Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Sptar Ġdid — Konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ma’ min saret il-konsultazzjoni dwar l-Isptar ġdid ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-FMS, il-Fondazzjoni tas-Servizzi Medici, hija l-entità responsabbli mill-infrastruttura tas-Saħħa f’Malta. L-FMS hija magħmula minn tim mdaqqas ta’ esperti, li jispeċjalizzaw fl-infrastruttura tas-saħħa. Saru wkoll konsultazzjonijiet ma' speċjalisti f'oqsma differenti tal-mediċina u l-kirurġija rigward ħtiġijiet kliniċi, awdituri rigward finanzjament u speċjalisti minn Transport Malta dwar il-helipad. Fil-ġimgħat li ġejjin issir konsultazzjoni ma' partijiet oħra interessati.

Għawdex – Sptar Ġdid – Disinn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta kienu magħmula l-pjanijiet jew id-disinni tal-Isptar ġdid ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Frar 2024 il-Ministeru u l-FMS ħadmu sabiex ikollna l-viżjoni u l-pjanijiet preżentati fil-Kabinett, fil-Parlament, kif ukoll fil-pubbilku.

Għawdex – Sptar Ġdid – Proċess għall-preżentazzjoni tad-disinn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm proċess neċessarju biex jiġu preżentati l-pjanijiet jew id-disinni tal-Isptar ġdid ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema proċess qed jirreferi. S'issa, il-pjanijiet li għandna f'idejna jservu ta' bażi soda għall-applikazzjonijiet u sejħiet t'offerti.

Sptar Mater Dei — Iċċekkjar ta’ stocks tal-mediċina - Jannar 2024

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18380 u jgħid kemm-il darba matul ix-xahar ta’ Jannar 2024, l-ispiżjara tal-Isptar Mater Dei żaru l-wards biex jiċċekkjaw l-istocks tal-mediċina u jekk kenux se jiskadu jew le?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull Ward u Dipartiment għandhom is-sistema tagħhom kif b’mod regolari jiċċekkjaw id-data tal-iskadenza tal-istocks tal-mediċini.

Sptar Mater Dei — Iċċekkjar ta’ stocks tal-mediċina - Frar 2024

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18381 u jgħid kemm-il darba matul ix-xahar ta’ Frar 2024, l-ispiżjara tal-Isptar Mater Dei żaru l-wards biex jiċċekkjaw l-istocks tal-mediċina u jekk kenux se jiskadu jew le?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19392.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Lista ta' xogħlijiet u ħlas

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' xogħol u ammonti ta' flus li tħallsu mill-Ministeru u minn kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija/i li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament għal kull sena, mill-2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptarijiet tal-Istat — Sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sodod fl-isptarijiet tal-Istat kemm f'Malta u kemm f'Għawdex għal kull mitt elf (100,000) abitant li għandna f'pajjiżna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-isptarijiet tal-Istat għandna 415.2 sodda għal kull mitt elf abitant f’pajjiżna.

Sptar Mater Dei u Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – Pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-pazjenti li għamlu użu mill-Isptar Mater Dei jew mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex fl-2023 kienu ta' nazzjonalità barranija u kemm minnhom kienu Maltin? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn għamlu operazzjonijiet, kemm għamlu użu mill-outpatients u kemm għamlu użu mis-servizz tal-emerġenza?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Hip replacement u knee replacement – Operazzjonijiet fuq pazjenti barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet tal-hip replacement u knee replacement fuq pazjenti ta' nazzjonalità barranija fis-snin 2022 u 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-Ministeru u minn kull entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu minn Jannar 2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll: (i) kemm kienet in-nefqa totali f’direct orders kull sena; (ii) kemm kien hemm direct orders kull sena; (iii) kemm kien l-ammont ta’ kull direct order; (iv) lil min ingħataw dawn id-direct orders u għal liema xogħol, prodott jew servizz; (v) min awtorizza dawn id-direct orders?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Continuous blood glucose monitoring

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija supplimentari li saret waqt is-seduta ta’ nhar it-Tlieta 7 ta’ Mejju 2024, jista’ l-Ministru jgħid u jikkonferma jekk il-Gvern iddeċidiex li l-continuous blood glucose monitoring jiġi estiż għal dawk kollha li jkunu għaddew minn intervent biex titneħħielhom parti jew il-frixa kollha?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ttieħdet deċiżjoni li kull pazjent li kellu kirurġija maġġura fil-frixa u qegħdin fuq l-insulina, jingħataw continuous blood glucose monitor. Gruppi oħra sal-età ta’ 55 sena, bdew jingħataw CGM. Oħrajn ’l fuq minn 55 sena, ser jingħataw CGM fi żmien qasir. L-ordni għal aktar CGM diġà saret. Sadanittant, dawk il-persuni sal-età 45 u li huma dijabetiċi Type 1, għandhom CGM. Pazjenti li huma tqal u fuq l-insulin ingħataw ukoll CGM.

Continuous blood glucose monitoring

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-continuous blood glucose monitoring li qal li se jiġi estiż għal dawk il-pazjenti kollha li jkunu għaddew minn intervent biex titneħħielhom parti jew il-frixa kollha, huwiex marbut ma' xi età?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19972.

Continuous blood glucose monitoring

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta se jiġu pprovduti l-continuous blood glucose monitoring lill-pazjenti li jbatu minn Type 1 Diabetes li għandhom bejn il-35 sena u 45 sena u lil dawk li kienu għaddew minn intervent biex titneħħielhom parti jew il-frixa kollha?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19972.

Sptar Mater Dei — Barranin li ħallsu għas-servizzi tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13700 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11436, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni barranin minn pajjiżi terzi li ħallsu għas-servizzi tas-saħħa ġewwa l-Isptar Mater Dei jew Ċentri tas-Saħħa bejn is-sena 2017 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien l-ammont li nġabar? Minn liema pajjiż kienu ġejjin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bejn l-2017 u Mejju 2024, l-ammont mħallas minn persuni barranin għas-servizzi tas-saħħa ġewwa l-Isptar Mater Dei u ċ-Ċentri tas-Saħħa kien jammonta għal €4,012,484.18c. Ninsab infurmat li l-persuni kienu ġejjin minn dawn il-pajjiżi: Afganistan, Afrika ta’ Fuq, Albanija, Alġerija, American Samoa, Arġentina, Arabja Sawdija,Armenja, Awstralja, Ażerbajġan, Bangladex, Belarus, Benin, Bosnja Herżogovina, Brażil, Burkina Faso, Chad, Ċili, Ċina, Eġittu, El Salvador, Emirati Għarab Magħquda, Ekwador, Eritrea, Etopja, Filippini, Gambja, Gana, Ġappun, Ġordan, Ġorġja, Guinea, Hong Kong, Islanda, Indja, Indonesja, Iran, Iraq, Irlanda, Iżrael, Jemen, Kamerun, Kanada, Każakstan, Kenja, Kolumbja, Kongo, Korea ta’ Fuq, Korea t’Isfel, Kosta tal-Ivorju, Kuwajt, Lebanon, Liberja, Libja, Maċedonja, Malasja, Mali, Marokk, Messiku, Mianmar, Moldova, Montenegro, Nepal, New Zealand, Niġer, Niġerja, Norveġja, Pakistan, Palestina, Panama, Peru, Reanju Unit, Russja, Serbja, Singapor, Sirja, Somalja, Sri Lanka, Stati Uniti tal-Amerika, Sudan, Svizzera, Tajlandja, Tajwan, Togo, Tunisja, Turkija, Uganda, Ukrajna, Urugwaj, Użbekistan, Veneżwela, Vjetnam.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2023?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16408.

EpiPen – Out of Stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li l-EpiPen tat-tfal ħafna drabi tkun out of stock u l-ġenituri ta' dawn it-tfal ikollhom isiefru jew jiddependu fuq xi ħadd li jkun imsiefer biex jakkwistawha minn xi pajjiż ieħor? Jista' jgħid xi pjan għandu biex din is-sitwazzjoni titranġa? Jista' jgħid ukoll jekk il-Gvern hux beħsiebu jintervjeni biex jara li mediċini indispensabbli bħal din, li għal dawn it-tfal hija d-differenza bejn ħajja u mewt, ikunu dejjem disponibbli?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi l-EpiPen hi fornuta mill-privat u jista’ jkun li xi kultant ma tkunx disponibbli minħabba short shelf life. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qed jikkunsidra li jixtri din il-mediċina u tipoġġa taħt Schedule V.

Nursing — Studenti li qed jispiċċaw il-kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk l-istudenti li qed jispiċċaw il-kors fin-nursing hawn Malta ġewx irrifjutati impjiegi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat l-ebda student li jispiċċa l-kors fin-nursing hawn Malta ma jiġi rifjutat impjieg sakemm ikun ikkonkluda l-kors b’suċċess, applika għas-sejħa u jkun reġistrat mal-Kunsill tal-Infermiera u l-Qwiebel.