Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza għall-anzjani tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jintgħażlu dawk id-djar u r-residenzi li jieħdu fihom anzjani li jkunu miktubin biex jmorru f'residenza għall-anzjani tal-Gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn żmien għal żmien id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità joħroġ sejħa għall-operaturi fil-privat li huma interessati li jissuplixxu sodod għal kura fit-tul. Dawn is-sottomissjonijiet jiġu evalwati skont il-livell ta’ servizzi li joffru u l-bżonnijiet tad-Dipartiment.

Għażla bejn Djar tal-Anzjani Privati jew tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jintgħażlu l-anzjani li jmorru ġewwa djar privati u mhux fi djar oħra għall-anzjani li jipprovdi l-Gvern? Anke jekk iħallas il-gvern u lilhom jinqatgħulhom 60% jew 80 % mill-pensjoni, hija l-għażla tal-anzjan li jmur f'dawn id-djar jew kull anzjan jista' jagħżel f'liema dar irid imur jgħix anke jekk din tkun immexxija mill-privat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li anzjani li jkollhom bżonn kura fit-tul jintbagħtu fid-Djar tal-Gvern jew fid-djar tal-privat skont fejn ikun hemm sodda battala u skont il-bżonnijiet tal- kura tal-anzjan. Wara li jsir assessment tal-livell tad-dipendenza tal-anzjan u jintemm il-perjodu ta’ rijabilitazzjoni, l-anzjan jintbgħat fid-dar li toffri servizzi addatti skont il-bżonn individwali.

Inċentivi biex anzjan imur f'residenza privata

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx inċentivi bħal ngħidu aħna taxxa mnaqqsa għal dawk l-anzjani jew qraba tagħhom li jħallsu minn buthom huma r-renta għall-akkomodazzjoni tagħhom biex ikunu jistgħu jgħixu ġewwa dar jew residenza għall-anzjani? U jekk m'hemmx, beħsiebu l-gvern idaħħal inċentivi biex dawn ir-residenti jkunu jistgħu jiġu inkoraġġiti ħalli jibqgħu jgħixu f'dawn id-djar mingħajr ma joħolqu ħafna iktar pressjoni fuq il-gvern ċentrali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Artiklu 14D tal-Income Tax Act li jipprovdi għal tnaqqis fit-taxxa lil dawk l-individwi li jkunu ħallsu miżati, f’isimhom jew f’isem xi membru tal-familja tiegħu, rigward residenza f’dar privata għall-anzjani.

Ippjanar ta' servizzi għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux ippjanat iktar servizzi għall-anzjani li jgħixu fil-komunità għas-sena 2010-2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fis-sena li ġejja, id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ser ikompli jinvesti f’aktar night shelters u day centres kif ukoll jibda jimplimenta l-proġett pilota tas-servizz ta’ kura fid-djar (Outreach Service). Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena li ġejja, id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ser ikompli jibni fuq is-servizzi eżistenti bex jindirizza l-bżonnijiet tal-anzjani li jgħixu fil-komunità. Huwa ppjanat li nkomplu nindirizzaw il-bżonnijiet soċjali tal-anzjani biex ma jinqatgħux għalihom waħedhom u jaqgħu fi stat ta’ solitudni u dipressjoni. Għalhekk, flimkien mal- Malta Communications Authority se nkomplu noffru courses fl-informatika l-anzjani jingħataw il-possibilità jidħlu fid-dinja tal-IT. Huwa maħsub ukoll li nkomplu ninvestu f’aktar Night Shelters u Day Centres . Is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar ( Home Help Service ) se jkompli jiġi żviluppat skont il-ħtieġa tal-anzjan biex flimkien mas-servizz provdut mill-MMDNA u l-CommCare Assessment Unit nipprovdu servizz komplut.

residenzi għall-anzjani li jbatu bid-dementia

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux ippjanat iktar homes u residenzi għall-anzjani li jkunu jbatu mid-dimentia għas-sena 2010-2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’dak li huwa ippjanar għall-kura fit-tul, il-Gvern qed jinkludi sezzjonijiet għal dawk ir-residenti li għandhom il-kundizzjoni tad-dimentia. Il-policy tal-Gvern hi li kull binja għall-anzjani għandha tkun dimentia friendly mill-ewwel.

mediċina Ongeoazole li qiegħda spiss tkun out of stock

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-ilment ta’ diversi kostitwenti li l-mediċina Ongeoazole qiegħda spiss tkun out of stock mill-ispiżerija tal-Isptar Mater Dei kif ukoll mill-Ispiżeriji tal-Għażla Tiegħek?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pilloli Omeprazole 20mg qegħdin in stokk fl-istores prinċipali tal-Gvern. Din is-sena kien hemm żieda f’daqqa fil-konsum ta’ din il-mediċina. Il-kuntratt li minnu qiegħed jordna l-Gvern għandu delivery ta’ bejn 14 u 16-il ġimgħa. Il-Kuntrattur lokali bħalissa qiegħed iġib is-seba’ xhur stokk li kien ordna l-Gvern bil-konsum il-ġdid. Il-kuntrattur sab problema biex igib il-kwantita miżjuda mitluba mill-Gvern fi żmien qasir u beda biss iġib il-konsenji biċċa biċċa f’ kwantitajiet iżgħar meta skadilu d- delivery period skont il-kuntratt. Id-Dipartiment tal -Procurement ħa passi, sabiex sakemm jasal l-istokk prinċipali ħareg sejħa oħra għall-offerti, liema sejħa ġiet aġġudikata u l-istokk mixtri u mqassam.

EPIPEN — dħul fl-iskeda ta’ mediċini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux qed jikkonsidra li l-EPIPEN tiddaħħal fl-iskeda ta’ mediċini b’ xejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Gvern iġib xi mediċini li huma essenzjali u li ma jsibhomx fl-ispiżeriji privati, fosthom l-Epipen. Din il-mediċina tintuża f’kaz ta’ emerġenza, għax l-individwu ikun qiegħed isofri minn anaphylactic shock. Fl-ambulanza u fl-isptar din it-tip ta’ mediċina tingħata b’xejn bħala adrenaline. Persuna li taf li għandha dan it-tip ta’ riskju jrid ikollha l-’Epipen’ fuqha kull ħin tal-ġurnata. ’Anaphylactic shock mhijiex waħda mill-kundizzjonijiet tal-Ħames Skeda, u għalhekk l-Epipen ma tistax tingħata b’xejn.

Dar tal-Anzjani Bormla — ikel offrut

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19078 u jinforma lil din il-Kamra xi strutturi jeżistu sabiex jiġi assigurat illi servizzi offruti fid-djar tal-anzjani jkunu ta' livell mixtieq, inkluż ukoll f'dak li hu kwalità tal-ikel offrut? Meta l-aħħar li saru spezzjonijiet għal dan il-għan fid-dar tal-anzjani ta' Bormla? X'kien l-eżitu ta' tali spezzjonijiet partikolarment fid-dawl tal-fatt tad-diversi lmenti mressqa fir-rigward tal-ikel offrut f'din id-dar tal-anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Spiżerija tal-Għażla Tiegħek — infiq

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-infiq kollu tal-iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek għat-tliet snin li għaddew? Jista' jgħid x'infiq ieħor tas-snin preċedenti, din l-iskema qiegħda tissostitwixxi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l- breakdown tal-infiq kollu tal-iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC) għat-tliet snin li għaddew huwa kif gej: L-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek daħlet fis-seħħ f’Diċembru 2007, wara li f’Lulju 2007 kien intlaħaq u ġie ffirmat ftehim [ Memorandum of Understanding – MoU] bejn il-partijiet kollha kkonċernati. Il -breakdown tal-infiq huwa dan: Diċembru 2007 € Jan – Diċ 2008 € Jan – Diċ 2009 € Jan – Ottubru 2010 € 1. L-ammont fi flus ta’ mediċini li rċieva l-pazjent 861 2,613,483 5,983,792 5,377,166 2. Pagamenti dovuti lill-ispiżeriji għas-servizz mogħti lill-pazjenti skond l-MoU - 315,380 458,850 841,719 3. Rata fissa għall- ADSL internet connectivity lill-ispiżeriji kollha skond l-MoU. Dan l-ammont jinkludi l-arretrati minn meta bidet l-Iskema. - - - 54,634 4. Investiment fis-sistemi tal-informatika - 223,000 140,051 80,489 L-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek ġiet introdotta f’Diċembru 2007 fuq kunċetti u binarji totalment differenti minn kif jaħdem l-operat fl-ispiżeriji taċ-Ċentri tas-Saħħa. Għaldaqstant mhux possibbli li s-sistemi jiġu mqabbla ma’ xulxin.

Personell mediku fl-Għadira, Armier, Ġnejna u bajjiet oħra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul ix-xhur tas-sajf f'postijiet li huma 'l bogħod bħall-Għadira/Armier/Ġnejna u bajjiet oħrajn, ikunx hemm stazzjonati ambulanza u personnel mediku fil-viċinanza ħalli jekk jiġri xi inċident f'dawn il-bajjiet ikunu mill-ewwel fuq il-post?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Insterpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17989.

Anzjani li jgħixu ġo djar immexxija mill-privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani li huma fuq il-lista tal-gvern imma li qed jgħixu ġewwa homes u djar immexxija mill-privat? Jista' jgħid kemm hemm f'kull dar privata minn dawn l-anzjani u kemm jiġu jiswew lill-Gvern biex lil dawn l-anzjani jżommhom f'dawn id-djar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm 257 anzjan li qegħdin fi djar immexxija mill-privat taħt l-iskema tal-Public Private Partnership. Id-dettalji sal-aħħar ta’ Lulju 2010 huma kif jidher hawn taħt: Residenza Numru ta’ Residenti Nefqa Jannar – Lulju 2010 € Casa Serena 78 506,913 Central Home 61 355,470 Casa Arkati (independent residents) 23 84,915 Casa Arkati (dependent residents) 10 88,689 Villa Messina (independent residents) 43 275,294 Villa Messina (dependent residents) 12 119,145 Roseville Home (dependent & semi dependent) 40 3,855 (Lulju 2010) TOTAL 257 1,434,281

Kmamar tan-Nar — ħaddiema full-time u part-time

Question

Billi dan l-aħħar ġejt mgħarraf f'din il-Kamra li n-nies li jaħdmu full-time u part-time fil-kmamar tan-nar ma jaqgħux taħt l-Occupational, Health and Safety Authority għaliex dawn jaqgħu taħt l-Explosives Ordinance Act, kif wieħed jista' jispjega l-fatt li: il-liġi tgħid li all occupations fall under the responsability of OHSA? l-Explosives Ordinance Act fl-ebda mod ma tkopri occupational hazards u riskji fuq il-post tax-xogħol għal kull tip ta' ħaddiema? l-uniċi nies eżentati mill-Ordinanza huma l-Pulizija, l-Armata u l-CPD? kif fil-fatt l-ħaddiema li jaħdmu fil-kmamar tan-nar effettivament jaqgħu taħt l-Explosives Ordinance Act speċjalment meta l-OHSA tirreferi speċifikament għal nies li jaħdmu in an explosive environment?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li peress li teżisti diġa l-Ordinanza Dwar l-Isplussivi li tirregola l-attivita’ li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, l-Occupational Health and Safety Authority ma tintervjenix u dan biex ma jkunx hemm diverġenzi fil-proċess ta’ nfurzar ta’ liġijiet u, jew spezzjonijiet mill-entitajiet kompetenti, u, jekk ikun il-każ, biex ma tkunx preġudikata azzjoni legali. Ir-riferenza għal “an explosive environment” kif qed jindika l-Onor. Interpellant tinstab fir-Regolamenti ta’ l-2004 dwar il-Post tax-Xogħol (Bżonnijiet ta’ Saħħa u Sigurtà Minimi fuq ix-Xogħol) (Spazji Ristretti jew Spazji b’Atmosferi Esplossivi). Tajjeb wieħed ifakkar li Regolament 3 (e) ta’ l-istess Regolamenti jistabbilixxi li dawn ma japplikawx ghall-manifattura, iċ-ċaqlieq, l-użu, il-ħażna u t-trasport ta’ splussivi jew sustanzi kimiċi instabbli.

Personnel mediku speċjalizzat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fis-sistema tas-saħħa tagħna għandniex personnel mediku li huwa speċjalizzat biex jindokra persuni li jkunu għaddew minn xi esperjenza wara li jkunu ħadu xi valeni permezz ta' xi ġdim minn annimali tal-art jew tal-baħar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-Isptar Mater Dei il-persuni li jkollhom bżonn għajnuna medika wara li jkunu ħadu xi veleni permezz ta’ gdim minn annimali tal-art jew tal-baħar, jingħataw assistenza u l-kura meħtieġa mill-professjonisti tad-Dipartiment tal-Emerġenza bis-support fundamentali tal-Inpatients Pharmacy li għandha sezzjoni speċifika għal dan il-għan. B’hekk tkun tista’ tingħata attenzjoni sħiħa għall-komplikazzjonijiet mediċi li jkollu l-pazjent.

Child Development Advisory Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux pjan għaż-żmien li ġej biex iċ-Child Development Advisory Unit jibda jaħdem kif suppost u ma jħallix tfal jistennew tant xhur biex jiġu assessjati? Jista' jgħid fiex jikkonsisti dan il-pjan u jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Tas-Sliema — Ftuħ ta' dar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19602 u jgħid meta se tiftaħ id-dar tal-anzjani finanzjata b’fondi pubbliċi, imwiegħda mill-gvern lir-residenti ta’ Tas-Sliema?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Gvern qatt ma wiegħed fondi għal dar tal-anzjani f’Tas-Sliema,

Tobba u infermiera — full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ tobba u infermiera full-time u part-time mal-Gvern fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena? Kemm minnhom kienu jaħdmu fl-isptarijiet, fiċ-ċentri tas-saħħa, fil-bereġ u f’entitajiet oħra tal-Gvern? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm nisa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Infermiera — impjiegi full-time jew part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ħarġitx sejħa għall-impieg full-time jew part-time ta’ infermiera mal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, meta ħarġet, għalqitx u jekk iva kemm applikaw u mil-liema pajjiż huma? Kemm b’kollox hu maħsub li jiġu impjegati infermiera barranin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Mediċina — Remeprazole - mediċina out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom out of stock il-pilloli tal-istonku tar-Remeprazole 20 (lusec)? Għaliex? Meta se jerġgħu jkunu available?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Dipartiment tal-Anzjani — ħabta bil-karozza

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir ġustizzja mal-individwu, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li ġie involut f'ħabta ma karozza li hija tad-Dipartiment tal-Anzjani u t-tort huwa tas-sewwieq ta' din il-vettura?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-proċedura f’każi bħal dawn hija li d-Dipartiment jistenna r-rapport uffiċjali tal-Pulizija. Sal-lum, r-rapport ghadu ma wasalx. Minħabba li l-vetturi tal-Gvern m’għandhomx polza ta’ l-assikurazzjoni, d-Dipartiment jibgħat ir-rapport lis-surveyors tal-Works Department biex dawn jagħtu l-parir tagħhom dwar il-ħabta u jagħtu stima tal-ispejjeż tal-karozza maħbuta (mhux il-vettura tal-Gvern). Jekk ikun jidher ċar li t-tort huwa tad-Dipartiment, jittieħdu l-passi neċessarji biex l-individwu jiġi rifondut tal-ispejjeż kif dejjem ġara f’każi bħal dawn fil-passat. Hija prassi li d-Dipartiment iħallas fuq l-istima li jtuh is-surveyors tal-Works Department. Din il-karozza bl-ebda mod ma tintuża mis-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Komunità.