Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni fuq Schedule V intitolati għal sussidju tal-linja tat-telephone GO

Question

Peress li diversi individwi qed jaqblilhom li jkunu fuq il-kartuna s-safra, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk dawk l-individwi li huma dijabetiċi u li nqattatilhom il-kartuna r-roża u ġew maqluba fuq is-Schedule V, jekk għandhomx dritt għal sussidju tal-linja tat-telephone GO?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dawk il-persuni dijabetiċi li mill-kartuna r-roża ġew maqluba fuq is-Schedule V għandhom dritt għall-mediċini, inklużi mediċini ġodda tad-dijabete, għal sticks mingħajr ħlas u glucose meter jekk huma fuq l-insulina, għal sussidju fuq nuċċali tal-vista, għal kura dentali, għal antibijotiċi skont il-ħtieġa, kif ukoll dritt għal discount fuq il-kiri tas-servizz tat-Telecare.

Ċentru Ċiviku ta’ Birkirkara – ftuħ ta’ poliklinika

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-poliklinika fiċ-Ċentru Ċiviku ta’ Birkirkara tibda tiftaħ ukoll bil-lejl?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Kura tas-Saħħa Primarja perjodikament jagħmel eżerċizzju biex jidentifika fejn tinħass l-aktar il-ħtieġa għal-żieda fis-servizzi offruti minn dan il-qasam biex b’hekk jutilizza r-riżorsi li għandu disponibbli għalih bl-aktar mod għaqli u xieraq. Għaldaqstant jidher li għalissa għad m’hemmx biżżejjed domanda biex iċ-ċentri tas-saħħa ż-żgħar, fosthom dak ta’ Birkirkara, jibqgħu miftuħa matul il-lejl. Madanakollu dan id-dipartiment ma jeskludix din il-possibilita’ milli sseħħ fil-futur; bħal ma ġara fis-snin li għaddew meta kien ġie estiż il-ħin tal-operat ta’ dan iċ-Ċentru tas-Saħħa.

Dħul ta’ persuna bħala residenta fl-SVPR

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li jsir kuntatt ma' din is-sinjura li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fejn qiegħda ġewwa l-Isptar Karin Grech u li qiegħda tistenna li tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule (SVPR)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat peress li r-residenza msemmija minnu ma taqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa.

Riċetti elettroniċi mit-tabib – pilot study

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3624, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta beħsiebu d-Dipartiment ivara pilot study f’Malta u f’Għawdex fejn il-mediċini (karta bajda biss) li jinsabu fil-formolarju tal-Gvern jinkitbu b’mod elettroniku mit-tabib tal-familja, kemm dak privat kif ukoll dak tal-Gvern, fuq riċetti li hi standard prescription u li t-template elettroniku tagħha hu maħruġ mid-dipartiment?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 3624 u ninfurmah illi s-sistema komputerizzata se tigi estiza ghat-tobba tal-familja iktar tard din is-sena.

Sptar Ġenerali t’Għawdex – Orthopedic Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sala mibnija reċentament li kellha tintuża bħala Orthopaedic Unit ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hijiex tintuża għal dan l-iskop u jekk le għal xiex qed tintuża bħalissa u għala mhijiex tintuża bħala Orthopaedic Unit? Kemm kienet l-ispiża biex inbniet u ġiet mgħamra bl-apparat din is-sala?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa totali tal-Orthopedic Unit ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hija ta’ €450,000. Bħalissa qiegħed isir ir-reklutaġġ ta’ staff sabiex titħaddem din il-unit.

Residenza San Vinċenz de Paul — Ħaddiema ma’ kuntrattur – sick leave

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara l-każ ta’ maids li jaħdmu ma’ kuntrattur fir-Residenza San Vinċenz de Paul, minħabba li qed jiġu mhedda li jekk jieħdu s-sick leave se jitkeċċew mill-kumpanija? Jista’ jagħmel laqgħa mal-kuntrattur dwar din l-issue?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Hospital Concession Agreement mal-Vitals Global Healthcare

Question

B'referenza għal Hospital Concession Agreement li l-Gvern għamel mal-Vitals Global Healthcare (VGH) jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra u jgħid kemm kien l-ammont maqbul li l-Gvern kellu jħallas lil-VGH għal kull sena (separatament) matul it-tletin sena li kien ikopri dan il-ftehim?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pagamenti mill-Gvern lill-konċessjonarju matul il-perjodu tal-konċessjoni isiru kif indikat fil-ftehim imsemmi minnu u cioe skont l-ammont ta’ servizzi li l-Gvern ikun qed jixtri. Is-servizz tas-saħħa għall-pazjenti Għawdxin u Maltin ser jibqa’ mingħajr ħlas għall-perjodu kollu tal-konċessjoni u ser ikun tal-aqwa livell.

Santa Venera – residenti li marru fil-poliklinika tal-Floriana għal teħid ta’ testijiet tad-demm

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm residenti ta’ Santa Venera, li attendew fil-Poliklinika tal-Floriana b'appuntament, fis-snin 2015, 2016 u 2017, sabiex jitteħdilhom kampjun ta' demm għal analiżi medika?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Kura Primarja jżomm statistika globali ta’ kemm ittieħdu kampjuni tad-demm ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana li minnu jagħmlu użu residenti ta’ diversi bliet u rħula fosthom Santa Venera. It-tabella t’hawn taħt turi it-total ta’ kemm ittieħdu kampjuni f’dan iċ-Ċentru tas-Saħħa għal kull sena mitluba. Sena 2015 2016 2017 Numru ta’ Kampjuni meħuda fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana 18,649 20,334 16,113

Twelid ta’ trabi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: a. kemm twieldu trabi fl-2017; b. kemm minn dawn ħelsu normali, b’ċesarja jew b’intervent ieħor; c. x’kien il-persentaġġ ta’ trabi li twieldu b’ċesarja u x’kienet l-indikazzjoni medika; u d. it-trabi li twieldu b’ċesarja, kemm minnhom twieldu bi spinal anaesthesia u kemm b’ general anaesthesia ?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Malta, bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Ottubru 2017 twieldu 3,590 tarbija. It-tabella ta’ hawn taħt turi kif twieldu dawn it-trabi. Type of birth Number of births Normal vertex vaginal 2,272 Forceps 4 Ventouse 155 Breech 1 Cesarean Section 1,158 Mill-1,158 tarbija li twieldu b’ċesarja, 85.4% twieldu bi spinal anaesthesia u 13.2% twieldu b’general anaesthesia. Numru zgħir (1.4%) kellhom kemm spinal kif ukoll general anaesthesia.

Operazzjonijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: a. kemm saru operazzjonijiet ta’ TAH and BSO , Hysterectomies, oophorectomies single or bilateral, sena b’sena tul dawn l-aħħar ħames snin; b. x’kienu l-indikazzjonijiet mediċi ta’ dawn l-operazzjonijiet; u c. jagħti l-etajiet tal-persuni li għamlu dawn l-operazzjonijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabelli t’hawn taħt. In-numru ta operazzjonijiet ta’ Total Abdominal Hysterectomy and Bilateral Salpingoophorectomy (TAH and BSO) kif ukoll l-etajiet tal-persuni li għamlu dawn l-operazzjonijiet. Age group 2012 2013 2014 2015 2016 <35 5 1 2 6 2 35-44 48 45 53 47 45 45-54 141 165 168 162 143 55-64 70 68 66 89 77 65-74 37 44 35 45 47 75-84 11 12 16 18 10 85+ 1 3 0 2 3 Total 313 338 340 369 327 In-numru ta operazzjonijiet ta’ Hysterectomies (Includes Vaginal, Laparoscopic, Subtotal and TAH without BSO) kif ukoll l-etajiet tal-persuni li għamlu dawn l-operazzjonijiet. Age group 2012 2013 2014 2015 2016 <35 10 8 13 6 6 35-44 79 80 65 87 77 45-54 64 61 72 62 42 55-64 63 39 57 45 37 65-74 43 34 33 49 48 75-84 21 14 21 10 9 85+ 1 1 1 1 Total 280 237 262 260 220 In-numru ta’ operazzjonijiet ta’ Oophorectomies/ Salpingoophorectomies (Excludes BSO's carried out with TAH) kif ukoll l-etajiet tal-persuni li għamlu dawn l-operazzjonijiet. Age group 2012 2013 2014 2015 2016 <35 12 11 15 12 12 35-44 23 22 27 28 50 45-54 16 28 35 38 24 55-64 5 8 11 17 24 65-74 4 5 19 18 10 75-84 1 2 1 0 5 85+ 0 0 0 1 0 Total 61 76 108 114 125

Operazzjonijiet ta’ ċesarja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid: a. kemm saru operazzjonijiet ta’ ċesarja tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena; u b. x’kienet l-età medja ta’ dawk li saritilhom ċesarja tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Malta bejn l-2012 u l-2016 saru 6,772 operazzjonijiet ta’ ċesarja. It-tabella t’hawn taħt turi kemm saru sena b’sena, kif ukoll l-età medja ta’ dawk li saritilhom l-operazzjoni tac-ċesarja. Year Number of caesarean sections Average maternal age of mothers having caesarean section (years) 2012 1409 30.2 2013 1270 30.4 2014 1368 30.8 2015 1359 30.9 2016 1366 31.2 2012-2016 6772 30.7

Dipartiment tal-Patoloġija – appuntament – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara kif appuntament tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mad-Dipartiment tal-Patoloġija tħassar għar-raba’ darba, minħabba nuqqas ta' strumenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna msemmija minnu la għandha u lanqas qatt kellha appuntament mad-dipartiment tal-Podoloġija.

Sptar Mater Dei — skrivani

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm irid ikollok eżamijiet biex tidħol skrivan mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġewwa l-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid x’inhuma l-kwalifiki meħtieġa? Jikkonferma li hemm min daħal mingħajr kwalifiki mitluba? Jista’ jgħid kemm daħlu, xahar b’xahar minn April sa Diċembru 2017 u f’Jannar 2018? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn daħlux bil-kuntratt jew le? Jista’ jgħid kemm daħlu fuq bażi part-time u kemm fuq bażi full-time?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fix-xhur imsemmija minnu kien hemm medja ta’ 40,066 siegħa fix-xahar ta’ xogħol klerikali ingaġġat f’Mater Dei mill-kumpanija msemmija.

Sptar Monte Carmeli – persuni ammessi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew ammessi persuni fl-Isptar Monte Carmeli tul is-sena 2017? Jista’ jindika kemm kien hemm persuni rikoverati fl-aħħar tas-sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2017 kien hemm 1,974 persuna li ġiet ammessa u 808 persuna li ġiet rikoverata fl-aħħar tal-istess sena, fl-isptar Monte Carmeli.

Sptar Monte Carmeli — ħaddiema

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm persuni impjegati ġewwa l-Isptar Monte Carmeli tul is-sena 2017? Jista’ jindika l-iskala rispettiva tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar tas-sena tal-2017 kien hemm 719 persuni impjegati mas-servizz/settur pubbliku ġewwa l-Isptar Monte Carmeli.

Berġa ta’ Wied il-Għajn — rilokazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Berġa tas-Saħħa ta’ Wied il-Għajn hijiex se tiġi rilokata? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni użaw is-servizzi tal-istess Berġa tul is-sena li għaddiet (2017)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-e¿erċizzju tad-divoluzzjoni ma japplikax għall-Berġa ta’ Wied il-Għajn għaliex din hija propjeta’ privata. Madanakollu, saru diversi xogħlijiet fosthom tiswijiet fil-membrane ta’ din l-imsemmija berġa. Ninfurmah ukoll illi matul is-sena 2017 kien hemm 1,976 persuni li użaw is-servizz ta’ tabib u 1,936 persuna li użat is-servizz tal-infermiera, ġewwa din il-berġa.

Għawdex — Għarb u Qala – rispons tal-ambulanzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed isir dwar ir-rispons miżeru tal-ambulanzi, speċjalment ir-rispons lejn il-lokalitajiet tal-Għarb u l-Qala? Dan sabiex jiġi evitat inċident mhux aċċettabli bħalma ġara fil-11 ta’ Frar 2017 fil-belvedere tal-Qala fejn ċiklista Malti ta’ 45 sena miet b’attakk tal-qalb fuq il-post wara li dam jistenna ambulanza għal 32 minuta.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar sena sar titjib fil-vetturi tal-Ambulanzi f’Għawdex fejn inkrew 3 ambulanzi ġodda għad-dispożizzjoni u l-esiġenzi tal-pazjenti tagħna. Dan sakemm jiġu 3 ambulanzi ġodda li ġew ordnati għall-isptar Ġenerali t’ Għawdex. Rigward il-każ imsemmu minnu, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għal kuntrarju għal li qed jgħid hu, l-ambulanza waslet fuq il-post fi 15 il-minuta u l-pazjent kien fl-isptar Ġenerali t’ Għawdex għal aktar kura f’inqas minn 30 minuta minn meta saret it-telefonata.

Vitals Global Healthcare – bejgħ ta’ apparat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3289, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid saritx valutazzjoni tal-apparat kollu tat-tliet sptarijiet u ċjoè; l-Isptar t’Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech, qabel ma’ dan għadda għand il-Vitals Global Healthcare (VGH) u eventwalment għand il-kumpanija privata Amerikana li se tieħu f’idejha l-istess sptarijiet pubbliċi? Jekk saret valutazzjoni, jista’ jpoġġiha fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma saritx, jista’ jgħid għaliex ma saritx?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-apparat ġie mgħoddi lill-konċessjonarji tale quale, mingħajr ebda garanzija inkluż għad-difetti li ma jidhrux (latent defects) u huwa filfatt previst li l-maġġoranza ta’ dan l-apparat jinbidel matul il-perjodu tal-koncessjoni.

Berġa tal-Fgura — rilokazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Berġa tas-Saħħa tal-Fgura hijiex se tiġi rilokata u jista’ jgħid ukoll kemm persuni użaw is-servizzi tal-istess Berġa tul is-sena li għaddiet (2017)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi diġa kienu saru laqgħat mal-Kunsill Lokali tal-Fgura bil-għan li la darba titlesta l-binja l-ġdida għall-Kunsill Lokali, issir id-devoluzzjoni u l-Berġa timxi għal din il-binja ukoll. Ninfurmah ukoll illi matul is-sena 2017 kien hemm 2,105 persuni li użaw is-servizz ta’ tabib u 2,049 persuna li użat is-servizz tal-infermiera minn din l-istess berġa.

Berġa ta’ Ħal Tarxien — rilokazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Berġa tas-Saħħa ta’ Ħal Tarxien hijiex se tiġi rilokata u jista’ jgħid ukoll kemm persuni użaw is-servizzi tal-istess Berġa tul is-sena li għaddiet (2017)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Berġa ta’ Ħal Tarxien diġà hija devoluta lill-Kunsill Lokali ta’ dan l-istess raħal. Matul is-sena 2017 kien hemm 3,159 persuna li użat is-servizz ta’ tabib u 3,181 persuna li użat is-servizz tal-infermiera minn din il-berġa.