Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — Korrimenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jekk dejjem tinżamm l-istatistika relattiva, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li korrew fuq il-post tax-xogħol u li daħlu fl-Isptar Mater Dei għall-kura fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fid-Dipartiment tal-Emerġenza ma tinżammx informazzjoni fejn pazjent ikun weġġa’.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Servizzi minn persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament qattx tqabbdet biex tagħti s-servizzi tagħha direttament jew tramite kumpanija f'xi entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienu dawn is-servizzi u kemm tħallset tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija qatt ma tqabdet biex tagħti s-servizzi tagħha direttament jew tramite kumpanija lill-Ministeru u/jew kull entità li tagħmel parti minn dan id-dekasteru.

Żebbuġ, Għawdex — Berġa tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta (xahar u sena) se tkun qed terġa’ topera mill-ġdid il-Berġa tas-Saħħa ġewwa ż-Żebbuġ f’Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ċ-ċwievet tal-Berġa taż-Żebbuġ ngħataw lura lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ f’Settembru 2022. Illum, permezz taċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid fil-Belt Victoria, u t-tliet Kliniċi tal-Komunità fix-Xewkija, fl-Għarb u fil-Qala, li kollha joffru numru ta’ servizzi multidixxiplinarji, il-popolazzjoni Għawdxija hija moqdija kompletament bis-servizz tal-kura primarja fil-komunità.

Sptar Mater Dei – Każijiet ta’ Overdose ta’ eroina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm admissions fl-Isptar Mater Dei minħabba overdose ta' eroina fis-sena 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-2023, kien hemm 8 każijiet ta’ persuni li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei minħabba overdose ta' eroina. Madankollu, irid jiġi ppreċizzat li dawn il-figuri ma jinkludux dawk il-pazjenti li setgħu ġew inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma ddaħħlux bħala pazjenti fl-iswali tal-Isptar Mater Dei.

Każijiet ta’ self-harm — minorenni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti minorenni li kellhom jiġu kkurati minħabba self-harm fl-2023? Jista’ jippreżenta wkoll tabella bl-etajiet u l-ġeneru u possibbilment klassifikazzjoni tar-raġunijiet għal din l-imġiba?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li għandhom 16-il sena jew inqas li attendew id-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei Hospital fl-2023 minħabba self-harm jew ħsibijiet ta’ self-harm jinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva huwa konxju minn dan u għalhekk hu fil-proċess li niedi Starteġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidji, liema strateġija tindirizza ukoll din il-qagħda.

Ventilators mit-Turkija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ventilators mixtrija mit-Turkija humiex qegħdin mitluqa fis-sular ta’ isfel u ma jistgħux jintużaw peress li l-istruzzjonijiet għalihom huma bil-lingwa Torka?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19176.

Dipartiment tas-Saħħa Pubblika — Abbuż tal-kannabis sintetika

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18839, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull pubblikazzjoni li għandu d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fuq l-abbuż tal-kannabis sintetika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba diġà mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18337.

Ministeru għas-Saħħa — Kuntratti ta’ xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17293, 17646, 17794, 18169 u 18576 u jgħid jekk il-kuntratti li ngħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kinux approvati mis-Segretarji Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa bejn l-2014 u 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-Segretarju Permanenti attwali ma kellux kuntratti x’japprova tal-kumpanija msemmija.

Ċimiterju tal-Addolorata – oqbra

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17198, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx jew hemmx il-pjan li jibda l-proċess sabiex jiġu identifikati dawk l-oqbra li huma ssiġillati definittivament u jekk hemmx elenku ta’ dawk fejn għal dawn l-aħħar mitt sena ma ġewx użati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17198, ninsab infurmat li fil-preżent m’hemm ebda pjan li oqbra li huma ssiġillati jiġu identifikati u elenkati. Dejjem hu preżunt li ġaladarba l-qabar huwa proprjetà privata u x-xewqa tas-sid fl-aħħar testment ikun li ma jintużax iktar, din ix-xewqa tibqa' dejjem rispettata anke jekk il-werrieta jitolbu mod ieħor. Elenku ta’ oqbra li ma ġewx użati f’dawn l-aħħar mitt sena mhux pjanata li ssir fil-preżent.

Raħal Ġdid – Triq u żona ta’ Santa Ubaldesca — Rapporti ta’ rwejjaħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16614 jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni ulterjuri fir-rigward l-ilment ta’ rwejjaħ persistenti fi Triq Santa Ubaldesca Raħal Ġdid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamenti 16614, ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali baqa’ ma rċieva l-ebda lment rigward irwejjaħ persistenti fit-triq indikata jew fit-toroq tal-madwar. Minn wara li saret din il-Mistoqija Parlamentari, uffiċjali minn dan id-Direttorat xorta baqgħu jispezzjonaw din triq u t-toroq tal-madwar iżda fl-ebda ħin qatt ma’ ġiet nnutata xi forma ta’ riħa. Ikun opportun jekk il-persuna/i li għandhom dan l-ilment jagħmlu kuntatt mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali sabiex possibilment tingħata aktar informazzjoni speċifika dwar dan l-ilment sabiex ikun jista` jiġi nvestigat b’kunfidenzjalita` bħal kull ilment li jidħol għand dan id-Direttorat.

Hirschsprung's disease

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġewwa Malta u Għawdex għandha l-kundizzjoni magħrufa bħala Hirschsprung's disease? Jista' jinforma liema trattament jingħata ġewwa l-Isptar Mater Dei u x’mediċini permezz tal-POYC jingħataw għal din il-kundizzjoni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bejn l-2000 u l-2021, ġew irreġistrati li twieldu 34 tarbija li kienu dijanjostikati b’Hirschprung’s condition ftit wara it-twelid. Din hija rata ta’ 3.77 / 10,000 twelid. Ninsab infurmat li ssir dijanjosi, li tinkludi bijopsija tar-rektum, studji ta' kuntrast u fejn ikun meħtieġ interventi operattivi b'istoloġija ta' backup (stoma, proċeduri ta' pullthrough, injezzjonijiet ta' Botox, ACE). Dawn ikunu segwitu fil-klinika ta' rutina biex tiġi mmaniġġjata l-kontinenza. Il-mediċini li jingħataw mill-POYC għal din il-kundizzjoni qed jitpoġġew il-Mejda tal-Kamra.

Korrimenti ta’ tqala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il korriment ta’ tqala (miscarriage) ġew reġistrati fl-Isptar Mater Dei matul is-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma separatament minn xulxin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella. Year Number of Discharge Episodes 2020 287 2021 220 2022 217 2023 236 2024 (January) 13

Residenza San Vinċenz de Paul — Investigazzjoni

Question

Fid-dawl tal-aħħar sentenza li ngħatat mill-Qorti fejn żewġ carers instabu ħatja li kkaġunaw il-mewt ta’ anzjana ta’ 101 sena fir-Residenza San Vinċenz de Paul, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx ordnata investigazzjoni biex ikun ivverifikat li kull apparat li qed jiġi użat għall-pazjenti inkluż lifters, hoists, hammocks u slings, huwa fi stat tajjeb? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-miżuri kollha li qed jittieħdu sabiex tiġi protetta s-sigurtà tal-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul u biex din it-traġedja ma terġax isseħħ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li fi ftit ġranet wara li sar l-inċident kienet saret investigazzjoni interna fejn fost l-oħrajn ġie stabbilit li l-apparat li kien intużat kien f’kundizzjoni tajba għall-użu. Hija wkoll prassi normali li kull apparat li jintuża f’San Vinċenz de Paul issir manutenzjoni regolari sabiex ikun ivverifikat li jkun tajjeb biex jitħaddem kemm għas-saħħa ta min ikun qiegħed jużahom kif ukoll għall-anzjani residenti. Fir-rigward tas-‘ slings u hammocks’, dawn jiġu spezzjonati kull darba li jiġu r-ritornata l- Medical Library, u dawk li ma jkunux tajbin għall-użu jiġu mormija skond proċedura stabbilita. Minn barra dawn il-proċeduri, f’San Vinċenz kienu ġew introdotti A Manual-Handling booklet , għall-użu tal-professjonisti li jaħdmu ġewwa San Vinċenz de Paul, kif ukoll isir Manual Handling Course għal carers u Nurses impjegati minn San Vinċenz de Paul u li huwa rikonoxxut mill- Malta Further & Higher Education Authority (MQRIC) fuq livell erba’ (4) u ħamsa (5).

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva- Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16408.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16408.