Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondi għall-għajnuna li se tingħata lill-istudenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm se tammonta l-għajnuna li se tingħata lil studenti li se jmorru jistudjaw semester f’università Ewropea u minn liema line item tal-estimi ġenerali għas-sena 2010 se joħorġu l-fondi għal din l-għajnuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont stmat taħt l-iskema tad-Direct Exchange Programme huwa ta’ madwar €309,000 bil-fondi li joħorġu taħt il-line item 5015 tal-Estimi Ġenerali. Dan l-ammont se jkun qed ikopri studenti li qed jistudjaw f’università Ewropea kemm fl-ewwel semester kif ukoll dawk li ser jistudjaw fit-tieni semester ta’ din is-sena akkademika.

Korsijiet tal-mediċina veterinarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’taħditiet qed isiru mal-Università ta’ Malta u bi ftehim ma’ universitajiet barranin biex jibda jingħata f’Malta stess il-kors tal-medicina veterinarja? Fejn waslu dawn it-taħditiet? Liema parti tal-kors se ssir f’Malta, liema parti se ssir f’università oħra u meta huwa mmirat li jibda dan il-kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sal-lum l-Università ta’ Malta m’għandhiex ir-riżorsi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ degree għal veterinarju, liema degree jirrikjedi riżorsi sostanzjali. Minkejja dan, l-Università ta’ Malta qed tesplora x’possibilitajiet jista’ jkun hemm għal kollaborazzjoni f’dan il-qasam ma’ istituzzjonijiet oħra. Iżda dan għadu fi stadju bikri u s'issa m’hemm l-ebda kollaborazzjoni konkreta.

Pixxina Nazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi xhur fis-sena li fihom il-pixxina nazzjonali tkun magħluqa? Jekk hemm għaliex? X'qed iżżomm il-gvern milli jagħmel spiża kapitali biex jgħatti l-pixxina nazzjonali bl-istess mod bħal, per eżempju, l-pixxina tal-Pescara? Saru pjanijiet f'dan is-sens? Għandu kwotazzjonijiet il-gvern fuq dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-pixxina nazzjonali tingħalaq biss meta jkun hemm ħtieġa li ssir manutenzjoni. Il-manutenzjoni ssir biex tkun salvagwardjat l-kwalità tal-ilma u s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li jagħmlu użu mill-pixxina. Il-Kunsill Malti għall-iSport ikkummissjona studji dwar metodi differenti ta’ kif titgħatta l-pixxina meta ma tkunx qed tintuża. Sal-lum jirriżulta li l-ispiża kapitali u rikorrenti li jridu jsiru ma jiġġustifikax finanzjarjament dak li jista’ jkun gwadanjat permezz ta’ din is-sistema.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — Konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm konsulenti mal-Ministeru tagħha li jaħdmu minimu ta’ 15-il siegħa fil-ġimgħa u/jew minimu ta’ 60 siegħa fix-xahar? Min huma? X’inhu x-xogħol ta’ konsulenza tagħhom? Kemm jitħallsu u kif - fuq bażi ta’ somma fissa maqbula bil-quddiem, jew fuq bażi ta’ hourly attendance rate? Kemm minnhom huma specifically assignment based u min huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Wied il-Għajn — tkomplija ta' bini mill-Awtorità tad-Djar

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jitkompla l-bini mill-Awtorità tad-Djar fi Triq Thomas Ashby stante li x-xogħol ilu wieqaf madwar tlett snin u kulma sar pedamenti u tħalliet ħofra enormi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Inħarġet sejħa għall-offerti biex jinbena dan il-proġett u għaldaqstant l-Awtorità tad-Djar qed tippjana li x-xogħlijiet ikunu jistgħu jinbdew kmieni s-sena d-dieħla.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — Talbiet għal reduced working hours

Question

Tista l-Ministru tgħid kemm kien hemm talbiet għal reduced working hours fl-aħħar sitt xhur f'kull dipartiment separatament li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha? Kemm minnhom saru minn ħaddiema nisa u kemm minnhom saru minn ħaddiema rġiel? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Tista' tgħid fil-każ tar-rifjut tat-talba x'kienet ir-raġuni u fil-każ ta' talbiet pendenti f'liema stadju waslet it-talba?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Talba għal risposta mill-Awtorità tad-Djar

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' Sinjur li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li ilu jistenna mal-Awtorità tad-Djar xhur biex ikollu risposta, liema każ jinsab quddiem l-appell minħabba li din hija persuna b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Independent Revisory Board tal-Awtorità tad-Djar ser jiltaqa fil-jiem li ġejjin u dan il-każ se jiġi diskuss dakinhar.

Public Broadcasting Services — arranġament mal-kumpanija Go għall-kanali free to air

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex veru li l-Public Broadcasting Services għamlet arranġament mal-Kumpanija GO biex din tal-aħħar tittrasmetti l-kanali free to air? Kemm se jiswa dan l-arranġament tal-Public Broadcasting Services? Għaliex sar dan l-arranġament mingħajr ebda sejħa pubblika għall-offerti? Il-frekwenza diġitali tal-Public Broadcasting Services se jintużaw mill-kumpanija GO b'saħħa ta' dan l-arranġament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Public Broadcasting Services għamlet arranġament mall-Kumpanija GO biex din tal-aħħar, għal perjodu temporanju, tittrasmetti fuq in-network tagħha l-kanali tat-televiżjoni lokali free to air. Ma nħoss li għandi nagħti informazzjoni dwar kemm sewa dan l-arranġament peress li din hija ta’ natura kummerċjali u li jinvolvi entitajiet oħra. Il-PBS waslet għal dan l-arranġament wara li qieset iċ-ċirkustanzi tekniċi, finanzjarji u ż-żmien li fihom għandha tistalla n- network tagħha. Barra minn hekk, fil-preżent il-Kumpanija GO hija l-unika kumpanija li hija liċenzjata biex topera Digital Transmission Network f’Malta. Ta’ min jgħid li matul il-perjodu li l-PBS tkun qed tuża n- Network tal-GO, l-istazzjon nazzjonali se jkun qed jagħmel il-preparamenti meħtieġa biex jistalla n- network diġitali tiegħu. Il-PBS se tiġi allokata frekwenza biex fuqha tkun tista’ tittrasmetti dawk il-kanali li jikkwalifikaw bħala General Interest Objectives stations . Din il-frekwenza mhux ser tintuża mill-Kumpanija GO.

Kumpanija Palumbo — ħaddiema barranin

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija Palumbo, li l-Gvern għaddielha t-Tarzna, applikatx biex iġġib ħaddiema barranin jaħdmu magħha? Jekk iva, kemm hu n-numru tagħhom, f'liema snajja huma u minn liema pajjiżi ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija Palumbo timpjega ħaddiema waħda barranija. Din taħdem bħala segretarja u hija Taljana.

ETC — Work Trial Scheme

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta’ persuni li għamlu użu mill-iskema tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, il-Work Trial Scheme, matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont ta’ persuni li għamlu użu mill-iskema tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, il-Work Trial Scheme, matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena kien ta 288 persuna.

ETC — investiment f'laboratorju tal-kompjuters

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’investiment sar mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena f’laboratorju tal-kompjuters mobbli biex jintuża għat-taħriġ barra mill-klassi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tinsab fil-proċess li taġġudika t-tender biex jkun jista jintgħażel is-supplier li se jissuplixxi l-kompjuters mobbli biex jintużaw għat-taħriġ barra mill-klassi.

Kunsill Malti għall-Kwalifiki — programm ta' taħriġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta’ żgħażagħ li matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena għamlu użu mill-programm ta’ taħriġ bil-għan li jiksbu kwalifika rikonoxxuta mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki? Jista' jgħid kemm huwa l-istipendju mogħti liż-żgħażagħ li jidħlu għal dan il-programm?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant mitlub jiċċara għal liema programm qed jirreferi. Il-programmi kollha offruti mill-Universita, mill-MCAST; mill-istituzzjonijiet post sekondarji jistgħu jwasslu għal Certifikati, Diplomi jew Gradi li huma rikonoxxuti mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki. L-istudenti li jattendu dawn l-istituzzjonijiet huma ntitolati għal stipendju li jvarja skont il-kors u l-livell.

Ċentri ġodda tat-tfal

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-investiment li sar b’mod separat matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena fuq ċentri ġodda tat-tfal ġewwa Santa Venera, il-Furjana, l-Imsida u ż-Żejtun?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena ma kienx hemm investiment finanzjarju f’dawn iċ-ċentri. F’dawn ix-xhur il-gvern kien qed jippjana l-infrastruttura bażika ta’ dawn iċ-ċentri u huwa ppjanat li fil-ġimgħat li ġejjin jinbeda x-xogħol fuq iċ-ċentru ta’ Santa Venera.

Skejjel li jinżammu miftuħa wara l-ħin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma ż-żewġ skejjel li matul l-2010 bdew jinżammu miftuħa wara l-ħin għal dawk it-tfal li l-ġenituri tagħhom jeħtieġu dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li hemm numru ta’ skejjel li jinfetħu wara l-ħin tal-iskola biex joffru diversi servizzi. Jekk tista’ tindika s-servizz inkunu nistgħu nwasslulek l-informazzjoni. Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-inizzjattiva Klabb 3-16, dan is-servizz qiegħed jingħata fl-Iskola Primarja ta’ B’Kara kif ukoll fl-Iskola Primarja tal-Fgura.

ITS — ħlas lil għalliem

Question

Peress li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħallem fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi kien irċieva l-wegħda li dettalji tagħha qed tingħata separatament, u peress li għadda Ġunju u dan għadu ma rċeviex il-ħlasijiet dovuti lilu, tista’ l-Ministru tgħid meta se jitħallas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-evalwazzjoni tax-xogħol u l-proġett in kwistjoni għadu għaddej u l-pagament rispettiv jsir immedjatament hekk kif jsiru l-verifiċi neċessarji. Jien infurmata li dan il-proċess għandu jitlesta sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Studenti — għajnuna biex jistudjaw f'universitajiet Ewropej

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti li se jingħataw għajnuna biex imorru jagħmlu semester studju f’universitajiet Ewropej?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sa’ llum hemm 223 student li se jingħataw għajnuna finanzjarja biex jagħmlu semestru ta’ studju f’universitajiet Ewropej matul is-sena akkademika 2010/11.

Wied il-Għajn — kumpless sportiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-użu attwali tal-kumpless sportiv f'Wied il-Għajn li hu komunement magħruf bħala l-pixxina ta' Wied il-Għajn? B'liema titlu qiegħed f'idejn terzi? Ghal kemm żmien? Taħt liema kundizzjonijiet? X'użu jsir minn dan il-kumpless? X'attivitajiet sportivi ttellgħu fl-aħħar sena f'dan il-kumpless?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kumpless tal-Pixxina ta’ Wied il-Għajn jintuża bħala uffiċċju amministrattiv u faċilità għat-taħriġ tal-Marsascala Sport Club. Barra minn hekk, fl-istess kumpless isir tagħlim tal-għawm għal dawk li għandhom aktar minn seba’ snin kif ukoll jinżammu kompetizzjonijiet tal-Waterpolo għal dawk taħt l-14 u taħt id-19-il sena. Il-kumpless huwa mgħoddi b’kirja ta’ 16-il sena li bdiet mit-3 ta’ Ġunju 2005 lil Marsascala Aquatic Sports Club. Ir-rata annwali tal-kirja hija ssussidjata mill-Kunsill Malti għall-Isport. Ir-rata tal-kera kull sena għaldaqstant hija ta’ €3,494 flok €94,000, u din tiżdied b’10% kull ħames snin.

Ħsarat f'fond tal-gvern

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17253, tista' l-Ministru tgħid jekk l-inkwilin għamilx it-tiswijiet meħtieġa għax skont informazzjoni li għandi dan m'għamel l-ebda xogħol, b'konsegwenza li l-problema baqgħet ma ġietx solvuta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar irreferiet il-każ lid-Dipartiment tal-Artijiet, li, bħala sid tal-proprjetà, jista’ jieħu l-passi meħtieġa biex iġiegħel lill-inkwilin li kkaġuna l-ħsarat jagħmel ix-xogħol rimedjali neċessarju.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — Staff

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm membri fis-Segretarjat Ministerjali tagħha (l-ismijiet mhumiex meħtieġa)? X’inhuma s-salarji u allowances li għandha kull persuna f’kull kariga u designation mill-Head of Secretariat sal-messenger/drivers? Kemm hemm membri tal-istaff ministerjali li qegħdin b’kuntratt definit u li mhumiex civil servants jew public officers? Liema karigi jinsabu jokkupaw? Il-kuntratti tagħhom kull meta jiskadu? Jekk hemm, kemm hemm membri tal-istaff ministerjali tagħha li jservu wkoll fuq boards li fihom hemm rappreżentanza tal-Gvern Malti anke bħala minority shareholder? Liema huma dawn il-membri tal-istaff, x’karigi għandhom, fuq liema boards iservu u kemm jitħallsu ta’ dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.