Tista' l-Ministru tgħid jekk hawnx xi post fejn irġiel/ġuvintur jkunu jistgħu jinġabru f'xi home jekk iħossu li ma jistgħux jibqgħu jgħixu waħedhom u għandhom bżonn l-għajnuna? Jekk iva, x'inhuma l-kriterji? Veru li xi ħadd li għandu inqas minn 60 sena ma jista' jidħol fl-ebda home tal-gvern anke jekk dan ikun jixtieq li jagħmel dan?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru tas-Saħħa u Kura fil-Komunità.
spiza tal-gvern bħala dipartiment fis-servizzi fil-komunita
Question
Tista l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiza tal-gvern bħala dipartiment fis-servizzi fil-komunita fil-2009 u kemm beħsiebu jonfoq fl-2010, 2011 u 2012 fl-istess servizzi? Jekk is-somma hija iktar, f'liema servizzi ġodda se jagħmel din in-nefqa? Jekk in-nefqa hija iktar, għal liema fatturi hija relatata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
studji biex jaraw il-minimun wage għadhiex adegwata għall-bżonnijiet tal-lum
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux xi studji biex jaraw jekk il-minimun wage għadhiex adegwata għall-bżonnijiet tal-lum u jekk persuna tkun qed taħdem u taqla' din il-paga hijiex biżżejjed biex ma tgħix f'riskju ta' poverta? Xi pjanijiet għandu l-gvern biex dawk li jaqilgħu din il-paga ma jibqgħux f'dan ir-riskju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma sarx studju speċifiku dwar il-minimum wage madankollu l-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika (NSO) jiġbor informazzjoni u statistika dwar id-dħul u l-infiq tal-familji.
Il-Gvern jagħti diversi miżuri fiskali, benefiċċji, xogħol u opportunitajiet oħra li jgħinu lil persuni u familji li d-dħul tagħhom huwa baxx.
Tista' l-Ministru tagħti indikazzjoni tat-time frames li hemm biex jinbena l-bini li qed jitwaqqa' bħalissa fi Triq il-Wied, Imsida kif ukoll dwar il-pjani tal-Gvern f'dan ir-rigward flimkien mal-għadd ta' housing units li hemm ikkontemplati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-raba fażi tal-proġett ta’ Urban Renewal fi Triq il-Wied Msida ser jinkorpora blokk ta’ 62 appartament u 14-il garaxx. Indikazzjoni ta’ time frame tkun tista’ tingħata aktar ‘il quddiem, wara li jkunu saru l-istudji ġeologiċi meħtieġa tas-sit.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienu l-employers li matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena kkwalifikaw mill-inċentiv imħabbar fid-diskors tal-budget 2010 sabiex joħolqu ambjent fuq il-post tax-xogħol fejn ikun provdut servizz ta’ child care għal ulied l-impjegati tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienu l-impjegati li għandhom tfal akbar minn tliet snin u li jattendu ċ-ċentri tat-tfal fix-xhur tas-sajf, li matul l-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena kkwalifikaw mill-estensjoni fit-tnaqqis fil-liġi tat-taxxa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm jammonta bħalissa ċ-Child in Care Benefit u x’età jrid ikollhom żgħażagħ li jkunu għadhom qed jistudjaw jew fi programm ta’ taħriġ approvati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ biex jikkwalifikaw minn dan il-benefiċċju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-Child in Care Benefit jammonta għal €70 fil-ġimgħa u jibqa jitħallas sa ma żgħażagħ jagħlqu l-21 sena.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inbnew mill-Awtorità tad-Djar appartamenti u maisonettesimmirati għall-kiri matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, tlestew erba’ appartamenti ġodda biex jingħataw b’kiri waqt li qed jitkompla x-xogħol fuq 45 appartament ieħor.
Jista' l-Ministru jara li jiġu rranġati ż-żewġ gallarijiet li huma perikolużi tal-flat, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fejn ir-raġel jgħix bir-relief?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għalkemm ma saritx talba lill-Awtorità tad-Djar mill-inkwilini tal-post imsemmi biex isiru t-tiswijiet imsemmija, l-awtorità qed tagħmel survey tal-istat tal-gallarijiet kollha tal-blokk in kwistjoni sabiex tikkwantifika t-tiswijiet meħtieġa. Mandanakollu, l-inkwilini huma mħeġġa biex minnufih jissottomettu l-applikazzjoni meħtieġa taħt Skema SM sabiex it-talba tagħhom tkun tista’ tiġi pproċessata skont il-Policy tal-Awtorità tad-Djar għal tiswijiet f’postijiet mikrija mingħand il-gvern.
skola primarja tal-Ħamrun Dun Ġorġ Preca — kontribuzzjoni biex tiġi rinovata
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'kienet il-kontribuzzjoni tal-Gvern kemm bi flus u kif ukoll materjal provdut lill-iskola primarja tal-Ħamrun Dun Ġorġ Preca sabiex tiġi rinovata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Intefqu €3,136.60 fl-iskola primarja tal-Ħamrun Dun Ġorġ Preca sabiex tigi rinovata
mill-kontijiet tal-
Materials & Supplies
u l-
Maintenance
li l-Gvern jagħti lill-iskejjel kull sena.
Kien hemm tliet ħaddiema ma’ dan il-proġett.
Awtorità tad-Djar — stallar ta' lifts f'appartamenti u prorprjetajiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid saritx policy ġdida dwar l-istallar ta’ lifts f’appartamenti u proprjetà tal-Awtorità tad-Djar? Jekk fl-affermattiv meta bdiet jew se tibda tiġi attwata din il-policy? Kemm hemm applikazzjonijiet għall-istallazzjoni ta’ lifts u jekk dawn iridux isiru mill-ġdid skont il-policy il-ġdida? Jekk le, meta allura hu maħsub li jibda l-proċess għall-istallazzjoni tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa, l-Awtorità tad-Djar qed toffri Skema E għall-istallar ta’ lifts fi blokki residenzjali tal-gvern. Din l-iskema ħadet post l-iskema preċedenti li ngħalqet f’Settembru 2009. Bħalissa hemm 20 talba pendenti għall-istallar ta’ lifts fi blokki tal-gvern. Kull applikazzjoni approvata tiġi pproċessata skont il-kundizzjonijiet relattivi tal-iskema li kienet fis-seħħ meta saret l-applikazzjoni u għaldaqstant l-awtorità ma titlobx li ssir applikazzjoni mill-ġdid. Il-lifts jiġu stallati skont programm li jiġi mfassal fuq bażi ta’ prijorità li tingħata skont il-gravità tad-diżabilità tal-applikant u l-urġenza tal-każ. Skont il-programm, il-każijiet li hemm pendenti bħalissa għandhom jitlestew sa l-aħħar tal-2012.
Furjana — Triq l-Argotti - ristrutturar ta' appartamenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi s-sitwazzjoni tal-Ministeru tagħha u/jew tal-Awtorità tad-Djar dwar il-bini ta’ appartamenti li tħallew mitluqa fi Triq l-Argotti, il-Furjana? Tista’ tieħu passi biex dawn l-appartamenti ssirilhom ir-ristrutturazzjoni li hemm bżonn biex ikunu jistgħu jinkrew lil min għandu bżonn u biex fl-istess ħin titneħħa d-dehra kerha li hemm f’din il-lokalità?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għalkemm l-Awtorità tad-Djar kellha ppjanat li dan il-proġett jitlesta sa l-aħħar ta’ din is-sena, sfortunatament inħolqu ċirkostanzi fil-proċess ta’ tendering, li wasslu għal dewmien biex jingħata l-kuntratt għat-tlestija ta’ dawn il-units. L-Awtorità tad-Djar hija obbligata timxi mal-proċeduri stabbiliti ta’ tendering u għoti ta’ kuntratti u għaldaqstant ma kienx hemm mod kif jitħaffef aktar dan il-proċess. Madanakollu, għandi pjaċir ninfurmak li l-kuntratt ingħata riċentement u għaldaqstant ix-xogħol ta’ tlestija f’dan il-blokk mistenni jibda’ fil-ġranet li ġejjin.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' day centres li għandna f'Malta llum? Kemm hu n-numru totali ta' persuni li jiffrekwentaw dawn iċ-ċentri? F'liema lokalitajiet jinsabu dawn iċ-ċentri? X'kollaborazzjoni hemm bejn dawn iċ-ċentri u l-kunsilli lokali rispettivi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jikkjarifika għal liema day centres qed jirreferi.
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — ħaddiema teleworking
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il ħaddiem fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jaħdem bit-teleworking? Kemm-il siegħa qiegħda tingħata kull ġimgħa? F'każ li jkun hemm bżonn li ħaddiema jkollhom jikkomunikaw mat-teleworkers waqt il-ħin tax-xogħol, kif isir dan? X'timeframes jinżammu sabiex tingħata l-informazzjoni meħtieġa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-Dipartiment għas-Servizzi Soċjali hemm 52 teleworker fejn dawn jaħdmu 4 siegħat il-Head Office u l-kumplament jaħdmu mid-dar, persuna waħda taħdem 24 siegħa mill-uffiċċju u l-kumplament mid-dar, persuna waħda taħdem 31 siegħa mill-uffiċċju u l-kumplament mid-dar u persuna waħda taħdem 20 siegħa mill-uffiċċju u l-kumplament mid-dar. It-total ta’ Teleworkers hu ta’ 55. Dawn jistgħu jiġu kkuntatjati kemm bit-telefon kif ukoll bil-posta elettronika u l-informazzjoni trid tingħata fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il mature student applika għall-korsijiet ta' nursing fl-Università u li l-applikazzjoni ma ġietx aċċettata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Universita’ rċeviet 22 applikazzjonijiet bi kwalifiki lokali u 5 applikazzjonijiet bi kwalifiki barranin għaż-żewġ korsijiet tan-Nursing mingħand persuni li ma għandhomx il-kwalifiki kollha meħtieġa iżda li applikaw skont it-termini tal-“maturity clause”.
Din is-sena l-postijiet disponibbli fil-korsijiet li jwasslu għall-Bachelor of Science (Honours) –
Nursing
u l-
Preparatory Course
għad-
Diploma in Nursing
żdiedu għal 175. Kienu aċċettati dawk l-applikanti li kellhom il-kwalifiki kollha meħtieġa.
Tista' l- Ministru tgħid x'policy għandu l-gvern għal dawk li huma homeless u m'għandhomx mezzi biex jikru mingħand il-privat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni li jkunu homeless jistgħu japplikaw għall-post alternattiv bil-kera mal-Awtorità tad-Djar. Persuni homeless jkunu mitluba jissottomettu rapport mill-Pulizja li jindka li verament huma homeless u għalhekk jingħataw prijorità fuq applikanti oħra.
Għażla ta' studenti biex jistudjaw f'università ewropea
Question
Tista' l-Ministru tgħid kif intgħażlu l-istudenti li se jingħataw għajnuna biex imorru jistudjaw semester f’xi università Ewropea?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudenti ġew magħżula fuq kriterji akkademiċi, skont ir-riżultati tal-eżamijiet li għamlu s’issa fl-Università. Is-selezzjoni tagħhom saret bil-kollaborazzjoni tal-Fakultajiet rispettivi tal-Università.
Għajnuna lil studenti biex jistudjaw f'Universitajiet Ewropej
Question
Tista' l-Ministru tgħid min seta’ japplika għal din l-għajnuna u meta saret is-sejħa għall-applikazzjonijiet biex studenti jingħataw għajnuna biex imorru jistudjaw semester f’xi università Ewropea?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-sejħa għall-applikazzjonijiet saret fi Frar u għalihom setgħu japplikaw studenti reġistrati għal kors ta’ studju fl-Università ta’ Malta.
Għajnuna lil studenti li qed jistudjaw f'università ewropea
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm se tkun l-għajnuna lil kull student li se jmur jistudja semester f’università Ewropea u kif inhi meta mqabbla mal-fondi li kienu jieħdu mill-Unjoni Ewropea bħala kontribuzzjoni mill-programm Erasmus li ġie sospiż mill-Kummissjoni Ewropea?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Taħt l-iskema Direct Exchange Programme, kull student se jingħata €300 kull xahar għal massimu ta’ erba’ xhur. Kieku ma kienx ġie sospiż il-Programm Erasmus, l-istudenti xorta waħda kienu se jieħdu l-istess figura għas-sena akkademika li jmiss. Dan peress li l-ammont ta’ studenti li applikaw għal programm Erasmus għal din is-sena kien ħafna ikbar minn dak ta’ snin preċedenti, waqt li l-fond li ingħata lil Malta mill-Unjoni Ewropea ma kibirx daqstant (il-fond ma jingħatax skont in-numru ta’ applikanti imma skond kriterji stabbiliti għal kull pajjiż mill-Unjoni Ewropea innifisha).