Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat – Triq San Pawl – bdil tad-direzzjoni tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li ser tinbidel id-direzzjoni tat-traffiku fi Triq San Pawl fir-Rabat? Jekk fl-affermattiv, min għamel din it-talba u għal liema raġuni?

Response (BORG, IAN)

Ninfoma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta m’għanda l-ebda talba relatata ma’ bdil ta’ direzzjoni tat-traffiku fi Triq San Pawl, ir-Rabat.

Triq Burmarrad – bankini maqlugħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet li wara li ftit tal-ġimgħat ilu tlesta xogħol infrastrutturali ġewwa Triq Burmarrad minn Infrastructure Malta, matul dawn l-aħħar ġranet, reġgħu bdew jinqalgħu l-bankini ta’ parti sostanzjali tal-istess triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-għan prinċipali tal-investiment ta’ €3.5 miljun minn Infrastructure Malta għal Triq Burmarrad huwa li jnaqqas ir-riskji t’aċċidenti tul din it-triq ta’ 2.5 kilometri u l-konnessjonijiet tagħha ma’ toroq arterjali, residenzjali u rurali fil-viċin. F’diversi partijiet mit-triq u fejn jaqsmu toroq oħrajn minn ġo fiha spiss kienu jseħħu aċċidenti u tul is-snin ġraw diversi ħabtiet li kelllhom konsegwenzi serji, l-iżjed minħabba nuqqas ta’ miżuri li jiskoraġġixxu s-sewqan eċċessiv u li vettura taqbeż oħra. Filwaqt li l-proġett ma kienx jinkludi twessigħ tat-triq biex isiru korsiji ġodda għall-vetturi, il-junctions kollha tul din ir-rotta nbnew mill-ġdid b’disinn għal aktar sigurezza. Għal dan il-għan, il-proġett jinkludi l-ivilupp ta’ diversi miżuri ta’ sigurezza fl-ispazju eżistenti tat-triq, bħalma huma crash barriers ġodda bejn il-korsiji f’direzzjonijiet opposti. Qabel it-triq ma kien fiha xejn biex jiġu evitati ħabtiet frontali bejn karozzi li jkunu ġejjin kontra xulxin. L-aġenzija għamlet crash barriers tal-konkos li huma ddisinjati apposta biex inaqqsu r-riskji li vettura tinqaleb jew li jseħħu ħabtiet frontali, u b’hekk jonqsu r-riskji ta’ ferimenti gravi u konsegwenzi oħra. Din is-sistema ta’ crash barriers ċertifikati bil-marka CE intużaw l-ewwel darba fi proġetti oħrajn li saru minn Infrastructure Malta fl-2019. Infrastructure Malta ifformat ukoll roundabout ġdida għal konnessjonijiet aktar siguri ma’ Triq Tal-Ħmieri u Triq Għajn Rihana biex tiffaċilita l-aċċess b’mod aktar sigur anke lejn inħawi rurali fil-viċin. Minbarra li tiffaċilita b’aktar sigurezza l-konnessjonijiet mat-toroq li jmissu magħha, billi issa hemm il-crash barriers li ma jippermettux li vetturi jaqsmu minn naħa għal oħra tat-triq, ir-roundabout qed tgħin ukoll biex tagħti aċċess aħjar għad-djar, negozji, postijiet tax-xogħol, art agrikola u postijiet oħra li hemm matul l-istess triq. Fl-istess ħin, ir-roundabout innifisha sservi wkoll bħala miżura oħra li tkompli trażżan sewqan eċċessiv mill-vetturi meta jkunu qed joqorbu lejn dan is-salib it-toroq. Il-proġett kollu kien iddisnjat skont speċifikazzjonijiet internazzjonali u jekk dawk li jkunu għaddejjin minn din it-triq isegwu d-direzzjonijiet tat-tabelli u jsuqu skont ir-regolamenti applikabbli, allura kif ġiet it-triq issa jkunu qed jiżguraw li jkollhom ferm inqas riskju ta’ xi ħabta jew aċċidenti oħra. Ir-roundabout innifisha għandha wkoll diversi miżuri ta’ sigurezza. Fil-fatt, qabel ma toqrob lejn ir-roundabout saru tabelli, sinjali mmarkati fuq l-asfalt, kif ukoll strippi ta’ tumbati baxxi (magħrufin bħala rumble strips) biex iġiegħlu lis-sewwieqa jindunaw li għandhom inaqqsu l-veloċità. Diversi partijiet minn din ir-rotta nksew ukoll b’materjal ta’ frizzjoni għolja (high friction) biex ikompli jnaqqas ir-riskji tal-iskiddjar, u b’hekk it-triq tkun aktar sigura anke għal vetturi kbar. B’hekk, illum it-triq hija ferm aktar sigura milli kienet sa ftit ġimgħat ilu, qabel beda dan il-proġett. Il-partijiet mil-bankina li jisporġu ‘l barra fit-triq u li qed jinqalgħu mhumiex parti mill-proġett li tlesta ftit ilu, imma dawn kienu saru minn amministrazzjoni preċedenti u kienu qed joħolqu periklu għas-sewwieqa, iżda aktar u aktar għaċ-ċiklisti. Għalhekk, ittieħdet deċiżjoni li jitneħħew. Wara li rċeviet xi lmenti dwarhom, u dwar il-fatt li setgħu anke jirristrinġu l-aċċess f’każ ta’ xi emerġenza, Infrastructure Malta qed terġa’ tintervjeni fit-triq biex dawn il-partijiet tal-bankina sporġuti ‘l barra fil-korsija tar-roti jitneħħew. Minkejja li se jitneħħew dawn il-partijiet, il-bankina xorta se tibqa’ wiesgħa biżżejjed għal aċċess pedonali sigur, skont l-istandards applikabbli.

National Cycling Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta n-'National Cycling Policy' ser tiġi ppublikata peress li l-perjodu ta' konsultazzjoni fuq dan il-dokument skada sentejn ilu, u ċjoè fil-31 ta' Jannar 2019? X'inhi r-raġuni li dan id-dokument qatt ma ġie ppubblikat?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li n-‘National Cycling Strategy u Policy’ flimkien mar-riżultat tal-konsultazzjoni fuq tali dokument huma l-qafas li fuqu qiegħed isir ix-xogħol tal-linji gwida. Għaldaqstant, in-‘National Cycling Strategy, Policy u Guidelines’ se jiġu ppubblikati bħala dokument wieħed biex inizzjattivi u miżuri relatati maċ-ċikliżmu jiġu dejjem ippjanati u implementati b’mod olistiku.

Mosta -Triq San Pawl tal-Qlejgħa u Triq il-Kbira – xogħlijiet fuq water culvert

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 18314, jista' l-Ministru jgħid l-ilma tax-xita li qed ikun miġbur b'water culvert minn Triq il-Kbira: a. meta se jintemm dan il-proġett li l-istess Ministru qed jgħid 'imbagħad se jiġi estiż sabiex finalment imur fil-wied'; b. x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern rigward dan il-water culvert; minn fejn se jkun estiż dan il-water culvert biex finalment jerfa' l-ilma fil-wied; għal liema parti tal-wied qed jirreferi l-Ministru; c. ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta' dan il-proġett sabiex il-Gvern juri pjan ħolistiku ta' dan il-proġett; u d. meta se jkun sar il-proġett li finalment jaqgħad il-water culvert mal-Wied?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Informazzjoni għadha qed tinġabar.

Triq Burmarrad – xogħlijiet fuq triq u bankina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-ispiża fil-proġett tax-xogħol li sar fi Triq Burmarrad biex reġgħet inbniet mill-ġdid din it-triq? Jista' jgħid għal liema raġuni qed terġa' tinqala’ l-bankina li kienet għadha kemm inbniet u issa qed terġa' titkisser? Jista' jgħid kemm se tkun l-ispiża tal-ħidma li qed issir biex titkisser bankina u biex din l-istess bankina terġa' tinbena mill-ġdid?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18560 tal-istess Seduta.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – restrooms għal persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il restroom fil-binja tal-Ministeru tiegħu hija aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li hemm restroom waħda li hija aċċessibli għal persuni bi bżonnijiet speċjali fil-binja fejn qiegħed l-uffiċċju tiegħi. Tajjeb li nżid ukoll li kemm Project House, kif ukoll Block A f’Belt is-Sebħ huma mgħammra b’rest room b’karatteristiċi simili.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – komunikazzjonijiet bil-miktub aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-Ministeru tiegħu u entitajiet li jaqgħu taħtu sabiex jara li komunikazzjonijiet bil-miktub ta' kull tip li jintbagħtu bil-posta jew mezzi oħra, ikunu f'format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl?

Response (BORG, IAN)

L-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf li, waqt li l-ebda ministeru jew entità fi ħdan il-Gvern m’għandu aċċess għal informazzjoni dwar persuni b’diżabilità u x’tip ta’ diżabilità jsofru minnhom, hu prattikament impossibbli li kull korrispondenza li tintbagħat bil-posta tradizzjonali tkun ukoll f’format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl. Minkejja dan, fil-każ ta’ korrispondenza diġitali, nixtieq intenni li l-entità governattiva Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġika tal-Informatika (FITA) toffri dan is-servizz lil kull individwu jew entitaijet li jitolbu din l-għajnuna biex jaqdu l-klijentela tagħhom bi spiża mħallsa mill-individwu jew l-entità. Fil-fatt dawk li, minn jeddhom jitolbu l-assistenza tal-istess Fondazzjoni, jiġu ggwidati fl-installazzjoni ta’ programm apposta (software) biex il-kompjuter personali tagħhom ikun jista’ jaqralhom kull imejl li jirċievu, inkluż bl-ilsien Malti. It-taħriġ hu bi ħlas, filwaqt li l-programm hu b’xejn. Nenfasizza li kull każ jiġi kkunsidrat fuq il-bażi individwali, inkluż biex tintuża l-aħjar teknoloġija assistiva, li tvarja minn Optical Character Recognition (OCR), Screen Reader, Braille jew anke tipa mkabbra. L-istess assistenza tvarja wkoll skont l-apparat li jkun se jintuża għal dan il-għan, bħal PC/laptop, mobile u/jew tablet, u anke skont il-platform użat, jiġifieri Windows jew MAC, Android jew Apple, eċċ.

Bormla – Triq l-Oratorju – xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’xogħlijiet qed isiru fi Triq l-Oratorju f’Bormla, meta ser ikunu konklużi u kemm ser jintefaq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit ¿mien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità ta’ Bormla diġà bniet mill-ġdid Triq Alessandra, Triq San Ġorġ, Triq il-Pellegrinaġġ u Triq l-Iljun. Waqt li bħalissa qed issir Triq l-Oratorju, diġà hemm ippjanati biex fix-xhur li ġejjin jinbdew ukoll Triq San Franġisk, Triq Santa Margerita, Triq Ċetta Mintoff u Triq Wiġi Rosato. L-istima preliminari tax-xogħlijiet fit-triq indikata hija ta’ €403,888 bla VAT u dawn jikkonsistu fi bdil tas-servizzi taħt l-art partikolarment dak tal-ilma, bini mill-ġdid ta’ partijiet mill-bankini, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid lit-triq b’diversi kisjiet t’asfalt. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Ħal Qormi – roundabout tal-erba’ qaddisin – xogħol ta’ tisbiħ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15101 li kienet titlob lill-Ministru biex ġentilment jassigura, peress li issa għaddew diversi xhur minn meta sar ix-xogħol ta’ twessigħ tat-toroq tal-madwar, jista’ jerġa’ jirrestawra r-roundabout tal-area magħrufa bħala tal-Erba’ Qaddisin għall-istat tajjeb li kienet fih? Peress li snin ilu din ir-roundabout fid-daħla prinċipali ta’ Ħal Qormi kienet imsebbħa mill-Kunsill Lokali Qormi b’monument tal-Gran Mastru Pinto u bi shrubs/xtieli li jesponu b’mod sħiħ il-frażi Citta Pinto biex tilqa’ u tagħti merħba lin-nies deħlin f’Ħal Qormi, jista’ jara li dan ix-xogħol ta’ tisbiħ jerġa’ jsir? Għaliex il-Ministeru li kisser din ir-roundabout biex jagħmel xogħol ieħor ma jħossx ir-responsabbiltà li jirranġa fejn kisser għal-livell li kien qabel sar ix-xogħol? Jekk il-Ministru mhux il-Ministru responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet, jista’ jgħid liema Ministeru kien responsabbli minn din it-traskuraġni li issa ilu madwar sentejn?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li mhux minnu li din ir-roundabout tkissret u tħalliet fi stat ta’ traskuraġni kif qed jiġi allegat, tant li kulma hemm nieqes minn dak kollu li semma l-Onorevoli membru wara li ġiet modifikata hija l-frażi Citta Pinto, huwa ppjanat li fiż-żmien li ġej id-dehra ta’ din ir-roundabout tkompli tissebbaħ.

Is-sitt u s-Seba’ Distrett – Tarmak li sar minn Fondi ta’ Infrastructure Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il triq saret bit-tramak minn fondi ta’ Infrastructure Malta mill-2013 (inkluż dawk mgħoddija lill-kunsilli lokali) sal-lum fil-lokalitajiet kollha tas-6 u s-7 distrett? Jista’ jagħti l-informazzjoni lokalità b’lokalità u b’total ta’ metri għal kull lokalità u sena b’sena? Jista’ jgħid min kienu l-kuntratturi f’kull każ? Kemm kienet in-nefqa f’kull każ?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – tender/direct orders lil kumpanija/individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu taw xi tender jew direct order lill-kumpanija jew l-individwu li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-2013 sa issa? Jekk iva, jista’ jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li, skont ma jien infurmat, mill-informazzjoni miġbura mill-Ministeru u l-entitatijet li tagħhom jien responsabbli jirriżulta li fl-2018 ingħataw direct order kull waħda minn Projects Malta u Projects Plus, b’total ta’ €8,000 lill-kumpanija msemmija separatament. Fiż-żewġ okkażjonijiet, dawn ingħataw wara li kienu l-irħas offerta minn tliet kwotazzjonijiet miġburin għal servizzi dwar l-implimentazzjoni tar-Regolamenti għall-Protezzjoni tad-Dejta (GDPR).

L-Imdina – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18169 u 17902 u jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq tal-Imdina, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.

Ħ’Attard – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17899 u 18170 u jgħid: a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Ħ’Attard, triq b’triq; b. kemm minn dawn għadhom attivi; c. quddiem liema proprjetà; d. għal liema skop huma riservati; u e. meta saru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.

Infrastructure Malta – bini ta’ pont mill-Imrieħel għal Ħal Qormi

Question

B’referenza għat-tweħiba għall-mistoqsija parlamentari 17873, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Pjan Nazzjonali għat-Trasport u jispjega d-dettalji li hemm f’dan ir-rapport għall-problema enormi tat-traffiku u parkeġġ f’Ħal Qormi? Jista’ jgħid liema huma u jippubblika kull pjan li għandu għall-immaniġġjar tat-traffiku f’Ħal Qormi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ‘Transport Master Plan, 2025’ jistabilixxi l-prinċipji tal-politika nazzjonali tal-parkeġġ, li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajet rilevanti fl-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tal-parkeġġ fuq livell lokali. Intant il-proċess ta’ immaniġġjar tat-traffiku huwa proċess għaddej kontinwu skont il-ħtieġa kurrenti tal-lokal.

Imrieħel — Proġett ta’ pont - Kamra tan-nar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17879 u għall-konferenza stampa mogħtija nhar id-19 ta’ Diċembru 2020 minn numru ta’ bdiewa dwar proġett ta’ pont fir-raba’ biswit il-bypass tal-Imrieħel, jista’ l-Ministru jagħti ċertezza u jgħid jekk il-Kamra tan-Nar 23 ta’ April u l-ħruq tan-nar tal-festa ta’ San Ġorġ Ħal Qormi humiex ser ikunu affetwati b’dan l-i¿vilupp?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bi pjaċir nista’ nikkonferma li l-Kamra tan-Nar 23 ta’ April mhux ser tiġi affetwata b’dan l-iżvilupp. Rigward l-ħruq tan-nar tal-festa, nitlob lill-Onorevoli biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Ħal Qormi — Triq San Bastjan - pavimentari

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15097 u għat-tweġiba għall-mistoqsija 15391 li titkellem speċifikament dwar kwistjoni ta’ periklu għas-saħħa u sigurtà fit-toroq tagħna (f’dan il-każ partikolari f’San Bastjan quddiem il-bank HSBC u l-knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan), u la issa l-Ministru kkonferma li hija Transport Malta l-awtorita finali dwar it-toroq, jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta spezzjonatx ix-xogħol biex tara sarx skont is-sengħa u l-arti fuq il-pavimentar imsemmi? Jista’ jgħid jekk sarux spezzjonijiet wara li sar ix-xogħol eżatt jew tal-anqas fl-aħħar xhur fejn huwa ċar li hemm diversi ilmenti dwar dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikazzjoni dwar din it-triq? Meta sar ix-xogħol? Min ikkummisjonah? Liema fondi ntużaw? Min kien il-kuntrattur? Min kien il-Perit li ċċertifika x-xogħol ma’ Transport Malta? Jista’ jgħid jekk hux infurmat li l-parti msemmija f’Triq San Bastjan speċjalment fix-xita, imma mhux biss, qed tiżloq ħafna b’periklu kemm għas-sewwieqa kif ukoll għar-residenti li jkunu mexjin fl-akkwati? X’passi ħa jieħu l-Ministru biex jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tar-residenti ta’ Ħal Qormi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li x-xogħol ta’ pavimentar li qed jirreferi għalih ġie kkummisjonat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi u dan beda’ f’Lulju 2018 u tlesta f’24 ta’ Ottubru ta’ l-istess sena mill-kuntrattur RMS Ltd. L-uffiċċjali ta’ Transport Malta għamlu 9 spezzjonijiet matul iż-żmien li kienu qedgħin issiru x-xogholijiet u ma sabu l-ebda rregolarita.Tajjeb li jingħad ukoll li għand l-Awtorita’ qatt ma waslu rapporti jew ilmennti rigward dan il-proġett. Minħabba li dan ix-xoghol ma kienx ikkummsijonat mill-Awtorità ma kienetx hi responsabli miċ-ċertifikazzjoni tal-proġett, iżda hija r-responsabilità tal-kunsill lokali li f’każ ta’ periklu tieħu ħsieb il-manutenzjoni u li tissalvagwardja s-saħħa u sigurtà tar-residenti.

Ħal Qormi – Triq San Bartilmew – traffic calming measures

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16500 li kienet tgħid li diversi drabi qed jiġi nnotat sewqan perikoluż fi Triq San Bartilmew ħdejn il-Knisja l-kbira ta’ San Bastjan li hija żona residenzjali u frekwentata minn ħafna nies li jmorru l-knisja, l-iskola jew jixtru mill-ħwienet tal-madwar u mill-monti u wara inċidenti reċenti li setgħu kienu faċilment aktar gravi u anke fatali fl-istess triq fejn karozzi telgħu bankina u qaċċtu sub post office box u għollewa kważi m’għola sular u saħansitra baqgħu deħlin u għamlu ħsara fil-proprjetà tan-nies, jista’ l-Ministru jgħid jekk wara tliet xhur li tlabtu biex jieħu l-passi meħtieġa u jimplimenta miżuri ta’ traffic calming measures fl-inħawi, fosthom speed camera, ikkonsultax ma’ min kellu jikkonsulta u ħax id-deċiżjonijiet li kellu jieħu? Jista’ jieħu azzjoni immedjata? Jista’ jgħid sa meta se jkun lest dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif imwieġeb għal Mistoqsija Parlamentari 16500 ta’ Seduta 370, Transport Malta għamlet kuntatt mal-Kunsill Lokali f’dan ir-rigward fejn il-Kunsill Lokali qabel li hemm bzonn Traffic Calming measures fiz-zona msemmija. Transport Malta talbet lill-Kunsill Lokali biex jissottometti applikazzjoni f’dan ir-rigward.

Ħal Qormi – Triq il-Vitorja – miżuri ta’ traffic calming

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15937 jista’ l-Ministru jgħid ikkonsultax u fassalx u bediex jimplimenta pjan serju u effikaċi ta’ miżuri ta’ traffic calming għal Triq il-Vitorja Ħal Qormi biex jevita l-periklu ta’ kuljum li qed jilmentaw minnu r-residenti? Wara li residenti ilmentaw dwar il-periklu li qed joħolqu vetturi minħabba over-speeding huma u neżlin minn din it-triq, speċjalment imma mhux biss, minn Triq l-Imdina sa ħdejn il-Knisja tal-Vitorja u f’salib it-toroq ta’ bejn Triq il-Vitorja, Triq Dun Ġwakkin Schembri u Triq Ġużè Muscat Azzopardi, jista’ jgħid xi proposti ta’ traffic calming tressqu mill-Kunsill Lokali Qormi bl-iskop ta’ kontroll aħjar tat-traffiku f’din it-triq? Jista’ jgħid liema proposti minnhom ġew aċċettati u liema ma ġewx? Jista’ jagħti r-raġunijiet għaliex dawk il-proposti ma ġewx aċċettati? Jista’ jgħid x’inhuma l-proposti alternattivi tal-Awtorità tat-Trasport u l-Ministeru, għall-miżuri li ma ġewx aċċettati u jista’ jgħid jinkludux sleeping policeman, speed cameras, traffic lights jew miżuri oħra? Jista’ jagħti data sa meta se jiġu implimentati l-miżuri ta’ traffic calming measures fi Triq il-Vitorja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif imwieġeb għal Mistoqsija Parlamentari 15937 ta’ Seduta 355, Transport Malta għamlet kuntatt mal-Kunsill Lokali u l-unika talba li tresqet f’dan ir-rigward kienet dik għal road hump, liema hump ġiet irrifjutata mill-Awtorita’ minħabba l-fatt li din kienet qiegħda tiġi proposta fir-round about junction.

Iċ-Ċirkewwa – miżuri ta’ sigurtà ma’ wieħed mill-mollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara x’passi/miżuri ta’ prekawzjoni jew sigurtà jistgħu jittieħdu mill-awtoritajiet konċernati fiż-żona ta’ wieħed mill-mollijiet taċ-Ċirkewwa indikat fil-link hawnhekk (https://fb.watch/310aVQd7IN/) u dan biex jiġu evitati traġedji wara li fl-aħħar ġimgħat, erba’ karozzi spiċċaw fil-baħar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li bħala miżuri ta’ prekawzjoni u ta’ sigurtà l-Awtorità ser tkun qedgħha żżid l-ammont ta’ barrikati tal-metall ma dawk diġa’ eżistenti u ser jitwaħħu tabelli biex jillimitaw l-użu tal-parkeġġ fiż-żona tal-mollijiet taċ-Ċirkewwa.

Naxxar – Triq il-Milizja – wiċċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jinforma lill-Kamra meta Triq il-Milizja ġewwa n-Naxxar ser tingħata wiċċ ġdid,peress li din tinsab fi stat ħażin ħafna u ilha abitata ‘l fuq minn erbgħin sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-ċOnor. Interpellant li bit-twaqqif ta’ Infrastructure Malta t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajji¿na jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Fil-ftit ¿mien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità tan-Naxxar diġà bniet mill-ġdid Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq ix-Xbieki, Triq John Adye, Triq San Franġisk t’Assisi u Triq San Pawl. Waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq il-Forġa, Triq il-Fortizza tal-Mosta u triq bla isem fi Vjal il-Labour, Triq il-Milizja diġà kienet ippjanata biex tinbena mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ toroq oħrajn f’din il-lokalità li jinkludu Triq il-Ġdida, Triq il-Magħtab, Triq Leli Falzon, Triq Ġdida fi Triq tat-Tarġa u Triq Santa Klara. Infrastructure Malta diġà għamlet ukoll xogħlijiet f’diversi toroq oħrajn fil-lokalità tan-Naxxar. Dawn kienu jinkludu xogħol fit-Telgha ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, Triq Tal-Balal, roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, kif ukoll titjib fir-roundabout junction bejn Triq il-Parroċċa and Triq San Pawl fost oħrajn. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.