-sajf, f’postijiet u bajjiet turistiċi kemm fuq ix-xtajtiet kif ukoll fuq il-baħar. Fost il-postijiet fejn qed isiru dawn ir-rondi hemm Wied il-Għajn, Birżebbuġa, Sliema, San Ġiljan, GĦadira, Ghajn Tuffieħa u l-Armier

Dewmien fi proċessi ġudizzjarji — Kumpens

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba l-Gvern, għal dawn l-aħħar tlett snin, ħallas kumpens minħabba f'dewmien fi proċessi ġudizzjarji?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar kumpens minħabba f'dewmien fi proċessi ġudizzjarji.

Qorti Kriminali — Ġurijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti quddiem il-Qorti Kriminali? Kemm ġew introdotti ġurijiet għas-snin 2005, 2006 u 2007? Kemm ġew konklużi ġurijiet għall-istess snin u minn liema mħallfin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Qorti Kostituzzjonali — Rikorsi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew determinati rikorsi kostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali għas-snin 2005, 2006 u 2007 u kemm minn dawn ġew deċiżi kontra l-Gvern Malti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-eżitu ta' dawn il-kawżi.

Tribunal amministrattiv

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni meta beħsiebu jiskatta l-liġi li kkreat it-tribunal amministrattiv l-iskop ta' liema kien sabiex jiġu eliminat 'l fuq minn 130 tribunali u bord li jeżistu preżentament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qegħdin nagħmlu dak kollu possibbli sabiex din il-miżura tidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.

Kawżi ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew introdotti kawżi ċivili quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) u l-Qrati Ċivili Superjuri għas-snin 2005, 2006, 2007 u 2008? Kemm minn dawn ġew assenjati lil diversi ġudikanti u kemm minn dawn ġew deċiżi ġudikant b'ġudikant?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant fuq il-mejda tal-Kamra.

Stupri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru stupri f'pajjiżna fis-snin 2005, 2006 u 2007? X'sentenzi rċevew dawk il-persuni li kkommettew dan ir-reat serju?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab informat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill_Onor. Interpellant jirrikjedi ammont kbir ta' ħin biex ikun kumpilat u gaħlhekk ma kienx possibbli li din i-informazzjoni tingħata f'din is-seduta.

Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid, għal matul is-snin 2004,2005,2006, u 2007, kemm priġunieri barranin ġew trasferiti lura lejn pajjiżhom sabiex jiskontaw l-piena tagħhom hemmhekk? Jista' jagħti dettalji u jista' l-Ministru jgħid ma' liema pajjiżi hemm trattat u agreementsimili? Jista' jgħid kemm priġunieri għas-snin 2004,2005,2006 u 2007 ingħataw l-hekk imsejjaħ study leave? Jista' jispjega x'inhi l-kriterju biex jingħata l-istudy leave?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab informat illi jeżisti ftehim bilaterali mal-Libja u l-Eġittu li jipprovdi għal priġunieri sabiex jiġu trasferiti lejn pajjiżhom u b'hekk jiskontaw il-piena tagħhom hemmehkk. Barra minn dan, informat ukoll li Malta hija waħda minn dawk il-pajjiżi li iffirmat u irratifikat il-European Convention on the Transfer of Sentenced Persons (ETS No 112), Strasbourg, 1983. Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzoni bit-tweġiba għal żewġ partijiet ta' din il-mistoqsija, flimkien ma' kopja tal-parti rilevanti tar-Regolamenti tal-Ħabs, li jifformaw il-kriterji li fuqhom priġunier jingħata study leave, b'referenza partikolari għall-artikolu 61 (g).
Leg 11 PQ #2024 Sitting 33 2008-07-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Użura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li tressqu l-qorti matul is-sena 2007 sal-lum fuq użura?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 9 persuni fuq akkużi relatati ma' usura, filwaqt li matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena tressqu 2.
Leg 11 PQ #2025 Sitting 33 2008-07-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti matul is-sena 2007 sal-lum fuq prostituzzjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra, kien hemm 58 persuna li tressqu l-Qorti fuq akkużi ta’ tlajjar għal skop ta’ prostituzzjoni, filwaqt li matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm 27 persuna.