Rabat Għawdex – Pjazza San Franġisk – traffic management
Question
Tista’ l-Ministru tgħid ta’ min hi r-responsabilità tat-traffic management għall-proġett tal-pavimentar u xogħol ieħor fi Pjazza San Franġisk ġewwa r-Rabat Għawdex?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan il-mument mhux ser ikun hemm tibdil f’rotot għall-vetturi. Meta jinħass il-bżonn, il-kuntrattur jieħu ħsieb li jimplimenta l-pjan li diġà ġie diskuss u approvat.
Gozo Alive – ħruġ ta’ tender għall-servizzi ta’ sound
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex għall-attività tal-Gozo Alive li ser tinżamm fi Pjazza Indipendenza s-Sibt 4 ta' Mejju 2019 ma nħarġitx tender jew sejħa għall-kwotazzjonijiet għas-servizz tas-sound meta dan ilaħħaq eluf ta' ewro meta imbagħad għal servizz simili imma ta' valur ħafna inqas, inħarġu sejħiet għall-offerti jew għall-kwotazzjonijiet? Min ingħata biex jagħmel dan ix-xogħol u x’inhu l-valur tiegħu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-artist internazzjonali ser ikun fi Pjazza Indipendenza fejn ġie kkonfermat fl-ewwel ġimgħa t’April.
Il-
management
tal-artist taw ir-rekwiżiti għas-sistema tas-
sound
ftit ġranet qabel l-attivita` u allura l-Ministeru rrikorra għall-proċeduri li normalment jintużaw f’ċirkostanzi simili.
Għawdex – Victoria u Żebbuġ – perit inkarigat mix-xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min hu l-perit inkarigat mix-xogħlijiet li ser isiru fi Triq il-Kapuċċini, Triq ir-Rabat, Triq Patri Ġaċintu Camenzuli, Triq Ġorġ Pisani, Triq ta’ Viani, fil-Victoria u Triq Marsalforn Żebbuġ (Gozo)?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Perit inkarigat minn dawn ix-xogħlijiet huwa magħżul mill-Expression of Interest tal-periti.
Inoltre, ninforma lill-Onor. Interpellant li diġa ħarġu t
-tenders
għat-toroq taż-żona tal-Kapuċċini li huma:
· Triq Michele Busuttil
· Triq Mary Meilaq
· Triq Forn il-Ġir
· Triq Mattia Preti
· Triq ta’ Wara s-Sur
It-tenders qed jiġu evalwati.
Ministeru għal Għawdex – ġbid u xogħol ta’ editing fuq videos
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min qed jiġbed il-videos u jagħmel ix-xogħol ta’ editing tal-filmati li qed jidhru fuq il-mezzi soċjali, tax-xogħol li jkun qed isir mill-Ministeru għal Għawdex? Kif intgħażel, kemm-il siegħa xogħol għamel s’issa, mil-liema xahar u sena beda jsir dan il-ġbid ta’ videos u xi kwalifiċi u esperjenza għandha dan il-persuna fuq il-ġbid u editing ta' videos?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan huwa xogħol li qed isir In-Housemis-Segretarjat Privat tiegħi.
Tista' l-Ministru tgħid liema xogħlijiet saru fil-Bajja ta’ San Blas fin-Nadur, Għawdex wara l-ħsarat kbar li kien hemm f'din il-bajja konsegwenza tal-maltemp qawwi li għamel din ix-xitwa? Tista' telenka x-xogħol li sar sa issa u x-xogħol li mistenni jsir qabel jibda l-istaġun tas-sajf?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-maltempata nbeda x-xogħol minnufih fuq il-bajjiet kollha ta’ Għawdex inkluż f’San Blas.
Persuni li għandhom il-HomeHelp – dikjarazzjoni għal xiri ta’ reċipjent għall-ħasil tal-art
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'kienet ir-raġuni li persuni li għandhom is-servizz HomeHelp, ġew mitluba mill-Uffiċċju tas-Sezzjoni tal-Anzjani fil-Ministeru għal Għawdex sabiex jiffirmaw dikjarazzjoni jekk humiex lesti li jixtru tip ta’ reċipjent għal ħasil tal-art?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat ingħata struzzjonijiet biex jinħarġu regoli ċari li l-ħasil tal-art għandu jsir bil-mopp u li kull klijent irid jipprovdi l-barmil u l-mopp biex l-Assistenti Soċjali ma jbatux. Inħareġ avviż lil kull klijent b’dawn l-istruzzjonijiet fejn kienu mitluba jiffirmaw dikjarazzjoni li dawn l-istruzzjonijiet waslu għandhom, dan sabiex inkomplu nisħqu fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema li jagħtu dan is-servizz.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8505 u ċjoè: Tista’ l-Ministru tgħid sena b'sena u xahar b’xahar minn Marzu 2013 sal-lum kemm hemm ħaddiema jaħdmu fil-Gozo Experimental Farm fix-Xewkija? X'inhu l-grad tagħhom? X’tip ta’ xogħol jagħmlu u x’responsabilitajiet għandhom? Kemm ilhom jaħdmu kull wieħed u waħda minn dawn il-ħaddiema fiċ-Ċivil u x’inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li f'dawn l-aħħar ġranet reġgħet tqaxxret parti min Triq Anton Tabone fir-Rabat Għawdex biex isir patching fiha? Tista’ tgħid x'inhi r-raġuni li proprju reġgħet qed tinqala’ l-istess parti li kienet saret ftit tas-snin ilu taħt amministrazzjoni u ministru differenti Laburista? Kemm kien ġie jiswa taħt il-Ministru preċedenti dan il-patching fl-istess parti tat-triq u kemm ser jiġi jiswa issa?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-patching sar minħabba l-fatt li peress li wara li saret triq Għajn Qatet mill-ġdid, beda jgħaddi nfluss qawwi ta` ilma tax-xita. Sabiex jitneħħa dan l-inkonvenjent, it-triq kien hemm bżonn li tiġi taqleb għan-naħa l-oħra, sabiex l-ilma joskula fil-gandott li jilqa’ l-ilma tax-xita. Meta dan l-aħħar tqaxxar il-wiċċ, irriżulta li partijjiet kbar minnha kienet mibnija fuq il-ħamrija u kellha terġa ssir.
Ministeru għal Għawdex – files jew dokumenti distrutti
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 7822 u 8284 u tgħid, f'kull Direttorat u entità li taqa' fid-dekasteru tagħha, kemm kien hemm files jew dokumenti li ġew distrutti a bażi tal-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data mis-sena 2013 sal-lum, maqsuma sena b'sena? X'tip ta' files jew dokumenti kienu u ta' liema uffiċċju jew taqsimiet kienu jappartjenu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Copy of PQ 9864 - files jew dokumenti distrutti.pdf
Tista' l-Ministru tgħid b'effett minn Ġunju 2017 sal-lum liema kienu t-toroq li ġew re-surfaced f'Għawdex jew li nbnew mill-ġdid mill-Ministeru tagħha? Tista' tagħti dawn it-toroq lokalità lokalità u tgħid kemm-il metru kwadru ta' toroq saru f'kull lokalità fl-istess perjodu? Tista' tgħid kemm intefqu f'kull lokalità fuq toroq mill-Ministeru tagħha fl-istess perjodu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar
Ministeru għal Għawdex – Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi
Question
Tista' l-Ministru tgħid fil-preżent kemm hemm Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi fil-Ministeru għal Għawdex? Tista' tgħid jekk fl-aħħar ġimgħat inħarġux calls biex jiżdiedu d-Diretturi Ġenerali, Diretturi jew Assistenti Diretturi? Jekk iva, għaliex inħasset il-ħtieġa li jkomplu jiżdiedu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent fil-Ministeru għal Għawdex hemm 1 Direttur Ġenerali, 5 Diretturi, u 14-il Assistenti Diretturi. Fl-aħħar ġimgħat reġgħu ħarġu sejħiet biex jimtlew il-pożizzjonijiet ta’ 2 Diretturi Ġenerali u 7 Diretturi, li uħud minnhom ser jiskadilhom il-kuntratt jew li ilhom vakanti għal xi żmien. Is-sejħiet il-ġodda huma għal 2 Diretturi, dak tal-Public Registry li kien qed jimtela’ minn Aġent Direttur u dak tal- Cultural Heritage fejn il-Ministeru ħass il-ħtiega li l-Wirt Kulturali, fosthom iċ-Ċittadella, jistħoqlu Direttorat għalih ħalli jiġi mħares aħjar.
Tista’ l-Ministru taġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Għar ta' Calypso ġewwa x-Xagħra Għawdex u tgħid jekk ix-xogħol ta' 3D scanning tas-sit u tal-għar tlestix? Tista’ tgħid ukoll jekk sarux studji oħra, u x'kienu l-konklużjonijiet tagħhom u f’liema xahar tas-sena 2019 hu ppjanat li jibda x-xogħol infrastrutturali?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-3D scanning tas-sit minn barra u tal-għar minn ġewwa tlesta. Dan ta' l-aħħar għandu jerġa’ jiġi ripetut minħabba li r-riżultati miksuba ma kinux dawk mistennija. L-istudji l-oħra li hemm ippjanati mistennija jibdew meta jitlestew it-3D scanning. Xogħlijiet ta’ moniteraġġ fuq is-saff ta’ tafal li hemm u kif dan jaffettwa il-moviment tal-blat irid jsir fuq perjodu ta’ erba’ staġuni. Ix-xogħlijiet ser jiġu ippjanati meta jkollna l-istudji lesti.
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li kien sar minn Colin Toms and Partners dwar il-fattibilità ta’ breakwater f’Marsalforn u tindika wkoll x’inhi l-ispiża stmata li jiswa l-imsemmi breakwater?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex ma kkummissjona ebda studju minn Colin Toms and Partners dwar il-fattibilita' ta' breakwater f'Marsalforn
Tista' l-Ministru tgħid kemm ser idumu jgħixu fit-trab il-familji ta' Triq Gorf fix-Xagħra, Għawdex u dan peress li t-triq tagħhom inqalgħet fil-bidu ta' Diċembru u llum, aktar minn 4 xhur wara, ix-xogħol ma tkompliex? Tista' tgħid jekk dawn il-familji għandhomx tama li fi żmien qasir ikollhom is-servizz tad-drenaġġ u x’inhu l-pjan tal-Ministeru tagħha biex f'din it-triq jgħaddi s-servizz tad-drenaġġ?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f'din it-triq ġie ripetutament imwaqqaf mill-Qorti wara proċeduri li saru minn uħud mir-residenti f'din it-triq. Il-Ministeru jifhem li dan huwa ta' inkonvenjent għar-residenti l-oħra iżda x-xogħol irid isir fil-parametri tal-ordnijiet mogħtija mill-Qorti.
Ministeru għal Għawdex — aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inizjattivi ttieħdu matul l-2018 u s’issa fl-2019 sabiex fil-Ministeru tagħha u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha, il-binjiet li minnhom joperaw, ikunu aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar audit ħolistiku tal-binja kollha tal-Ministeru u ser isiru xogħlijiet biex ikollna binja aċċessibbli u energy efficient biex ukoll tkun mudell ta’ binja amministrattiva li hija eco-friendly.
Apparti l-aċċessibilità fiżika, qed jittieħdu wkoll favur l-aċċessbilità b’mod ħolistiku u allura materjal informattiv bis-sottotitoli, bil-lingwa tas-sinjali u
easy to read
u addattat għall-persuni fuq l-firxa wiesgħa tal-awtiżmu. Dan apparti li f’kull proġett qed jiġu inklużi
loop systems
għall-persuni neqsin mis-smigħ,
pathways
għall-persuni neqsin mid-dawl u qed jiġu osservati l-linjigwida maħruġa mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità kif ukoll il-kunċett tal-Universal Design kif promoss mill-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Persuni b’diżabilità.
Ministeru għal Għawdex — nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjonijiet
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9313 u 9108 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8893, tista' l-Ministru:
a. tgħid kemm kien hemm nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjoni (skala 1 sa skala 5) f'dawn is-snin: 2009, 2010, 2012 u 2013 fid-dekasteru tagħha; u
b. tgħid jekk il-Ministeru tagħha għandux targets għall-Horizon 2020 u jekk iva, x'inhuma dawn it-targets u humiex se jintlaħqu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Min-naħa l-oħra, kif diġà ngħad, il-miri tal-Horizon 2020 u tal-Gvern huma identiċi. Għaldaqstant il-ħidma tal-Gvern biex jintlaħqu dawn il-miri hija waħda kontinwa.
Nerġa’ nfakkar li fis-servizz pubbliku kollu fil-preżent hemm 5,445 mara f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-grad ta’ Prinċipal jew ’il fuq, waqt li fit-top management tas-servizz pubbliku, minn skala 1 sa skala 5, hemm 426 mara.
Inżid li dan il-Gvern ħadem u se jibqa’ jaħdem kontra kull diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru fl-oqsma kollha.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8922, tista' l-Ministru taġġorna dwar il-Proġett ta’ Restawr tal-Fanal tal-Ġordan ġewwa Għawdex? X’sar s’issa? Kemm qed ikun hemm ħaddiema jaħdmu kuljum u x’inhu l-grad tagħhom? F’liema xahar u sena huwa ppjanat li jitlesta dan il-proġett? Kemm kienet in-nefqa s’issa fuq dan il-proġett?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ restawr fil-Fanal tal-Ġordan qed isir minn grupp ta’ 12-il ħaddiem tal-Ministeru għal Għawdex. Ix-xogħol jinvolvi restawr fuq il-binja kollha, kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa u qed isir skont il-permessi bis-sorveljanza tal-Heritage Planning Unit tal-Awtorità tal-Ippjanar minħabba li din hija binja ta’ importanza storika. Ix-xogħol qed ikun ikkordinat ma’ diversi stakeholders u huwa ippjanat li jitlesta f’Settembru 2019.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8709 u 8204 kollha u tgħid min hu l-perit inkarigat mit-tieni parti ta' Triq Sannat, Xewkija, kif intgħażel u kemm tħallas sa issa? Tista’ tgħid min ipprepara l-Bill of Quantities għal din it-triq?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-perit inkarigat huwa uffiċjal fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Il-Bill of Quantities, ġie rreferut mill-Kunsill Lokali ta’ Sannat.
Jiżdied jingħad li l-parti l-oħra li twassal sal-Pjazza ukoll ġiet iffinanzjata mill-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsill Lokali ħa ħsieb li joħroġ it-tenders u huwa responsabbli mill-project management.
Għajnsielem — Triq Sant’Antnin - tenders għal xogħlijiet
Question
Peress li l-Ministru qalet li sar Survey Report dwar Triq Sant’Antnin f'Għajnsielem Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li jinħarġu t-tenders għal din it-triq u jekk hux ser jibda x-xogħol infrastrutturali fuq din it-triq matul is-sena 2019?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-toroq qed jiġu ppjanati b’tali mod li jkollhom l-inqas impatt possibbli fuq it-traffiku. Din it-triq għalhekk hija pjanata li ssir hekk kif tkun lesta Triq iż-Żewwieqa li diġà ħareġ it-tender tagħha u hekk kif Triq l-Imġarr fin-Nadur tilħaq stadju iktar avvanzat. Flimkien ma’ dawn hemm ukoll il-pjanijiet għat-triq alternattiva mill-Imġarr li wkoll qed jiġu studjati mill-esperti.
Il-Ministeru diġà ħejja d-dokumenti kollha meħtieġa biex fil-mument opportun jinħareġ it-tender ta’ Triq Sant’Antnin li f’partijiet minnha trid tinbena mill-ġdid.