Peress li għaddej xogħol f'Bormla u fost ix-xogħol qed jinqala s-saqaf tal-Club tar-Regatta ta' Bormla, jista' l-Ministru jgħid jekk dan is-saqaf hux se jinbidel totalment u dan peress li s-Soċjetà Regatta Bormla li lilha hu mikri l-istess club, trid tħabbat wiċċha ma' ilma li jidħol kull meta tagħmel ix-xita u dan qed jagħmel ħsara lis-saqaf?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-proġett ta’ Dock 1 qatt ma kien jinkludi t-tibdil tas-saqaf eżistenti tal-Club tar-Regatta ta’Bormla. Huwa ppjanat li jiġi kostruwit saqaf ieħor li jitpoġġa fuq is-saqaf eżistenti ta’ dan il-Club tar-Regatta u dan is-saqaf se jiġi waterproofed esternament. Il-Kumitat ta’ dan il-Club ġie infurmat b’dawn l-arrangamenti.
Jista' l-Ministru jara li jerġgħu jibdew jaħdmu t-traffiċ lights li hemm fi Triq Santa Tereża, Bormla u dan peress li jidher li ġratilhom il-ħsara b'konsegwenza tax-xogħlijiet li hemm għaddejjin f'Bormla?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta qed tagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa biex tinstab il-ħsara u tisewwa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni ta' toroq primarji u sekondarji saret matul is-sena 2010 mis-sezzjoni responsabbli biex tara li t-toroq tagħna jkunu safe biex issuq fuqhom? Jekk saru dawn l-ispezzjonijiet, jista' jgħid f'liema lokalitajiet kienu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li saru 1,282 spezzjoni ta' toroq matul is-sena 2010. Dawn l-ispezzjonijiet saru madwar Malta kollha.
Tieni Distrett Elettorali — Manutenzjoni ta' toroq
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq fil-lokalitajiet tat-Tieni Distrett Elettorali li se jinbnew mill-ġdid jew se jingħataw manutenzjoni matul din is-sena li ġejja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-toroq arterjali u distributorji kollha li hemm fit-tieni distrett jingħataw manutenzjoni matul is-sena kollha skont il-bżonnijiet li jinqalgħu. Hemm ippjanat ukoll li jinbnew toroq li se jagħtu għal Smart City.
Se jinbnew ukoll toroq residenzjali li kienu ġew identifikati fit-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari numru 24717.
Issa li x-xogħol fuq il-proġett tad-dawra ta' Dock 1 beda, jista' l-Ministru jgħid kemm se jdum biex jitlesta dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk hemmx xi timeframes għal dawn ix-xogħlijiet? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta hu proġettat li jitlestew partijiet minn dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq in-naħa ta' Xatt ir-Risq għandu jitlesta sal-aħħar tal-2011, filwaqt li Dock 1 għandu jitlesta sa Ġunju tal-2012, dejjem jekk ma jinqala' xejn imprevist.
Xogħol biex il-parti t'isfel tal-Belt tingħaqad mal-Barraka ta' Fuq
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif inhu miexi x-xogħol sabiex il-parti t'isfel tal-Belt, ħdejn id-Dwana l-antika, tingħaqad permezz ta' lift mal-parti ta' fuq, jiġifieri l-Barraka ta' fuq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi x-xogħlijiet preliminari fuq il-proġett tal-lift tal-Barrakka huma mistennijin li jibdew ftit wara li jiġi ffirmat l-kuntratt fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk issa bir-riforma fit-trasport pubbliku, hemmx il-ħsieb li tibda titħaddem skeda ta' trasport bil-baħar bejn il-Kottonera, Tas-Sliema u l-Belt Valletta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta qiegħda fil-proċess li toħroġ sejħa, fix-xhur li ġejjin, għal offerti għal konċessjoni dwar ġarr ta' passiġġieri bil-baħar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk minn żmien għal żmien isirx awditjar tar-reserved parkings approvati fuq bażi ta’ saħħa jew diżabilità sabiex terġa' tiġi verifikata n-neċessità tar-reserved parking? Jekk fl-affermattiv, jista jgħid meta l-aħħar li sar dan l-awditjar u jispjega x’jiġri meta jiġi stabbilit li reserved parking partikolari m'għadux ġustifikat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn żmien għal żmien, fuq talba tal-kunsill lokali rispettiv jew individwi, jiġu riveduti każijiet fejn ikunu ngħataw permessi tar-reserved parking bays sabiex ikun verifikat il-bżonn tar-reserved parking bay. F'każijiet partikolari jista` jiġi deċiż li dawn jiġu riveduti wara ċertu żmien. F'każ li r-reserved parking bay ma jkunx għad hemm bżonnu, il-Kunsill Lokali rispettiv jiġi nfurmat sabiex jitneħħa ir-reserved parking u jiġu emendati l-linji fit-triq.
Jista' l-Ministru jagħti elenku ta' policies u programmi ta' żvilupp sostenibbli u komunitajiet sostenibbli li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jindika d-dipartimenti u l-aġenzji li huma responsabbli minn dawn il-programmi? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti li jiddiskrivu dawn il-policies u programmi?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa ta' surfacing fi Triq Ġuże Abela f'Ħaż-Żebbuġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għalkemm din it-triq taqa’ taħt ir-responsabilità tal Gvern Ċentrali, din mhix inkluża fil-Programm ta’ 202-il triq li se jinbnew fix-xhur li ġejjin għax il-persentaġġ ta’ binjiet eżistenti ma jaqbiżx is-70% li hu l-benchmark minimu biex triq tkun tista’ tinbena.
B'referenza għall-pjan dikjarat tal-Gvern li jibdel l-ID cards eżistenti għal sistema bijometrika, jista' l-Ministru:
a) jiddikjara meta effettivament se jibda dan il-proċess;
b) jiddikjara kemm hu maħsub li se jiswa dan il-proċess u jekk hemmx Fondi Ewropej li se jingħataw dwar dan;
ċ) jinforma l-Kamra jekk hemmx pajjiżi oħrajn li għandhom sistemi bijometriċi u fuq liema mudell ta' liema pajjiż se jitmexxa l-proċess; u
d) jgħid effettivament xi storage ta' informazzjoni hemm fuq dawn il-cards hekk bijometriċi?
Trasport Malta — roundabout fin-naħa t'isfel t'Alla u Ommu
Question
Jista' l-Ministru permezz ta' Trasport Malta jara li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex ir-roundabout fin-naħa t'isfel tat-telgħa t'Alla u Ommu, limiti tan-Naxxar, tiġi mdawla b'mod aħjar, billi jiġi assigurat li l-periklu kkawżat minn nuqqas ta' dawl jiġi rimedjat, u hekk is-sewwieqa li ma jafux l-inħawi tajjeb biżżejjed jiġu diretti b'mod aħjar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa qed isiru tip ta’ marki ġodda f’din iż-żona bħala parti minn proġett pilota għal sinjali ta’ traffiku fejn it-triq tkun imdallma. Il-materjal li qed jintuża huwa tip ta’ thermoplastic biż-żibeġ tal-ħġieġ (glass beads) fih li jippermetti rifless ħafna aħjar bil-lejl. B’hekk is-sewwieqa jkunu jistgħu jaraw l-allinjament tat-triq aħjar anke bil-lejl.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 25866, jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk Transport Malta tikkoordinax ukoll mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex xogħlijiet fuq il-bankini li jkunu meħtieġa wara li jinbnew ċerti binjiet fil-fatt jitlestew fl-iqsar żmien possibbli? Jista' jagħti tagħrif ukoll dwar jekk Transport Malta għandhiex xi spetturi li jinnotaw dawn it-tip ta' xogħlijiet neċessarji?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma tagħmilx dan it-tip ta’ ko-ordinazzjoni mal-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għaliex m’għandiex il-mandat legali li tagħmlu.
Jista' l-Ministru jgħid lil min Transport Malta qiegħda tgħaddi x-xogħol fejn jidħol-ħadid? Jista' jgħid fuq liema kriterji ġiet magħżula din il-persuna jew kumpanija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ ħadid fi ħdan Transport Malta kien isir minn wieħed mill-membri tad-dipartiment tal-manutenzjoni. Dan l-impjegat ġie mibgħut kors ta’ tliet xhur full time fuq welding ġewwa d-dockyard. Daqs sena u nofs ilu dan l-istess impjegat ġab ċertifikat mediku li jgħid li l-welding kien ta’ detriment għal saħħtu. Eventwalment, dan ġie trasferit f’dipartiment ieħor.
Illum, minħabba dan l-iżvilupp kif ukoll għan-nuqqas ta’ workshop, xogħol ta’ ħadid għal dan id-dipartiment qed jingħata lil dawn il-kumpaniji: ‘Noel Vella Engineering’, ‘Kamoy Engineering’, ‘Jack Iron Works’ u ‘ Andrew Vassallo. Meta l-valur tax-xogħol ikun stmat aktar minn €1000, tinħareġ sejħa għal kwotazzjonijiet, hekk kif mitlub mill-proċeduri stabbiliti.
Rigward xogħlijiet ta’ ħadid relatati mat-toroq, Transport Malta tuża s-servizzi tal-MSD (MRRA) u anki toħrog sejħiet għal kwotazzjonijiet u tenders skont il-ħtiega.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għandhiex unit ta' mastrudaxxa? Jekk fl-affermattiv, fejn qiegħed il-workshop tal-mastrudaxxa fi ħdan Transport Malta? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni li nxtara tant apparat użat fis-sengħa ta' mastrudaxxa u li ġie maħżun f container fix-shed tad-deep water quay l-Marsa?
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-ħtieġa sabiex jinxtara miżien li twaħħal fuq crane proprjetà ta' Transport Malta meta dan il-crane ilu mitluq u abbandunat ix-xhur fil-yard tal-Menqa l-Marsa u meta Transport Malta m'għandha lil ħadd sabiex isuq l-istess crane?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-imsemmi miżien ġie mwaħħal fuq il-crane tliet snin ilu meta fi ħdan il-Maintenance Department ta’ Transport Malta kien hemm min isuqu. Mingħajr dan il-miżien, il-crane ma kienx jgħaddi mill-VRT.
Transport Malta — Network Infrastructure Direcorate - periti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26014 u jgħid kemm hemm periti jaħdmu ma' Network Infrastructure Directorate fi ħdan Transport Malta? X'inhu l-grad li jokkupaw u x'inhu salarju/allowances marbuta ma' kull grad?
Response (GATT, AUSTIN)
Nassumi l-Onor. Interpellant qed jirreferi għar-Roads and Infrastructure Directorate fi ħdan Transport Malta. Ninsab infurmat li hemm 29 perit jaħdmu ma’ dan id-direttorat filwaqt li kumplament tal-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Transport Malta — standards dwar pajpijiet/cables taħt l-art
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta għandhiex xi standards partikolari li fuqhom iridu jimxu l-korporazzjonijiet jew entitajiet kummerċjali oħra meta jiġu biex iqiegħdu pajpijiet jew cables taħt l-art li jistabbilixxu l-fond li fihom għandhom jitqiegħdu dawn il-pajpijiet/cables? X'tip ta' spjegazzjonijiet isiru minn Transport Malta biex jassiguraw li dawn l-istandards jiġu osservati?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jagħmel l-intersection fl-Imrieħel Bypass li tagħti għall-area industrijali tal-Imrieħel one way jiġifieri li tista' taqsam karreġjata waħda biss mill-bypass int u sejjer lejn Ħ'Attard għall-industrial estate u mhux bil-kontra ukoll, jiġifieri li taqsam żewġ karreġjati u dan għax biex toħroġ mill-industrial estate u taqbad il-bypass lejn Ħ'Attard kulma trid tagħmel hu li ddur mal-underpass f'Ħal Qormi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fiż-żona msemmija hemm disinji ġodda ppjanati li jinvolvu tibdil fl-immanuvrar permess fil-junction msemmija, liema tibdil jinkludi li vetturi ħerġin miż-żona industrijali ma jistgħux jaqsmu il-karreġġati tal-Bypass tal-Mrieħel lejn Ħ’Attard, iżda jridu jipproċedu fid-direzzjoni ta’ Ħal Qormi.