Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nursing — Studenti li qed jispiċċaw il-kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex studenti li mhumiex minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, li qed jispiċċaw il-kors tan-nursing hawn Malta, mhux qed jiġu aċċettati għax-xogħol?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mhux il-każ, tant li ħarġet sejħa għall-applikanti li huma ta’ nazzjonalità mhux fi stati membri tal-Unjoni Ewropea u li kkonkludew il-kors tan-nursing f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea inkluż naturalment Malta.

Nurses — Studenti minn barra l-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex studenti minn barra l-Unjoni Ewropea li qed jistudjaw hawn Malta, mhumiex jiġu aċċettati fl-impjieg meta l-Ministeru tas-Saħħa qed jimpjega diversi nurses minn pajjiżi terzi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19967.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Reklami fuq online portals - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu f’reklami fuq online portals mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn ir-reklami, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-online portal li l-Ministeru xtara r-reklami?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Mard rari

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5086 u jgħid kemm hemm persuni jbatu b'mard rari u x'inhu jagħmel il-Gvern biex jikkurahom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fir-Reġistru tal-Mard Rari f’Malta ġew reġistrati madwar 6100 persuna li jbatu minn madwar 810 tip ta’ mard rari. Mhux dawn il-persuni kollha jkollhom bżonn kura għall-kundizzjoni tagħhom għaliex hemm ukoll diversi kundizzjonijiet rari li ma jikkawżawx problemi ta’ saħħa. Persuni b’mard rari jirċievu kura minn professjonisti differenti, b’mod ħolistiku, skont il-bżonnijiet tagħhom. Fir-rigward ta’ mediċini speċifici għal mard rari dawn jiġu pproċessati mill-bord tal-EMTP. Is-sena l-oħra ġew approvati żewġ mediċini ġodda mill-Kumitat tal-ACHCB: Pirfenidone għall- Idiopathic Pulmonary fibrosis u l-5 antagonists għal Severe Refractory Eosinophilic Asthma. Dawn ġew inklużi fil-formolarju tal-Gvern. Fejn indikat, pazjenti li b’mard rari, jintbagħtu għall-trattamenti u konsulti f’ċentri speċjalizzati barra minn Malta permezz tan-National Highly Specialised Overseas Referrals Programme ikkordinat mit-Treatment Abroad Coordination Unit. Dan il-Unit ukoll jikkordina u jagħmel arranġamenti għal żjajjar ta’ konsulenti barranin li jiġu Mater Dei biex jagħmlu kliniċi u operazzjonijiet għall-pazjenti li jbatu minn kundizzjonijiet li jkollhom bżonn kura speċjalizzata (xi ftit minnhom ikunu mard rari). Fl-2019, fl-isptar Mater Dei sar “National Coordination Hub” għal 24 European Reference Networks fejn jistgħu jiġu riferuti każi ta’pazjenti b’mard rari mhux biss għal viżti imma anke konsulti virtwali ma’ ‘panel’ ta’ speċjalisti minn dawn iċ-ċentri Ewropej speċjalizzati f’kategoriji differenti ta’ mard rari.

Djar tal-Anzjani – titjib infrastrutturali u embellishment

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10073 u jgħid x’titjib infrastrutturali u x’embellishment hemm ippjanat li jsir fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, u f’liema lokalitajiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant dwar titjib infrastrutturali fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern kif spjegat hawn: Fid-Dar tal-Imtarfa huwa ppjanat tibdil tal-madum eżistenti ta’ kmamar tar-residenti kif ukoll tal-kmamar tal-banju fejn hemm bżonn. Ser isir tibdil tas-sistema tal-ilma. Ser jinbidel suffett fejn hemm bżonn fil-komun tad-dar. Qed jinbidlu l-light fittings għal dawk iktar moderni u effiċjenti fl-enerġija. Huwa pjanat ukoll li jinbidel l-passenger lift u jiżdied Boiler ma’ dak eżistenti. Fid-Dar tal-Mosta huwa pjanat li fi żmien li ġej issir għamara ġdida, purtieri, imwejjed u siġġijiet kemm fil-kmamar tar-residenti u anki fil-partijiet komuni. Ser jinbidlu suffetti fejn hemm bżonn u bħalissa qed isir tibdil ta’ light fittings għal dawk iktar moderni u effiċjenti fl-enerġija. Id-Dar tal-Furjana ġiet rinnovata mill-ġdid. Ir-rinnovazzjoni kienet tinkludi tisħiħ sħiħ, mill-infrastruttura sal-amenitajiet. L-ambitu tax-xogħlijiet estenda għal tibdil komprensiv madwar il-faċilità fosthom: · Introduzzjoni ta' sistema moderna ta' arja kkundizzjonata; · Waterproofing; · Rinnovazzjoni sħiħa tal-kmamar tal-banju komuni u l-en-suites fil-kmamar tar-residenti; · Tikħil u żebgħa; · Għamara tal-kmamar; · Siġġijiet u mwejjed ġodda; · Reception u nursing stations b’għamara ġdida; · Bibien u aperturi ġodda; · Kċina b’għamara ġdida; · Purtieri, dividers u covers tas-sodda; · Suffetti u dawl modern; · Art tal-vinyl mad-dar kollha; · Salon tax-xagħar; · Titjib fl-aċċessibbiltà bħal handrails f'żoni komuni; u · Fost it-titjib l-aktar notevoli hemm l-introduzzjoni ta' klinika multidixxiplinarja, mgħammra b'tagħmir mediku speċjalizzat. Din il-faċilità tiżgura li r-residenti kollha jirċievu kura ħolistika u personalizzata f'ambjent privat u dinjituż. F’Zammit Clapp ġew ippublikati tenders sabiex jinbidlu tliet liftijiet. Fi żmien li ġej se jibda proċess sabiex tinbidel is-sistema tal-arja kundizzjonata. Dan l-aħħar żdied calorifier mas-sistema eżistenti. Fid-Dar taż-Zejtun ser jinħareġ tender din is-sena sabiex tinbidel is-sistema tad-drenaġġ. Fil-ġimgħat li ġejjin ser tibda titwaħħal sistema ġdida tal-arja kkundizjonata. Qed isir ukoll tibdil ta’ madum u suffett fejn hemm bżonn. Qiegħda tiġi rinnovata l-għamara li ddeterjorat maż-żmien. Dan ix-xogħol huwa apparti xogħol ieħor li jsir kontinwament matul is-sena bħal tibjid u manteniment tad-djar sabiex jinżammu f’kundizzjoni tajba.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12050 u jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022, 2023 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Kuntratti ta’ fiduċja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistqosija parlamentari 12071 u jikkonferma l-entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista’ jgħid ukoll min huma l-persuni li ngħataw kuntratti ta’ fiduċja u/jew li ġew impjegati f'dawn l-entitajiet, xi rwol ingħataw u x'kienet il-kwalifika li ddistingwithom biex intgħażlu għal dan l-irwol, minn wara li laħaq Ministru hu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Il-Qrendi — Berġa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19225, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm kien ippjanat li ssir berġa fil-binja l-ġdida li qed jagħmel il-Kunsill Lokali tal-Qrendi fi Triq Nikolo Communet, fl-istess tweġiba qed jiġi indikat li din il-Berġa mhux se ssir?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18899.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Mediċina Tegretol 200

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19197 u jgħid għaliex il-mediċina Tegretol 200 ġewwa l-Faċilità San Vinċenz de Paul qed titqassam bid-data tal-iskadenza mgħottija? Jista' jgħid ukoll jekk din il-mediċina hijiex waħda skaduta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mhux minnu li l-mediċina Tegretol 200 qed titqassam bid-data tal-iskadenza mgħottija.

Faċilità San Vinċenz de Paul — Mediċina

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19198 u jagħti garanzija li kull mediċina li qed tingħata fil-Faċilità San Vinċenz de Paul hija tal-għola kwalità u mhux skaduta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li hemm proċedura apposta biex mediċini li jkunu se jiskadu, jiġu identifikati minn qabel dawn jiskadu.

Residenza San Vinċenz de Paul — Dementia Activity Centre

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19757 u jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li qed jattendu fid-Dementia Activity Centre fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li hemm 34 anzjan li qed jattendu fid-Dementia Activity Centre fir-Residenza San Vinċenz de Paul.

Residenza San Vinċenz de Paul — Dementia Activity Centre - Waiting list

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19758 u jgħid kemm hemm anzjani li qegħdin fil-waiting list biex jattendu d-Dementia Activity Centre fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li hemm 13-il anzjani li qegħdin fil-waiting list biex jattendu d-Dementia Activity Centre fir-Residenza San Vinċenz de Paul.

Residenza San Vinċenz de Paul — Dementia Activity Centre - Tnaqqis fis-sigħat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19759 u jgħid jekk il-familjari tal-anzjani li jattendu d-Dementia Activity Centre fir-Residenza San Vinċenz de Paul humiex jintalbu biex il-membru tal-familja tagħhom li jbati mid-dimensja, jitnaqqsulu s-sigħat li fih jattendi dan iċ-Ċentru ? Jista’ jgħid għaliex qed issir din it-talba lill-familja u x’qiegħed isir biex dawn is-sigħat ma jitnaqqsux biex il-membri tal-familja jkunu jistgħu jmorru għax-xogħol rashom mistrieħa li l-membru tal-familja li jbati mid-dimensja, ikun qiegħed f’dan iċ-Ċentru?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-familjari tal-anzjani li jattendu d-Dementia Activity Centre fir-Residenza San Vinċenz de Paul mhumiex jintalbu biex il-membru tal-familja tagħhom li jbati mid-dimensja, jitnaqqsulu s-sigħat li huma intitolati għalihom.

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl u Triq il-Mosta - Rapporti dwar riħa ta’ drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru tgħid jekk id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali rċeviex rapporti dwar riħa ta' drenaġġ fi Triq San Pawl u Triq il-Mosta, f’San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sentejn? Jekk iva, jista’ jgħid għal kull każ meta sar dan ir-rapport, x'azzjoni ttieħdet u xi rriżulta mill-investigazzjonijiet li kienu saru?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar sentejn sal-lum id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva u investiga 14-il ilment relatati ma’ riħa ta’ drenaġġ fit-toroq indikati u li qed jiġu indikati fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Safar fuq mard — Pazjenti u l-familjari tagħhom - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus globalment fuq pazjenti u l-familjari tagħhom li ġew mibgħuta l-Ingilterra biex jirċievu l-kura matul is-snin 2022 u 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li nefqa fuq pazjenti u l-familjari tagħhom li ġew mibgħuta l-Ingilterra biex jirċievu l-kura hi kif ġejja: matul l-2022 in-nefqa kienet €6,778,603.87; u fl-2023 in-nefqa kienet €6,482,758.62.

Safar fuq mard — Sorijiet f’Londra - Ħlas għall-ospitalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-Gvern ħallas lis-sorijiet f’Londra biex jospitaw pazjenti u l-familjari tagħhom fis-snin 2022 u 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Gvern għamel dawn il-ħlasijiet lis-sorijiet f’Londra biex jospitaw pazjenti u l-familjari tagħhom: fl-2022 il-ħlas kien jammonta għal €317,960.62; u fl-2023 il-ħlas kien jammonta għal €264,412.75.

Safar fuq mard — Puttinu Cares - Ħlas għall-ospitalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-Gvern ħallas lil Puttinu Cares biex jospitaw pazjenti u l-familjari tagħhom fir-residenzi tagħhom fl-Ingilterra fis-snin 2022 u 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Gvern għamel dawn il-ħlasijiet lil Puttinu Cares biex jospitaw pazjenti u l-familjari tagħhom fir-residenzi tagħhom fl-Ingilterra: fl-2022 il-ħlas kien jammonta għal €692,372.24; filwaqt li fl-2023 il-ħlas kien jammonta għal €675,477.19.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Kuntratti ma’ kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kuntratti għandu l-Ministeru, u/jew kull entità li taqa' taħtu, mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kemm jiswa kull kuntratt u b'liema mod ingħata (direct order, tender, quotations, eċċ.)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Ministeru u/jew kull entità li jagħmlu parti minn dan id-dekasteru m’għandhom l-ebda kuntratt mal-imsemmija kumpanija.