B'referenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija parlamentari 1511, fid-dawl ta' diversi rapporti dwar dan is-suġġett li dehru fil-media lokali, u kif indikat ukoll fil-ħin tal-mistoqsijiet supplimentari tas-Seduta 29 li jien qajjimt u li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru issa jirrispondi din il-mistoqsija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Grazzi għall-intervent tal-Onor. Interpellant, ittraċċajna l-artiklu li deher f'ġurnal lokali. L-artiklu jagħmel referenza għal rapport li bħalissa għadu qiegħed jiġi eżaminat mill-uffiċċjali fil-Ministeru tiegħi. Huwa minnu li hemm spazju għal titjib fil-mod ta' kif qiegħda tinżamm il-Criminal Justice Data fuq krimini razzjali ġewwa Malta. Fid-dawl ta' dan, m'inhix neskludi l-possibbilita' li wara li jkunu saru r-riċerki u r-rakkomandazzjonijiet, nieħdu passi sabiex nintroduċu sistema għal ġbir ta’ informazzjoni dwar il-krimini razzjali f’ pajjiżna.
Sistema komprensiva ta' rappurtaġġ f'dan il-qasam isservi bħala termometru biex tiġi mkejla l-problema, iżda tgħin ukoll fit-tfassil sussegwenti ta' politika sabiex tindirizzaha.
Għaldaqstant, qabel ma jitwettaq dan it-titjib fis-sistema preżenti, li allura jwassal sabiex ikollna ndikazzjonijiet ċari dwar il-livell realistiku ta' krimini razzjali
ġewwa pajjiżna, mhux possibbli f'dan l-istadju li nikkummenta fuq l-aħħar parti tal-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jindika meta ser jinstema' l-appell tat-talba għal-liċenzja ta’ security guard minn persuna, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, liema talba diga’ ġiet rifjutata mill-pulizija għax għadu jaħdem mal-Gvern? Din it-talba saret għaliex dan dalwaqt joħroġ bil-leaveqabel l-irtirar u għandu bżonn urġenti ta’din il-liċenzja għal meta jirtira, aktar u aktar billi m'hemm ebda konflitt max-xogħol li qed jagħmel preżentement.
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Liġi ma tippermettix li persuna f'impjieg pubbliku takkwista liċenzja ta' gwardjan privat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' membri tal-Korp tal-Pulizija fl-aħħar tas-sena, kull sena mill-1998 sal-lum? Meta kien hemm intake ta' pulizija ġodda li daħlu fil-korp f'dan il-perjodu ta' żmien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Impjieg lil persuni li jkunu skontaw sentenza fil-Faċilita Korrettiva ta' Kordin
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni, li kienu għadhom kemm skontaw xi sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, li nstabilhom xogħol matul din is-sena? Jista' jgħid jekk hemmx xi skemi (u jgħid liema huma) li qegħdin hemm sabiex dawn il-persuni jerġgħu jintegraw fid-dinja tax-xogħol?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi d-detenuti ġewwa l-Faċilita` Korrettiva ta’ Kordin, grazzi għall-għajnuna ipprovduta minn entitajiet bħalma huma l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u oħrajn, għandhom l-opportunita` li, fuq bażi volontarja, isegwu korsijiet ta’ taħriġ f’dawn il-mestieri:
Shutter Frame Work
Welding MMA ( Manual Metal ACC)
Introduction to Pipe Welding Malta Shipyards
Spray Painting (vehicles)
Food Preparation & Culinary Arts
Food Handling Cat. A & B
Electrical services level 1,2,3, ( City & Guilds) (diskussjonijiet dwar dan il-kors għadhom mhux konklużi).
Dawn il-korsijiet jingħataw bl-iskop li jgħinu lid-detenuti jerġgħu jintegraw fid-dinja tax-xogħol. Barra minn dan, id-detenuti jingħataw il-permess li jibdew ifittxu x-xogħol tliet xhur qabel ma jkunu skontaw is-sentenza.
Statistika dwar in-numru ta’ dawk li jkun sabu xogħol wara li jkunu nħelsu mill-Faċilita` Korrettiva ma tinżammx.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom l-għassa tal-pulizija wara l-bieb tagħhom? Din l-għassa ġiet fis-seħħ wara talba personali, ġiet imposta bil-qorti, jew wara talba lill-Kummissarju tal-Pulizija? Għal liema raġunijiet persuna tista' tingħata l-għassa tal-pulizija wara darha? Kemm ilhom dawn il-pulizija jgħassu d-djar ta' dawn iċ-ċittadini każ, b'każ? Kemm jiġi jiswa lill-kaxxa ta' Malta l-għassa tal-pulizija f'dawn il-każijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhix il-prassi li tingħata informazzjoni dwar miżuri ta' sigurta' li jittieħdu mill-Awtoritajiet meta u fejn ikun meħtieġ.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Kuntratti għall-ġarr mogħtija lil Borg Bros.
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikant dettaljat tat-tenders kollha ta' ġarr u trasport ta' għamara u merkanzija oħra, tkun xi tkun, li ġew awarded lid-ditta Borg Bros. ta' Triq id-Demnuq, Siġġiewi, mis-sena 2000 sal-ġurnata tal-lum (xahar b'xahar), inkluż dawk li għadhom operattivi sal-lum? Jista' jgħid liema tenders ingħataw lil din id-ditta b'direct order u liema tenders ingħataw wara sejħa għall-offerti? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għal kull dipartiment,korporazzjoni u awtorita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jara li fi stabbilimenti ta' divertiment ġo Paceville l-Pulizija jilbsu bħala pajzana biex iżommu l-bon ordni għaliex bl-uniformi jista' jagħtu dehra negattiva għal industrija tat-turiżmu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li parti mill-ħidma tal-Korp tal-Pulizija hija l-preżenza tagħha f’Paceville. Ovvjament il-membri jkunu lebsin l-uniformi kif tirrikjedi l-Liġi. Ma hemm xejn x’juri li dan il-fatt inaqqas b’xi mod mill-kwantità ta’ turisti li jiġu f’pajjiżna jew f’Paceville, anzi l-preżenza tal-Pulizija hija ta’ deterrent u xhieda tas-serjetà u buon ordni.
Peress li issa għandna l-infurzar tal-liġi dwar is-sidien ta' klieb li jħamġu fit-toroq, jista' l-Ministru jgħid jekk din l-istess liġi tgħoddx għaż-żwiemel ukoll? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm kien hemm taħrikiet fuq ħmieġ magħmul minn żwiemel?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi r-regolamenti dwar il-kontroll tal-klieb li għamel referenza għalihom l-Onorevoli Interpellant ma japplikawx għaż-żwiemel.
Ir-reat dwar ħmieġ magħmul minn żwiemel huwa stabbilit fl-Art. 4 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 435.63, partikolarment ir-regolament (e) taħt l-ewwel Skeda.
Din is-sena tressqu ħames persuni b'konnessjoni ma' dan ir-reat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu anzjani l-Qorti din is-sena u għaliex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena kien hemm 274 persuna anzjana, ċioe' ta' 'l fuq minn 60 sena, li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija fuq diversi reati kriminali, fosthom reati kontemplati fil-Kodiċi Kriminali; fir-Regolamenti tat-traffiku; fir-Regolamenti dwar it-tipjip; u fir-Regolamenti dwar liċenzji tan-Negozju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jiksru l-liġi dwar il-kaċċa u l-insib din is-sena? X'kien ir-reat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, sa l-aħħar ta' Lulju, tressqu l-Qorti 173 persuna bi ksur tar-Regolamenti dwar il-Ħarsien ta' l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ :- ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni ta' l-Għasafar Selvaġġi u l-Att dwar l-Armi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li żaru il-Mużew tal-Pulizija din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li numru kbir ta' persuni, inkluż tfal ta' l-iskola, izuru il-Mużew tal-Pulizija matul is-sena iżda, li ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' viżitaturi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rappurtati lill-pulizija nies nieqsa sena, b'sena mill-1999 'l hawn? Kemm minn dawn instabu jew irritornaw u kemm baqgħu ma nstabux? Jista' jgħid jekk minn dawn kienx hemm persuni barranin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu rrappurtati lill-pulizija delitti (qtil voluntarju ta' persuni) kull sena mill-1999 'l hawn, kemm minn dawn kienu solvuti, kemm każi għadhom qed jiġu nvestigati u kemm minnhom huma nvestigazzjonijiet magħluqa pero' l-pulizija ma tellgħetx persuni l-qorti minħabba nuqqas ta' provi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
It-tewġiba għal din il-mistoqsija parlamentari qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex meta l-pulizija jieħdu sehem f'xi attivita' biż-żwiemel jew klieb tagħhom, fil-fatt ikollhom magħhom persuni li jieħdu ħsieb inaddfu jekk kemm-il darba jkun hemm xi ħmieġ ta' dawn l-annimali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi hija l-poċedura viġenti li kull fejn tkun ser issir xi wirja kemm mill-klieb kif ukoll miż-żwiemel tal-Pulizija, isiru l-arranġamenti minn qabel mal-Kunsill tal-Lokal sabiex isir it-tindif f'każ li dawn l-annimali jħammġu.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-pulizija dwar dawk il-persuni li allegatament huma responsabbli mill-isfreġju li wettqu fil-Qala fir-rigward ta' siġar tal-ħarrub li huma protetti bil-liġi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kien ġie investigat mill-Pulizija. Infurmat ukoll illi nbdew proċeduri kriminali kontra sitt persuni, liema proċeduri għadhom pendenti.
Jaf il-Ministru bil-linji gwidi x'għandhom jitolbu l-avukati bħala drittijiet professjonali li naturalment ma jirriflettux it-tariffi uffiċjali? Fl-isfond ta' dan, beħsiebu jidħol f'negozjati formali ma' l-istess Kamra ta' l-Avukati sabiex dawn l-istess tariffi jiġu emendati adegwatament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Liġi (Art. 47 Tariffa E tal-Kap 12) tippermetti illi kull avukat jiftiehem mal-klijent dwar l-ammont ta' drittijiet dovuti lilu. Il-linji gwida ġew ippublikati mill-Kamra bħala indikazzjoni ta' dak li l-Kamra tħoss li huma drittijiet raġonevoli f'ċirkostanzi normali.
Dan il-Ministeru jikkonsulta regolarment mal-Kamra ta' l-Avukati u hekk ser jibqa' jagħmel.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1917, jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm ġew ripatrijati u/jew telqu minn pajjiżna immigranti rregolari/illegali, mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena fis-snin 2000, 2001, 2002,2003,2004,2005, 2006 u 2007?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tieni parti tal-Mistoqsija Parlamentari numru 1917.
B'referenza gaħll-mistoqsija parlamentari 1917, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew immigranti rregolari/illegali, sena b'sena bejn 1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru ta' kull sena bejn is-sena 2000 u l-2007?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-ewwel parti tal-Mistoqsija Parlamentari numru 1917.