Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #9721 Sitting 214 2019-04-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xewkija — Plate Bearing Tests

Question

Peress li Triq il-Ħamrija fix-Xewkija Għawdex qed tinbena mill-ġdid u diġà bdiet tingħata l-ewwel kisja tarmak, tista' l-Ministru tgħid jekk f'din it-triq sarux it-testijiet tal-Plate Bearing? Jekk iva, tista' tgħid kemm-il test saru u d-dati meta saru? F'liema parti saru u jindika permezz ta' street plan fejn saru l-plate bearing tests u x'kien ir-riżultat? Jista' jgħid min għamilhom u min iċċertifika r-riżultat ta' dawn il-blate bearings tests?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din it-Triq saru testijiet tal-Plate Bearing kemm fuq il-wiċċ tas-sodda sekondarja (Type 1D) kif ukoll fuq il-wiċċ tas-sodda primarja (Type 1). Fuq l-ewwel tul ta’ circa 350m tat-triq saru xejn inqas minn dsatax (19) -il test. It-testijiet saru f’dawn id-dati: Type 1D: 3 ta’ Jannar 2019, 12 ta’ Frar 2019 Type 1: 12 ta’ Frar 2019, 18 ta’ Frar 2019 u 7 ta’ Marzu 2019 Intenni li dawn saru fuq l-ewwel tul ta’ circa 350m tat-triq, cioe’ fuq il-parti li tibda’ minn ħdejn Triq il-Mitħna sal-parti li tmiss ma’ Triq Widnet il-Baħar. Ir-riżultati kienu kollha sodisfaċenti għan-nies tekniċi tagħna ħlief għal tnejn li fallew għal-ftit. Fejn fallew it-testijiet, ġagħlna lill-kuntrattur jerġgħa jirrombla l-uċuħ tas-sodda tat-triq u jerġgħa jittestja sakemm joħroġu riżultati sodisfaċenti. Dan huwa proċess normali u kollu sar għas-spejjeż tal-kuntrattur. L-ebda tarmak ma ngħata qabel in-nies tekniċi kienu sodisfatti bir-riżultati tal-Plate Bearing. It-testijiet saru fil-maġġor parti mill-kuntrattur li kien obbligat iqabbad kumpanija tat-testijiet indipendenti. Fil-fatt dawn saru mid-ditta Solid Base Laboratory Ltd, u ġew iċċertifikati minn nies tekniċi tagħha. Minħabba li l-perit u n-nies tekniċi tal-Ministeru riedu korrelazzjoni tar-riżultati, tqabbad ukoll l-MCCAA Laboratory sabiex jagħmel testijiet ulterjuri fejn dawn iċċertifikaw riżultati sodisfaċenti ukoll, u li kkonfermaw dawk it-testijiet kollha li ċċertifikat id-ditta Solid Base Laboratory Ltd.
Leg 13 PQ #9656 Sitting 213 2019-04-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Bini ta’ Qorti Ġdida f’Għawdex

Question

B’referenza għall-Press Release 190321 maħruġa mill-Ministeru tagħha, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-P.A. number għall-proġett ta’ bini ta’ Qorti ġdida ġewwa Għawdex kif ukoll kopja tal-pjanti u applikazzjoni tal-istess binja?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tracking number huwa 216321.
Leg 13 PQ #9657 Sitting 213 2019-04-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — widien rijabilitati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’widien ġew imnaddfa u rijabilitati minn Ġunju 2017 sal-lum ġewwa Għawdex? Tista’ tgħid x'kienet l-ispiża fuq kull wieħed mill-widien u fiex kien jikkonsisti x-xogħol? Tista' tgħid x'widien hemm ippjanati li jitnaddfu matul is-sena 2019?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għandu proġett ambizzjuż li għalih akkwistajna fondi mill-Unjoni Ewropea għall-ammont ta’ €8,066,000. Il-widien li huma nklużi f’dan il-proġett huma: Wied tax-Xlendi Wied l-Imġarr ix-Xini Wied tal-Grazzja Wied Riħan Wied Ta’ Grajgel/Daħlet Qorrot, Wied Il-Wileġ Wied Imġarr Wied tax-Xħajma Wied ta’ Marsalforn Wied tal-Ort, Għasri Wied l-Infern, Żebbuġ Wied il-Kbir
Leg 13 PQ #9701 Sitting 213 2019-04-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – Night Shelter il-ġdid

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9155, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li dan in-night shelter ġewwa x-Xagħra Għawdex għadu mhux lest meta kien inawgurat minnha f’Ottubru 2018 ħames xhur ilu? Tista’ telenka fid-dettall x’għad fadal isir f’dan in-night shelter u f’liema xahar ta’ din is-sena hu ppjanat li jilqa’ l-ewwel residenti? Tista’ tgħid ukoll x'inhi r-raġuni li l-assessment tal-applikant għadu mhux lest u ħa diġà iktar minn ħames xhur biex isir?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-assessments tal-applikanti saru bejn it-tieni u t-tielet ġimgħa ta’ Marzu 2019. In-night shelter ġewwa x-Xagħra ħa jibda jopera f’April 2019 wara li tlestew l-aħħar xogħlijiet li kellhom isiru mill-Parroċċa tan-Nazzarenu.
Leg 13 PQ #9480 Sitting 212 2019-03-27 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Miri tal-Horizon 2020

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9292 u b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9279, tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija oriġinali u tgħid: a) jekk dawn il-miri hux ser jintlaħqu sa ftit xhur oħra; b) kemm aħna ‘l bogħod minn dawn il-miri; u ċ) u x’qed isir mill-Ministeru tagħha sabiex jintlaħqu l-miri t’hawn fuq? Tista' tgħid ukoll kemm hu l-persentaġġ ta': a) nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni; u b) nisa fuq advisory board?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Għall-ewwel parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx iktar xi nżid mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9279. Għat-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li 40% tad-diretturi u 50% tal-Assistenti Diretturi fiċ-Ċivil huma nisa. Fl-istess ħin nitlob lill-Onor Interpellant tispjega iktar x’tifhem b’advisory board.
Leg 13 PQ #9527 Sitting 212 2019-03-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — ir-Rabat - Pjazza San Franġisk - xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-proġett ta' pavimentar u xogħol ieħor fi Pjazza San Franġisk ġewwa r-Rabat Għawdex? Tista' tgħid f’liema xahar u sena hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq dan il-proġett u f’liema xahar u sena għandu jitlesta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol beda propju llum.
Leg 13 PQ #9528 Sitting 212 2019-03-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ix-Xewkija - raħħala li jiddepożitaw il-ħalib

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra fiex wasal il-proċess ta' tneħħija tal-post fejn preżentement ir-raħħala kollha Għawdxin imorru ta’ kuljum jiddepożitaw il-ħalib tal-baqar fix-Xewkija Għawdex u dan peress li f'dan il-post hemm ippjanat li ssir il-Qorti l-ġdida ta’ Għawdex kif ukoll bħalissa fiż-żona qed jinbena l-Enterprise Hub iffinanzjat minn fondi Ewropej? Tista' tgħid fejn se jsir il-post il-ġdid fejn ir-raħħala Għawdxin jiddepożitaw il-ħalib tal-farms tagħhom?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex prepara masterplan għall-farm sperimentali tax-Xewkija biex tkun il-one stop shop għar-raħħala Għawdxin.
Leg 13 PQ #9653 Sitting 212 2019-03-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett Għawdex — press release

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tal-ħamsin triq li skont il-Press Release maħruġa fit-18 ta' Marzu 2019, ingħata bidu għalihom minn Proġett Għawdex f'Għawdex? Tista' tgħid f'kull każ fejn wasal ix-xogħol fuq dawn it-toroq u meta hu mistenni li kull triq tkun lesta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għal din il-Mistoqsija Parlamentari għadha qed tinġabar.
Leg 13 PQ #9655 Sitting 212 2019-03-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Rapporti ta’ Ġeo Teknika

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9338, tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li tqabbdu esperti fuq il-ġeo teknika wara li kien tlesta s-survey report u ħarġet it-tender permezz tan-Negotiated Procedure? Min huma dawn l-esperti fil-ġeo teknika? Kif intgħażlu? Min ta l-approvazzjoni biex jintgħażlu u kemm tħallsu sa issa u kemm huwa ppjanat li dawn l-esperti fil-Ġeo teknika jitħallsu? X'se jkun eżatt ix-xogħol tagħhom?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li Gvernijiet Nazzjonalisti ma ħadu ebda azzjoni fuq din it-triq, l-istat ta’ deterjorazzjoni ta’ din it-triq kien tali li ma jippermettix iktar dewmien. Kien għalhekk li l-Ministeru ħass li kellu jadopera l-proċeduri ta’ emerġenza u fil-fatt hekk kif ġew awtorizzati kkollassat parti mit-triq. Peress li x-xogħol u t-terren huma ta’ natura kumplessa ħafna, is-servizzi setgħu biss jiġu mogħtija mill-uniku espert b’esperjenza fil-qasam li għandna f’pajjizna li minn naħa tiegħu ukoll kellu jirrikorri għall-esperti minn barra.
Leg 13 PQ #9474 Sitting 211 2019-03-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn Għawdex – toroq Santa Marija u Qbajjar — pjanijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi pjan hemm għat-toroq Santa Marija u Qbajjar f’Marsalforn, Għawdex peress li dawn jinsabu fi stat ħażin ħafna? Meta hu maħsub li ser isir ix-xogħol meħtieġ fuq dawn it-toroq, li huma toroq li minnhom jgħaddi ħafna mit-traffiku li jkun sejjer għal Marsalforn?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq imsemmija huma nklużi fit-tieni programm ta’ Toroq taħt Proġett Għawdex u bħalissa qed jitħejjew it-tenders.
Leg 13 PQ #9508 Sitting 211 2019-03-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xewkija – Biċċerija – proċess ta’ tneħħija għal bini ta’ Qorti ġdida

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9148 tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-applikazzjoni (P.A. Number) għal bini ta' biċċerija ġdida ġewwa Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistqosija parlamentari 9148.
Leg 13 PQ #9270 Sitting 210 2019-03-25 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Green Leaders

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm, jekk hemm, Green Leaders fid-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtha?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Green Initiatives huma parti integrali mill-politika tal-Gvern. Il-miżuri favur l-ambjent ma jistriħux fuq il-persuna, iżda fuq l-inizjattivi li jieħu l-Gvern. Fost il-miżuri favur l-ambjent li ttieħdu f’dawn l-aħħar snin kien hemm: · tisħiħ tal-Green Public Procurement; · introduzzjoni tal-Online Government, li qed iwassal biex inqas nies ikollhom għalxiex jinqalgħu minn djarhom u jużaw il-karozzi; · installazzjoni tal-pannelli; · Il-flessibilità mogħtija lill-ħaddiema fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Leg 13 PQ #9418 Sitting 210 2019-03-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Bini ta’ Park and Ride facility – proġett ta’ decorbonisation

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar x’sar f’dawn l-aħħar sentejn fil-proġett ta’ decorbonisation permezz tal-bini ta’ Park and Ride Facility? Tista’ tgħid fejn hu ppjanat li jsir dan il-proġett, kif ukoll tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-PA number għal dan il-proġett? Tista’ tgħid jekk dan il-proġett ġiex approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar u meta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Park and Ride ssemmiet għall-ewwel darba fil-Manifest elettorali f’Mejju 2017 u dan il-proġett huwa biss fażi mid-Decarbonisation Strategy. In kwantu għal Park and Ride, sar Cost Benefit Analysis, Site Selection, kif ukoll tħejja pjan tal-proġett l-fażijiet tiegħu li jista’ jiġi aċċessat mill-pubbliku bil-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar numru PA/01606/2019.
Leg 13 PQ #9419 Sitting 210 2019-03-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Master Plan ta’ Xlendi

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra x’sar f’dawn l-aħħar sentejn dwar ir-riġenerazzjoni u l-Master Plan tax-Xlendi u x’hemm ippjanat li jsir (proġetti infrastrutturali) qabel jibda s-sajf 2019?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett li ssemma l-ewwel darb f’din il-leġiżlatura jikkonsisti f’diversi fażijiet. L-ewwel fażi hi faċilitajiet għas-sajjieda li għalihom il-Ministeru għal Għawdex akkwista fondi Ewropej u x-xogħol diġà beda flimkien mar-riġenerazzjoni tal-boathouses kif ukoll r-riorganizzazzjoni tal-parkeġġ li permezz tiegħu se jiżdied il-parkeġġ b’60%.
Leg 13 PQ #9420 Sitting 210 2019-03-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Museum — amministrazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema Ministeru ser ikun imexxi u jamministra l-Gozo Museum meta dan ikun lest?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Il-proġett tal-Mużew huwa proġett ambizzjuż ħafna li qed jitwettaq mill-Gvern preżenti fejn il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem fuq il-proġett infrasatrutturali u qed ukoll jakkwista opri tal-arti skont il-pariri esperti ta’ Heritage Malta li qed jieħdu ħsieb li jiżvolġu l-istory line tal-Mużew.
Leg 13 PQ #9421 Sitting 210 2019-03-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Victoria Għawdex — Ċentru tas-Saħħa

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-PA number tal-proġett ta’ Ċentru ġdid tas-Saħħa fiċ-ċentru tal-Belt Victoria? Tista’ tgħid meta hu ppjanat li jitlesta u jilqa’ l-ewwel pazjenti?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru rikjest tal-PA huwa Tracking Number 219464.
Leg 13 PQ #9301 Sitting 208 2019-03-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Proġett tal-Pjazza ta’ Sannat

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Pjazza tas-Sannat? Tista’ l-Ministru tgħid jekk it-tenders ħarġux u ġewx awarded u meta hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali fuq din il-pjazza? Tista’ tpoġġi kopja tal-pjanta fuq il-Mejda tal-Kamra kif ser tiġi din il-Pjazza?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender fuq il-pjazza Santa Margerita ħareġ darbtejn fejn issottomettew l-interess li jagħmlu x-xogħol żewġ kuntratturi. L-ewwel darba li ħareġ it-tender ġie over budget u l-kunsill reġa’ ħareġ is-sejħa għat-tieni darba fejn reġa’ ġie over budget madwar 44%. Bħalissa l-kunsill qed jaħdem fuq Bill of Quantities ġdid. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru daħal fi ftehim mal-Kunsill Lokali fejn il-Ministeru ħareġ il-fondi u l-proġett jiġi implimentat mill-Kunsill.
Leg 13 PQ #9303 Sitting 208 2019-03-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Master Plan tal-Pjazza tax-Xagħra Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-Master Plan tal-Pjazza tax-Xagħra peress li fil-laqgħat tal-kunsill qed jingħad li dan qed isir u jitmexxa mill-Ministeru għal Għawdex? Tista’ tagħti timeframes ta’ x'inhu ppjanat li jsir fuq dan il-Master Plan u meta hu ppjanat li jitlesta?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Il-Ministeru għal Għawdex għadu ma rċieva ebda informazzjoni mill-Kunsill Lokali sa issa, iżda laħqu saru taħdidiet u ntlaħaq ftehim fejn il-Ministeru għadda l-fondi lill-Kunsill biex isiru Triq Masri, Triq Gajdoru u Triq il-Kommuttiva.
Leg 13 PQ #9304 Sitting 208 2019-03-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Policy għal free pass għall-użu tal-vapur tal-Gozo Channel

Question

B'referenza għar-risposta tagħha għall-mistoqsija parlamentari 8984, tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-policy dwar min għandu dritt għal free pass biex juża l-vapur tal-Gozo Channel mhijiex fuq il-website tal-istess kumpanija, meta sa ftit tas-snin ilu din kienet pubblikata fuq il-website? X’inhu jżomm lill-Ministru milli tara li din il-policy tkun fuq il-website biex kulħadd ikollu aċċess għaliha?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deciżjonijiet ta’ din ix-xorta jittieħdu mill-Gozo Channel Operations Limited u mhux mill-Ministeru.
Leg 13 PQ #9313 Sitting 208 2019-03-18 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjonijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 9108 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8893, tista' l-Ministru: a. tgħid kemm kien hemm nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjoni (skala 1 sa skala 5) f'dawn is-snin: 2009, 2010, 2012 u 2013 fid-dekasteru tagħha; u b. tgħid jekk il-Ministeru tagħha għandux targets għall-Horizon 2020 u jekk iva, x'inhuma dawn it-targets u humiex se jintlaħqu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.