Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birkirkara — Triq Monsinjur Emanuel Vella – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Monsinjur Emanuel Vella ġewwa Birkirkara hux ser isirilha xi xogħol, peress li hemm parti minn din it-triq li qed terġa’ tisfronda u ġaladarba nafu li t-triq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta tinsab f’taħditiet mal-iżviluppatur biex isewwi u jagħmel tajjeb għal formazzjoni tat-triq li ma saritx skont is-sengħa neċessarja. Fin-nuqqas ta’ dan ser jitteħdu passi legali fil-konfront tiegħu. Ladarba din tiġi indirizzata l-aġenzija tkun f’pożizzjoni li tibni t-triq

Ta’ Qali — Concert Area

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li d-daħla ta' wara tal-palk ġewwa l-concert area f’Ta Qali kellha tinbena mill-ġdid, peress li ma kienx possibbli li jmorru trakkijiet kbar b'tagħmir tqil qrib il-palk?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux minnu li d-daħla ta' wara tal-palk ġewwa l-Concert Area f’Ta’ Qali kellha tinbena mill-ġdid.

Ta’ Qali — Concert Area

Question

Jista’ l-Ministu jgħid x’inhu l-pjan ta’ health and safety f’każ ta’ ħruq fil-post għall-kunċerti ġewwa Ta’ Qali? Jista’ jikkonferma li jekk ikun hemm ħruq, minflok tmur 'il bogħod mill-palk l-udjenza ser ikollha tmur jew tersaq lejn il-palk, fejn nafu wisq tajjeb li l-palk huwa l-post primarju fejn jista' jaqbad in-nar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ingaġġa esperti fejn tidhol fire safety, u li l-istudji kollha neċessarji saru u ġew implementati. Il-proġett ser ikollu wkoll tlett emergency escape stairs addizzjonali, kif approvati fil-permess tal-Awtrorità tal-Ippjanar.

Ta’ Qali — Concert Area

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'konsultazzjoni saret minn persuni tekniċi responsabbli għall-armar, id-disinn tal-ħoss, id-dawl u oħrajn fil-concert area ġewwa Ta’ Qali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru l-konsultazzjonijiet neċessarji kollha fil-fażi tad-disinn taż-Żona tal-Kunċerti.

Ta’ Qali – Riċerka għat-tnaqqis tal-ħoss

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'riċerka saret għat-tnaqqis tal-ħoss (sound abatement) biex ikun żgurat li r-residenti fl-inħawi tal-madwar ma jkollhomx għalfejn jisimgħu mużika qawwija waqt xi kunċert li jkun għaddej fl-area tal-kunċerti ġewwa Ta’ Qali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta fiż-Żona tal-Kunċerti ser jittellgħu kunċerti, ser ikunu segwiti l-permessi u r-regolamenti kollha fis-seħħ, l-istess kif diġà jiġri fi spazji miftuħa oħra f'pajjiżna fejn fihom jittellgħu l-kunċerti.

Birżebbuġa – Bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm il-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa ilu jitlob snin biex jiġu rranġati diversi bus shelters f’Birżebbuġa, kif ukoll isiru oħrajn ġodda fejn dawn huma nieqsa, baqa’ ma sar xejn, bil-konsegwenza li min juża l-karozza tal-linja ma jkollux fejn jistkenn kemm meta tagħmel ix-xita fix-xitwa kif ukoll fil-qilla tax-xemx fis-sajf?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-mistoqsija parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Birżebbuġa – Rotta numru 82

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm ir-rotta numru 82 għandha tiġbor lir-residenti ta' Birżebbuġa minn fuq il-bus stop 'Marconi' fil-5.00 a.m., qiegħda tiġborhom fil-5.15 am, jekk mhux ukoll jibqgħu l-art, bil-konsegwenza li diversi residenti qegħdin jaslu tard għax-xogħol?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li kienet ġiet modifikata r-rotta 82 sabiex tibda s-servi fl-inħawi magħrufa bħala tal-Ġebel ġewwa Birżebbuġa, għall-ewwel ġranet, il-bidu tar-rotta kien ġie mmexxi għal fuq bus stop “Tankijiet”. Dan kien qiegħed iwassal għal dewmien sabiex il-vjaġġ jasal fuq il-bus stop “Marconi”. Wara diskusjonijiet, it-tluq tal-ewwel vjaġġ tal-ħamsa ta’ filgħodu reġa’ mar lura għal Bus Stop “Marconi”. Min informazzjoni miġbura bejn il-ħdax u t-tnejn u għoxrin ta’ Marzu, permezz tal-GPS li hemm fuq kull karrozza tal-linja, jirri¿ulta illi kien hemm inċident wieħed, fl-erbatax ta’ Marzu, fejn l-ewwel vjaġġ ittardja. Fil-ġranet l’oħra l-vjaġġi telqu fil-ħin.

Għawdex — Cruise liners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il cruise liner daħal f'Għawdex minn Marzu 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm-il cruise liner huwa ppjanat li jidħol f’Għawdex bejn l-1 ta’ April 2024 u l-aħħar tas-sena 2024?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Tal-Pietà — Reserved parking għal persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il reserved parking għal persuni b'diżabilità hemm fil-lokaltà tal-Pietà? Jista' jgħid fejn jinsabu dawn ir-reserved parkings u jekk dawn humiex communal reserved parking bays inkella personalised parking bays? Jista' jgħid ukoll liema minn dawn ir-reserved parkings huma biss għal perjodu speċifikat, pereżempju tas-sajf, u għal kull każ jgħid għal liema perjodu huma dawn ir-reserved parkings?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar fejn jinsabu dawn il-parkeġġi.

San Pawl il-Baħar — Reserved parking għal persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il reserved parking għal persuni b'diżabilità hemm fil-lokaltà ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jgħid ukoll fejn jinsabu dawn ir-reserved parkings u jekk dawn humiex communal reserved parking bays inkella personalised parking bays? Jista' jgħid liema minn dawn ir-reserved parkings huma biss għal perjodu speċifikat, pereżempju tas-sajf, u għal kull każ jgħid għal liema perjodu huma dawn ir-reserved parkings?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Konsulenti u advisors

Question

Fiż-żmien li ilu fil-kariga, jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu u għandu konsulenti/advisors fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, inkluż is-segretarji parlamentari, min huma, kemm jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom in konnessjoni max-xogħol li tqabbdu jagħmlu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13983.

Ħaż Żabbar — Triq ix-Xagħjra – Bus Shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitwaħħal ix-shelter tal-bus stop ta’ Triq ix-Xgħajra ġewwa Ħaż-Żabbar bl-isem “Burbur” peress li ilu madwar tliet snin li mhux hemm?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Transport Malta – Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret minn Transport Malta fuq karozzi tal-linja, fuq minibuses tal-passiġġieri, u fuq coaches, separatament għal kull xahar minn Marzu 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Servizz tat-Trasport Pubbliku

Question

Fid-dawl li s-servizz ta’ trasport pubbliku hu diċenti u effiċjenti tant li ħa l-award tal-aqwa Infrastruttura u li s-sidien tal-karozzi jużaw it-trasport pubbliku minflok il-karozza privata tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid huwiex lest li jwaqqaf il-karozzi kollha tal-Ministeru tiegħu u ta’ Trasport Malta biex minflok jużaw it-trasport pubbliku għal waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, b’hekk ikun qed jingħata eżempju (li jkaxkar), u jitnaqqsu xi wħud mill-karozzi tal-Gvern mit-toroq u b’hekk jonqos ukoll it-traffiku?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Maltin u l-Għawdxin huma l-aqwa xhieda ta’ kemm it-trasport pubbliku llum il-ġurnata huwa iktar diċenti mis-servizz tal-Arriva li suppost kien ġab fi tmiemhom il-buzzulotti iżda li minflok kien ħoloq kaos assolut. Infakkar li dan il-Gvern huwa wieħed mill-uniċi fl-Ewropa li qed jagħti t-trasport pubbliku b’xejn lil kulħadd – kemm il-karozzi tal-linja f’Malta u Għawdex kif ukoll il-ferries bejn il-Belt Valletta u l-Kottonera u tas-Sliema. L-istatistika turi li qed tiġi reġistrata żieda qawwija ta’ vjaġġi b’dawn il-mezzi li mingħajrhom kien ifisser biss l-użu ta’ iktar vetturi privati fit-toroq. Infakkar ukoll li f’Settembru li għadda twettaq investiment ta’ 20 miljun ewro biex illum għandna 30 karozza tal-linja ġdida li taħdem bl-elettriku, għalhekk bla dubju iktar effiċjenti. Dan bl-ebda mod ma jfisser li l-Gvern huwa kuntent bl-aspetti kollha tat-trasport pubbliku. Kif diġa ddikjarajt pubblikament, il-Ministeru se jkompli jaħdem mal-operatur privat fuq bidliet oħra li hemm bżonn, fosthom wara li nisimgħu aktar fuq tiġdid f’ċertu rotot. Lil hinn mill-partiġjaniżmu tal-Oppożizzjoni, il-Gvern qiegħed jinċentiva bil-fatti l-mixja lejn transport alternattiv mhux biss għal Ministeru wieħed jew entita waħda tiegħu, iżda għal poplu kollu. Li ntejjbu l-kwalita tal-arja, innaqqsu l-konġestjoni u nagħmlu l-parti tagħna fil-ġlieda dinjija kontra t-tibdil fil-klima huwa sforz konġunt li rridu nagħmlu kollha flimkien. Din hija t-triq ‘il quddiem.

Birżebbuġa – Trasport pubbliku – Rotot numri 80 u 85

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16995, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li r-rotta numru 85 li tgħaddi mill-Qajjenza tiżdidilha l-frekwenza u minflok kull siegħa tiġi kull nofs siegħa, u li r-rotta numru 80 tiżdidilha l-frekwenza wkoll u minflok kull siegħa tiġi kull nofs siegħa u tibda tgħaddi wkoll mill-Qajjenza u minn tal-Papa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ttieħdet nota ta’ dawn is-suġġerimenti għal tibdil kemm fit-traġitt tar-rotta kif ukoll żieda fil-frekwenza fuq ir-rotot 80 u 85 għal aktar konsiderazzjoni.

Birżebbuġa – Tkabbir tal-bajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-ramel riżultanti mill-isquaring off tal-moll tal-Freeport hux ser jintuża biex titkabbar ir-ramla fil-Bajja ta' Birżebbuġa?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

MFC, S u Valletta – Bejgħ ta’ dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17003, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, u jgħid x'inhi r-raġuni li kuntrarjament għal li jsir f'każ ta' dgħajjes MFA u MFB, meta tinbiegħ dgħajsa MFC, S u Valletta, għaliex il-mażżra ('mooring') trid tiġi rritornata lura għand Transport Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-irmiġġi huma proprjetà tal-Awtorità. Permess ta’ rmiġġ jiġi ritornat lura għand l-Awtorità f’każijiet fejn ma tkunx se titpoġġa dgħajsa oħra minn l-istess sid minflok dik li isimha jidher fuq il-permess. Trasferimenti ta’ rmiġġi jew mażżri fuq terzi mhux permissibbli. Dan sabiex tiġi ndirizzata l-lista ta’ stennija ta’ applikanti oħra li tirċievi l-Awtorità u kif ukoll biex jitnaqqas l-abbuż ta’ użu ta’ dawn l-istess mażżri. Dan b’eċċezzjoni għal dgħajjes tas-sajd MFA jew MFB, każijiet ta’ wirt jew donazzjoni bejn familjari immedjati u każijiet ta’ dgħajjes kummerċjali li jiġu kunsidrati każ b’każ bil-kundizzjoni speċifika li dik l-istess mażżra tibqa’ tintuża għal użu kummerċjali biss. Dawn il-kundizzjonijiet ikunu mniżżla fil-permess. Dawn il-miżuri l-Awtorità teħodhom sabiex tingħata prijorità lis-sajjieda full-time (MFA) jew part-time (MFB) bl-istess eċċezzjoni tkun marbuta wkoll b’kundizzjonijiet li jissalvagwardjaw lis-sajjieda.

San Pawl il-Baħar – Applikazzjonijiet ta’ mollijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'applikazzjonijiet saru mal-Awtorità tal-Ippjanar fir-rigward ta' mollijiet fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar matul l-aħħar sitt snin? Jista’ jgħid ukoll fejn jinsabu dawn il-mollijiet, min issottometta dawn l-applikazzjonijiet u f'isem min saru l-istess applikazzjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi provduta skont kif jidher fil-punti segwenti: § PA/03759/19 - Site at, Ghajn Razul, San Pawl il- Bahar (Veccja ,Xemxija) – Proposed re-construction of pier.- Applicant : Mr Joseph Bugeja obo Transport Malta § PA/08978/19 - Quay and slipway, off Triq San Frangisk, San Pawl il- Bahar – Proposed repair of slipway and quay surfaces. - Applicant : Mr Joseph Bugeja obo Transport Malta § PA/09324/18- Quay & Slipway, off Triq San Publiju , San Pawl il- Bahar- Re-construction of damaged quay and slipway. -Applicant : Mr Joseph Bugeja obo Transport Malta § PA/04179/20 -Site at slipway, Triq il- Qawra , San Pawl il- Bahar- Dismantling , reconstruction and repair works on an existing damaged slipway. - Applicant: Mr Joseph Bugeja obo Transport Malta