Legislature:
Category:
Reset
Active:

kwestjoni dwar linja diviżorja ta' proprjetà f'Għawdex

Question

B'referenza għall-kwestjoni bejn il-Kunsill Lokali ta' Sannat, id-Dipartiment tal-Artijiet u terzi, liema kwestjoni tirrigwarda linja diviżorja bejn żewġ proprjetajiet, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni dettaljata dwar il-każ u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-arbitru u kull dokument ieħor konness ma' din il-kwestjoni u l-art?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-fatti dwar il-kwistjoni li hemm bejn il-Kunsill Lokali ta’ Sannat, id-Dipartiment tal-Artijiet u terzi dwar il-linja diviżorja bejn żewġ proprjetajiet, kif ukoll, kopja tar-Rapport tal-Arbitru li fih id-dettalji kollha mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kuntratti b'direct order jew tender

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata mis-segwenti entitajiet kemm b’diret order u kemm permezz ta’ tender Governattiv: Accounancy Board, AirMalta p.l.c, Auctioneers Board of Examiners, Bank of Valletta, Board of Special Commissioners on Death and Donation Duty, CASMA Limited, Central Bank Malta, Controller of Companies Appeals Board, Copyright Board, Court of Revision of Notarial Acts, Enemalta Corporation, Financial Intelligence Analysis Unit/ Board of Governors, Financial Services Tribunal, General Contracts Committee, Gozo Channel Company Limited, Gozo Ferries Company Limited, Gozo Heliport Company Limited, Inland Revenue First Board of Special Commissioners, Inland Revenue Second Board of Special Commissioners u Joint Office Control Committee? Lil min ingħata u kemm kien jiswa kull kuntratt fil-perjodu 2008, 2009 u 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinvolvi ħafna xogħol u hija vasta, li probabilment tinkludi informazzjoni li mhux neċessarjament hija dik li jrid l-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jispeċifika rigward liema entità partikolari jixtieq l-informazzjoni u għal-liema perjodu.

Spiza fuq salarji u perkaċċi li l-Gvern iħallas lill-awtoritajiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella tal-ispiza tas-salarji u perkaċċi li l-Gvern iħallas lill-awtoritajiet? Jistgħu dawn ikunu preżentati separatament skont il-gradi sa mis-sena 2004 sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Problema dwar bozza tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' famlija li ilhom jirrapportaw fuq problema ta' bozza ta' barra li kif tinxtegħel jinqata' d-dawl ta' ġewwa ta' familja li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament u ilhom fuq dan l-ilment aktar minn sena u baqgħu bla riżultat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi dan l-ilment ġie investigat u wara li saret il-manutenzjoni meħtieġa l-klijent ġie mitlub biex jiċċekkja wkoll l-istallazzjoni tiegħu u jinfurmana bir-riżultat.

Permess biex wieħed ibiegħ l-fjuri ħdejn iċ-ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'irid jagħmel biex wieħed ikollu permess biex ibiegħ il-fjuri ħdejn iċ-ċimiterju? Kemm hemm persuni li għandhom il-permess? X'tip ta' permessi hemm? Hemm permessi pendenti? Hemm il-ħsieb li jiġi privatizzat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm 86 liċenżja; 50 maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ u 36 mill-Pulizija (minn meta l-liċenzji kienu għadhom taħt il-Pulizija). Jeżistu żewġ tipi ta’ permessi; dawk li jistgħu ibiegħu l-ikel u dawk li jbiegħu affarijiet oħra mhux ikel. Il-bejjiegħa tal-fjuri jaqgħu taħt it-tieni kategorija. Sal-lum m'hemmx liċenzji pendenti.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — awtoritajiet, entitajiet u bordijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 24771, jista' l-Ministru jagħti dettaji ta' kemm hemm persuni fuq kull awtorità jew bord li huma taħt id-dekasteru tiegħu u kemm jitħallsu kull sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ħaddiema b'paga minima

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqilgħu paga minima (taħt il-€€160 (Gross) fil-ġimgħa) mix-xogħol full-time jew part-time tagħhom fis-settur pubbliku u fis-settur privat? Jista' jagħti din l-informazzjoni lokalità, b'lokalità?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — impjieg ta' persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-Ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kummissjoni tal-Artijiet — informazzjoni dwar l-avukati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati li jaħdmu mal-Kummissarju tal-Artijiet? B'liema mod daħlu mal-kummissarju? Hemm avukati li huma impjegati bħala full-timers, part-timers u/jew konsulenti privati li jirrapreżentaw lill-Kummissarju tal-Artijiet u fl-istess ħin għandhom kawżi kontra l-istess kummissarju ċioe kawżi kontrih? Jista' jgħid ukoll min huma dawk l-avukati li bħalissa qed jirrappreżentaw lill-Kummissarjutal-Artijiet fil-kawżi kontrih, kif ġew appuntati, jekk sarux calls for application u jekk humiex impjegati mal-gvern bħala avukati?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-avukati li huma impjegati mad-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern fuq bażi full time huma tlieta. Dawn ġew ingaġġati wara li ħarġet sejħa għall-applikazzjoni għall-ingaġġ ta’ Uffiċċjali Legali, bl-approvazzjoni tal-Kummisjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment għandu 34 avukat fil-prattika privata fuq bażi ta’ kuntratt li xogħolhom hu li jistabbilixxu min huma is-siden ta’ proprjetà privata li tkun ġiet esproprijata mill-Gvern għal skop pubbliku, ħalli b’hekk id-Dipartiment ikun jista’ jagħmel il-kuntratti tal-ħlas ta’ kumpens ma’ dawn is-sidien. Għalkemm il-Kuntratt sar mall-Kummissarju tal-Artijiet, dawn ma jirrapreżentawx lill-Kummissarju iżda lis-sidien privati li l-art tagħhom tkun ser tiġi esproprijata. Fil-fatt l-ismijiet ta’ dawn l-34 avukat, jingħataw lis-sidien privati sabiex jekk iridu, jagħżlu wieħed minn dawn l-avukati biex jagħmlilhom ir-riċerka li tipprova t-titlu tagħhom fuq l-art li tkun ġiet dikjarata meħtieġa għal skop pubbliku skont l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi (Kap. 88). Dawn l-avukati ġew ingaġġati on an ad hoc basis wara sejħa għall-applikazzjoni ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern datata 11 u 15 tal- Lulju, 2003. Minħabba li tnejn mit-3 avukati impjegati full-time mad-Dipartiment qegħdin fuq unpaid leave jew maternity leave , id-Dipartiment qiegħed jixtri s-servizzi ta’ 3 avukati oħra fil-prattika privata sabiex jittrattaw każijiet quddiem il-Qrati, jagħtu pariri u jagħmlu xogħol ieħor legali skont il-bżonn. Dawn ġew ingaġġati temporanjament fuq bażi ta’ kuntratt wara li ħarġet sejħa għall- Expression of Interest minn Avukati li kienu lesti li jipprovdu servizz legali lid-Dipartiment, li dehret fil-gazzetti lokali tal-5 ta’Ġunju 2011. Fost l-avukati li jirrappreżentaw lill-Kummissarju tal-Artijiet, ħadd minnhom m’għandu kawża kontra l-Kummissarju tal-Artijiet, imma hemm minnhom li jirrapreżentaw klijenti tagħhom fuq kawżi mad-Dipartiment tal-Artijiet. Fil-Kuntratt li għamlu dawn l-avukati mad-Dipartiment, hemm stipulat li dawn għandhom jiddikjaraw minn qabel dawn il-każijiet u jiġbdu l-attenzjoni tad-Dipartiment biex ma jittrattawx każijiet fejn jista’ jkun hemm konflitt ta’ interess. Fil-fatt dawn l-Avukati, iddikjaraw huma stess dawk il-kawżi li huma ma jistgħux jidħlu fihom minħabba konflitt ta’ interess. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ismijiet tal-avukati.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — informazzjoni dwar Dar l-Istudent

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament min hu l-proprjetarju tal-blokka tal-Università ta' Malta li jisimha Dar l-Istudent (Student House) u jekk il-pussess tal-istess blokka huwiex mogħti lil terzi, senjatament il-Kunsill Studenti Universitarji? B'liema titlu dawn it-terzi għandhom il-pussess ta' Dar l-Istudent u xi drittijiet għandhom fuq din il-binja? Jista' jgħid jekk din ir-relazzjoni ġietx regolata b'xi kuntratt pubbliku/privat jew inkella b'xi xorta oħra inskritt?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja.

Enemalta — Diviżjoni tal-Gass - grad maneġerjali

Question

Billi t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27525 hi li "m'hemm ħadd fil-grad ta' manager li bħalissa qed jagħmel ix-xogħol tal-manager amministrazzjoni, fil-Marsa Power Station", jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-individwu li qed jagħmel dan ix-xogħol għandux take home pay ta' manager, jieħu l-benefiċċji kollha ta' manager u jiffirma l-emails tiegħu bħala manager?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 297. *Vide PL 8172 li ngħatat nhar it-Tlieta 18 ta' Ottubru 2011 fis-Seduta 394

Kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga kif il-konsumatur, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ilu ma jirċievi kont tad-dawl u l-ilma minn mindu twaħħlu l-ismart meters f'Mejju li għadda?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lil-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28522 u ċioe: B’referenza għar-rapport li Malta rċeviet aktar minn €700 miljun f'għajnuna mill-Unjoni Ewropea (taħt diversi fondi) bejn is-snin 2004 sa 2010, jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat fuq liema proġetti ġew allokati dawn il-fondi? Jista' jagħti d-dettalji sena b’sena u kull proġett jiġi identifikat u tingħata l-ispiża fuq kull wieħed mill-proġetti li għalih dawn il-fondi ġew allokati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Air Malta — Club Class - ħaddiema tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema grad 'il fuq il-ħaddiema taċ-Ċivil li jsiru fuq xogħol tal-gvern huma intitolati li jsiefru club class meta jagħmlu użu mis-servizz tal-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi ħaddiema taċ-Ċivil fi Skali 1 sa 3 huma ntitolati li jsiefru club class flimkien ma' persuna oħra biss li takkumpanjhom meta dawn l-uffiċjali jagħmlu użu mis-servizz tal-Air Malta. Fil-każ tal-entitajiet tal-gvern skali 1 sa 3 jinkludu iċ- chairmen u ċ- chief executive officers .

Proġett ta’ Upgrading and Embellishment of Industrial Estates — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement li jinkludi l-implementation u d-disbursement schedules dwar il-proġett ta’ Upgrading and Embellishment of Industrial Estates (Project Ref. No. ERDF 001) iffirmat bejn il-benefiċjarju u l-Managing Authority skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni ta’ Proġetti ko-finanzjati mill-istess Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan id-dokument ġie mitlub minn u sottomess lill-istess interpellant f’mistoqsija parlamentari 19007.

Air Malta — impjegati li għandhom impjieg ieħor

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati tal-Air Malta li għandhom impjieg ieħor part-time u/jew qegħdin iservu fuq bordijiet governattivi jew awtoritajiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta hija entità kummerċjali , u ma tippubblikax tali informazzjoni separatament minn dik li normalment tiġi ippubblikata minn entitajiet kummerċjali oħra.

eżenzjonijiet minn sidien kummerċjali fil-kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument dettaljat ta' kemm intalbu eżenzjonijiet minn sidien kummerċjali u negozjanti għall-eżenzjonijiet u maħfriet mill-kontijiet tad-dawl u ilma? Jista' jagħti l-ammonti relatati mill-2008 sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jiċċara l-mistoqsija tiegħu u jispjega xi jrid iffisser bil-kelma “eżenzjonijiet” għaliex ħadd m’hu eżentat milli jħallas l-kontijiet tad-dawl u ilma.

Arms Ltd — kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha kontijiet pendenti l-Arms Ltd mis-sena 2008 sal-lum, kemm dawk residenzjali kif ukoll dawk kummerċjali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

KSI — problema tad-drenaġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 24503, billi għadhom jasluli sal-lum stess ilmenti ripetuti dwar riħa qawwija ta’ drenaġġ f’Pembroke fl-inħawi indikati, jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra x’passi ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, billi din il-kwestjoni ilha li nġiebet għall-attenzjoni tal-Ministeru minn Marzu ta’din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tieħu ħsieb li din il-problema se tissolva permezz ta’ xogħol meħtieġ fuq is-sistema tad-drenaġġ tal-lokal. Dan ix-xogħol qed isir bħala parti mil-proġett ta’ Pembroke Gardens imniedi mill-Awtorità tat-Turiżmu (MTA). Hu mistenni li x-xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ jitlesta aktar tard din is-sena.