Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali — skrivani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta' skrivani impjegati mal-Kunsilli Lokali kollha u kemm minn dawn għandhom kwalifiċi tal-inqas ta' O Level?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi hemm 79 skrivani jaħdmu mal-Kunsilli Lokali u bħala rekwiżit standard sabiex wieħed jitqies eliġibbli għal kariga ta’ ‘skrivan’ ma’ Kunsill Lokali hi jkollu minn tal-anqas 5 suġġetti f’Livell Ordinarju, u dan skont ir-Regolamenti dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363).

Kunsilli Lokali – Applikazzjoni għal skemi u għajnuniet differenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm skemi ta’ għajnuniet differenti li għalihom setgħu japplikaw il-kunsilli lokali mill-1 ta’ Jannar, 2021 sad-data meta qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema kienu dawn l-iskemi, waħda waħda? Għal kull waħda minn dawn l-iskemi, liema kienu dawk il-kunsilli lokali tas-7 u t-12-il distrett elettorali li applikaw? Liema minn dawn l-applikazzjonijiet, f’kull każ, ġew aċċettati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid — Ġnien Pawlu Boffa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu tul din is-sena sabiex Ġnien Pawlu Boffa f’Raħal Ġdid jingħata iktar attenzjoni u jinżamm aħjar, b’tibdil tas-servizzi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola illi jinsab għaddej b’ħidma mal-kuntratturi sabiex il-ġnien jinżamm fi stat aħjar. Apparti minn hekk, għaddejja wkoll ħidma fuq pjanti ġodda għall-proġett ta’ riġenerazzoni ta’ dan il-ġnien.

Notifika ta’ ċitazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk hiex qed tiġi segwita l-proċedura stabbilita li min jaqla’ ċitazzjoni tat-traffiku din titwaħħallu effettivament mal-windscreen tiegħu u li tintbagħat l-SMS tan-notifika tal-istess, billi jidher li mhix tiġi segwita?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Segretarju Permanenti – pakkett finanzjarju u kwalifiki akkademiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju għandu s-Segretarju Permanenti tiegħu? Il-pakkett finanzjarju jinkludi allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jgħid ukoll xi kwalifiki akkademiċi għandu s-Segretarju Permanenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni hi diġà pubblika. Din tinstab fl-Estimi Finanzjarji tal-2022, li tpoġġew diġà fuq il-Mejda tal-Kamra fl-aħħar leġiżlatura, u fuq is-sit uffiċjali tas-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-biografija tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru. Nieħu l-opportunita’ biex nirringrazzja lis-Segretarji Permanenti kollha tax-xogħol tajjeb li jwettqu, b’mod partikolari lis-Sinjura Dimech li tgawdi rispett kbir frott il-ħidma li ilha twettaq b’rettezza u effiċjenza għal diversi snin taħt diversi amministrazzjonijiet. Fil-fehma tiegħi s-Sinjura Dimech hija “role model” għal diversi li jew jaħdmu fis-servizz pubbliku jew jixtiequ jaħdmu fis-servizz pubbliku.

Santa Venera – upkeep u soft areas tar-roundabout

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1403, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid min qed jieħu ħsieb l-upkeep u s-soft areas tar-roundabout f’Santa Venera li tagħti lejn Triq il-Kapillan Mifsud, lejn Triq il-Ferrovija, u/jew lejn Triq Reġjonali, u liema entità hi inkarigata tagħmel dan u sa meta hu l-kuntratt attwali? Meta jiskadi l-kuntratt preżentement fis-seħħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera illi ir-roundabout in kwistjoni m’hiex fir-Responsabbilita` tal-Kunsill Lokali ta' Santa Venera in vista li din taqa fi triq arterjali.

Kunsilli lokali – ilmenti dwar ħmieġ jew problema ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1431 u jagħti rendikont ta’ kemm-il ilment dwar ħmieġ jew problema ta’ skart ġew irreġistrati fil-Kunsilli Lokali kollha, u b’mod rispettiv għal kull lokalità, fl-aħħar sentejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Kunsilli lokali — ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1432 u jagħti rendikont ta’ kemm-il ilment ġie reġistrat fil-Kunsilli Lokali kollha, u b’mod rispettiv għal kull lokalità, fl-aħħar sentejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ambaxxatur tal-Kultura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. X’inhu l-irwol tal-ambaxxatur tal-kultura? b. Min qed jokkupa din il- kariga u l-kwalifiċi tiegħu? ċ. Kif intgħażel? d. Għandu xi benefiċċji renumeratorji u jekk iva, kemm? e. Qiegħed igawdi minn immunitày diplomatika u jekk iva, għalfejn? f. Kemm hu twil it terminu tiegħu? ġ. Jista’ jagħti rapport dettaljat tal-ħidma tiegħu mid- data tal-ħatra tiegħu sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inressaq l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Special Olympics – infiq li sar fiċ-ċerimonja tal-ftuħ

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-infiq kollu li sar fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-iSpecial Olympics, lil min sar il-ħlas u b'liema proċedura (direct order, tender etc.)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Belt Valletta — Fortifications Interpretation Centre

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1625, jista' l-Ministru jispeċifika dan il-proġett ġdid x'ser ikun qed jittratta, u jispeċifika meta jew f'liema żmien huwa ppjanat li jinfetaħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li ninsab infurmat li bħala parti mil-viżjoni ta’ Heritage Malta għall-Belt Valletta, dan il-bini ser jinbidel f’esperjenza immersiva u interattiva li tiffoka fuq il-Belt Valletta. L-Aġenzija qiegħda taħdem sabiex iċ-ċentru jerġa jkun aċċessibli temporanjament fix-xhur li ġejjin.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 110 ħaddiem fuq telework u 111 fuq remote working fil-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.

Santa Venera — Triq il-Kbira San Ġużepp – bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1400, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitranġaw xi bus shelters li hemm fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera fi żmien qarib?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fuq bus shelter partikolari li qiegħed ħdejn il-kappella ta' San Ġużepp, hemm il-pjanti għand il-Periti tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera. Kif dawn il-pjanti jitlestew jiġu sottomessi minnufih għand l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jinħarġu l-permessi meħtieġa.

Ħal Tarxien – Skola Primarja l-antika — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fl-Iskola Primarja l-antika f’Ħal Tarxien fi Triq l-Iskola?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien illi ma hemm l-ebda xogħol li qed isir ġo din l-iskola min-naħa tal-istess Kunsill.

Raħal Ġdid – Xogħlijiet fi Ġnien il-Mediterran

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1211, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-entitajiet Governattivi li għamlu x-xogħlijiet fi Ġnien il-Mediterran Raħal Ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Raħal Ġdid illi ġewwa Ġnien il-Mediterran sar il-Ġnien tal-Covid minn ‘Ambjent Malta’ u anke ‘Parks Malta’, bl-involviment ukoll tal-FMS.

Raħal Ġdid – Ġnien San Alwiġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu tul din is-sena sabiex Ġnien San Alwiġ f’Raħal Ġdid jingħata iktar attenzjoni u jinżamm aħjar b’tibdil tas-servizzi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Raħal Ġdid illi l-ġimgħa li għaddiet ġiet sottomessa applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar TRK/00266472 sabiex isir proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Ġnien San Alwiġi.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Port Ruman – knis ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kull meta tinkines Triq il-Port Ruman, Qawra, San Pawl il-Baħar? Jista’ l-Ministru jara li jitpoġġew iktar litter bins fl-istess triq, b’mod speċjali n-naħa tal-għelieqi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali illi Triq il-Port Ruman tinkines bi skeda ta’ kuljum. Rigward istallazzjoni ta' litter-bins, ninsab informat li ġew istallati diversi litter-bins fi Triq il-Port Ruman matul il-leġiżlatura tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u hemm pjan li jiżdiedu meta jkun il-waqt.

Użu tad-Design Cluster

Question

a. Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji, kooperattivi, partnerships, NGOs li qed jużaw id-Design Cluster? b. Liema huma dawn il-kumpaniji; ċ. X’tip ta’ kumpaniji hemm fi ħdan id-Design Cluster; d. Kemm hemm studios li għadhom vakanti; u e. Kemm hemm membri li qed jużaw il-co-working spaces?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant kif ġej: a. Kumpaniji, kooperattivi, partnerships, NGOs li qed jużaw id-Design Cluster Regular membership: 42 Studio membership: 2 Apparti dawn, il-VDC jintuża regolarment ukoll minn diversi individwi, entitajiet privati u pubbliċi , għaqdiet komunitarji Beltin, għal skop ta’ konferenzi, laqgħat, workshops eċċ… b. Liema huma dawn il-kumpaniji; Studio membership: Fondazzjoni ‘Magna Zmien’ u NGO ‘Koperazzjoni Internazzjonali - Malta (Kopin)’ Regular membership: blitzvalletta vismednet ninjamoba Project Aegle Foundation Rise Malta Fem Community Active Ageing Unit Spark 15 YMCA Valletta Gabebags Giovanni Mule Somom Ltd The Teduka International Academy Malta School of Art Sourdough hub Iplus A 2mozarts Justine Lillie Helena Bartolo People and Company Ltd debonogroup FSWS - directorate for alternative care (SAV) Malta Photographic Society Wicked Comics Catering hub Il-Horza Vogue Xchange migrant women malta Fondazzjoni Suret il-Bniedem Halfaroutreach HFO Cheek to Cheek Ghanja tal-poplu Replant Malta Samba ltd SeyTravel Ltd Malta Intelligent Energy Mangmt Agency FSWS St Albert the Great College, Valletta Octagon Communications LTD - summer science school ZARARTI MALTA - creatives/theatre Foundation for Ukrainian Community in Malta University of Malta The Secretariat for Catholic Education c. X’tip ta’ kumpaniji hemm fi ħdan id-Design Cluster; Studio membership: 1 Fondazzjoni + 1 NGO Regular membership: · Organizzazzjonijiet Pubbliċi u Privati: 22 · Operaturi ekonomiċi (inklu¿i intrapri¿i ¿għar) - 10 · Persuni li jaħdmu għal rashom: 11 d. Kemm hemm studios li għadhom vakanti Hemm numru żgħir ta’ studios vakanti, madanakollu hemm process biex dawn jintlew. e. Kemm hemm membri li qed jużaw il-co-working spaces? Il-membri kollha ju¿aw l-ispazji komuni skont in-neċessità li jkollhom.

Malta Libraries – Chief Operations Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. X’rekwiżiti ntalbu fis-sejħa għal Chief Operations Officer fl-Aġenzija Malta Libraries; b. Minn min kien kompost il-bord tal-għażla, u fuq liema kompetenza; ċ. Kemm applikaw kandidati; u d. Xi kwalifiki għandu jew għandha fix-Xjenzi tal-Libreriji u Arkivji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 749.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – infiq ta’ flus f’reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tiegħu jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.