Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Donazzjonijiet lill-għaqdiet sportivi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn (2007/2008) ingħataw donazzjonijiet mill-Ministeru lill-għaqdiet sportivi? Liema kienu dawk l-għaqdiet li bbenefikaw minnhom? X'kien l-ammont f'kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu indikat ma sarux donazzjonijiet mill-Ministeru lill-għaqdiet sportivi kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Floriana — King George V Playing Field - Siringi użati
Question
Jista' l-Ministru jara li jiġu spezzjonati dawn il-lokalitajiet fejn qed jinstabu bosta siringi użati:
i.)
King George V Playing Field
, Floriana?
ii.) Triq Miġġiani, Ħamrun?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għaddejt dan it-tagħrif lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jitteħdu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jiswa lill-Gvern kull immigrant illegali u kull ħabsi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li, fuq stima approssimattiva, ġie smat a bażi tan-nefqa rikorrenti li immigrant miżmum f'detenzjoni fis-sena 2007 ġie jiswa lill-Gvern Malti medja ta' €18.29 (Lm7.85) kull jum, filwaqt li dik ta' ħabsi tammonta għal madwar €50.52 (Lm21.69) kull jum.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jiġu ppubblikati u anke jiġu fis-seħħ regolamenti dwar is-security officers u bouncers li jkun hemm fil-bars u night clubs Maltin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement il-Ministeru qiegħed fil-proċess li jagħmel evalwazzjoni interna dwar l-emendi leġislattivi neċessarji sabiex ikunu regolati l-attivitajiet ta’ security officers u bouncers ingaġġati minn bars u nightclubs.
Hemm il-ħsieb li l-emendi neċessarji, li għandhom jistipulaw kemm id-dmirijiet ta’ dawn il- persuni, kif ukoll it-taħriġ u l-permessi li jkollhom bżonn sabiex jippratikaw l-attivita’ tagħhom jiġu ppublikati u fis-seħħ matul is- sena 2009.
Qorti — tħarrik fuq moħqrija lill-annimali/fjuri/natura
Question
Jista' l-Minsitru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tresqu l-Qorti mill-Pulizija u/jew imħarka għaliex wettqu moħqrija fuq annimali/fjuri/natura f'Malta u f'Għawdex separatament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena kien hemm 4 persuni li l-pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra tagħhom fuq akkużi ta' moħrija fuq annimali. Ma tinżammx statistika separata dwar vandaliżmu li jitwettaq fuq fjuri, pjanti jew siġar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu in-numru ta' inċidenti tat-traffiku rapurtati lill-Puluzija minn Jannar sa Settembru ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu fatali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena kien hemm 3,059 inċident tat-traffiku rrappurtat lill-pulizija. Minn dawn kien hemm 12 li kienu fatali.
Ħlas tal-overtime lill-Pulizija — Elezjoni Ġenerali
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitħallsu l-pulizija tal-overtime li ħadmu fl-elezjoni ġenerali? Għaliex seħħ dan id-dewmien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-aħħar bilanċ ta' fondi meħtieġa biex isir il-ħlas dovut lill-membri tal-Korp tal-Pulizija se jiġi mgħoddi fil-Vot tal-Pulizija fil-jiem li ġejjin. B'hekk ikun jista' jsir il-ħlas lil dawk il-membri tal-Korp li ħadmu overtime in konnessjoni mal-Elezzjonijiet Ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar rikonoxximent legali ta' żwieġ Musulman?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rikonoxximent ta’ kull żwieġ li jiġi magħmul jew reġistrat f'pajjiż barrani permezz tar-reġistrazzjoni tiegħu fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta hu regolat bl-artikolu 244 tal-Kodiċi Ċivili soġġett għall-Ordni Pubbliku tal-pajjiż. Kull talba għal reġistrazzjoni ta’ żwieġ jiġi eżaminat każ b’każ u jekk it-talba tkun konformi ma’ dak previst fl-artikolu msemmi u ma jkun hemm xejn li jmur kontra l-Ordni Pubbliku, dak iż-żwieġ jiġi reġistrat. Dan japplika għaż-żwieġijiet kollha inklużi dawk bir-rit Musulman.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex lest jikkonsidra li jdaħħal il-kunċett ta' curfew għat-tfal ġo areas ta' divertiment bħalma ddaħħal ġo pajjiżi oħra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Il-materja indikata mill-Onorevoli Interpellant m'hix responsabbilita' ta' dan il-Ministeru. Għadaqstant nitolbu jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu tfal jixorbu alkoħol is-sena l-oħra u din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi s-sena l-oħra kien hemm 9 żgħażagħ taħt l-eta' li nqabdu li kellhom l-alkoħol fil-pussess tagħhom, filwaqt li sa l-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena inqabdu 11.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni l-ħabs illum? Kemm huma nisa u kemm irġiel? X'eta' għandhom? Kemm huma Maltin? Kemm minnhom huma sentenzjati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sal-11 ta' Settembru 2008, kien hemm 426 persuna ġewwa l-Faċilta' Korrettiva ta' Kordin. Minn dawn 407 huma irġiel u 19 nisa. L-eta' ta' l-irġiel tvarja bejn l-14 u l-71 sena, filwaqt li fil-każ tan-nisa l-eta' hija ta' bejn il-15 u s-60 sena. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' Maltin huwa ta' 286, li minnhom hemm 228 sentenzjati.
Jista' l- Ministru jgħid kemm suppopst li hu l-complement tal-Korp tal-Pulizija ? Kemm fil-fatt hemm membri u f'liema kariga qegħdin? Kemm hemm membri nieqsa (jekk inhu l-każ) f'kull rank u meta hemm il-ħsieb li jintlew dawn il-karigi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm suppost li hu l-complement tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Kemm fil-fatt hemm membri u f'liema kariga qegħdin? Kemm hemm membri nieqsa (jekk inhu l-każ) f'kull rank u meta hemm il-ħsieb li jintlew dawn il-karigi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi r-reklutaġġ fid-dipartimenti tal-Gvern, inkluż ovvjament dak tal-Protezzjoni Ċivili, jiddependi prinċipalment mill-ħtiġijiet attwali ta’ riżorsi umani li jistgħu jitbiddlu maż-żminijiet, b’enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li jsir l-aqwa użu mir-riżorsi disponibbli inkluż redeployment, jekk ikun possibbli. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li fil-fatt qed isir studju sabiex jiġi deċiż jekk in-numru ta' impjegati regolari preżenti hux adegwat għall-ħtieġijiet preżenti.
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant fit-tieni parti tal-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu numri ta' serqiet reġistrati lill-Puluzija fuq karozzi, djar privati, u ħwienet/entitajiet kummerċjali minn Jannar sa Settembru ta' din is-sena fil:-
1. Qawra?
2. Mellieħa?
3. San Pawl il-Baħar?
4. Manikata?
5. Mġarr?
6. Buġibba?
7. Xemxija?
8. Dingli?
9. Mtarfa?
10. Rabat?
11. Żebbuġ?
12. Burmarrad?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu twil normalment il-perijodu ta' żmien biex kawża tiġi appuntata? B'referenza għal kull maġistrat u mħallef, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem kull wieħed u kemm hemm kawżi li għad iridu jiġu appuntati quddiem kull wieħed?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba fl-ewwel domanda u fit-tieni parti tat-tieni domanda għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra. Għar-rigward l-ewwel parti tat-tieni domanda din, flimkien ma' informazzjoni oħra tinsab fuq il-website www.justice.gov.mt. Din l-informazzjoni qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni il-Qorti fuq każi ta' pedofilija din is-sena u x'weħlu f'kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena, tressqu 19 il-persuna quddiem il-Qorti fuq akkużi ta' abbuż sesswali fuq minorenni, liema każijiet għadhom kollha pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu f'tul ta' żmien l-iktar bniedem li ngħata s-servizz ta' għassa wara biebu mill-pulizija? Min jiddeċiedi kemm iddum din l-għassa? Iċ-ċittadin li jingħata din l-għassa, jkun irid jobdi xi direttivi mingħand il-pulizija dwar il-mod kif jgħix bħal, per eżempju, fejn imur fil-ħin liberu tiegħu, meta joħroġ jew jidħol fid-dar, x'tip ta' karozza jsuq, meta jsiefer, eċċ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1937.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kmamar tal-logħob tan-nar f'Malta u Għawdex, lokal b'lokal? Kemm hawn persuni li għandhom taħriġ b'liċenzja A u B? Min jorganizza dan it-taħriġ? Kemm idum it-taħriġ li jsir lil dawn il-persuni qabel ma jingħataw il-liċenzja? Min hu responsabbli biex jara li l-istandards fil-kmamar tan-nar jinżammu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent hawn 39 kmamar tan-nar hekk kif jidher fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li hawn 152 persuna li għandhom liċenzja taħt il-kategorija A u 930 persuna li għandhom liċenzja taħt il-kategorija B. Infurmat ukoll li t-taħriġ jiġi organizzat mill-kumitat dwar l-esplossivi u huwa mifrux fuq għaxar sigħat. Id-detentur ta' liċenzja ta' fabbrika liċenzjata għax-xogħolijiet tan-nar huwa responsabbli sabiex jiżgura li tkun qed tiġi mħarsa kull restrizzjoni jew kundizzjoni dwar dik il-fabbrika.