Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Ministeru tas-Saħħa bediex jiddiskuti l-problema tad-droga mal-Ministeru tal-Politika Soċjali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa ddiskuta din il-problema tad-droga mal-Ministeru tal-Politika Soċjali. It-taħdidiet bejn iż-żewġ partijiet għadhom għaddejjin. Qed isiru diskussjonijiet dwar kif iż-żewġ ministeri rispettivi, jistaw jikkontribwixxu sabiex is-servizzi jkunu aktar effiċjenti u effettivi. Filfatt minn naħa tad-dipartiment għas-Saħħa żied ukoll sessjoni minn psikjatra ġewwa l-aġenzija Sedqa. Qed jiġi diskuss ukoll kif nistaw nagħtu servizzi aħjar lis -stimulants addicts peress li l-programm eżistenti huwa iktar indirizzat għal heroin addicts .

Titjib tas-servizzi fl-immaniġjar ta’ persuni taħt l-influwenza ta’ sustanzi psikoattivi

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3574 u għall-kapitlu 5 tar-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali 2016 imsemmi Psychoactive Substance Misuse – the way forward, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed isir biex jitjiebu s-servizzi fl-immanġġar ta’ persuni taħt l-influwenza ta’ sustanzi psikoattivi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hekk kif jiġi ammess pazjent li jkun ġie kkonfermat li qiegħed taħt influwenza ta’ sustanzi psikoattivi, tiġi mfassla care plan personalizzata għal dak il-pazjent partikolari, bil-għan li dan il-pazjent tingħatalu l-kura meħtieġa minn tim multidixxiplinarju u bi qbil bejn il-pazjent u l-konsulent tiegħu. Il-pazjent jiġi riabilitat bl-aktar mod effettiv lura fis-soċjeta’. L-Isptar Monte Carmeli jżomm kuntatt kontinwu ma’ aġenziji mhux governattivi li jistgħu joffru servizzi ta’ riabilitazzjoni.

Wied il-Għajn – persuni li jirċievu s-servizz ta’ psychiatric outpatients

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni minn Wied il-Għajn li qed jirċievu s-servizz bħala psychiatric outpatients u kemm minnhom għandhom care plan?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta` persuni minn Wied il-Għajn li qed jirċievu s-servizz bħala Psychiatric Outpatients huwa 111. Dawn il-persuni kollha jkollhom careplan skont l-esiġenzi tagħhom.

Qasam tas-saħħa mentali – nefqa fuq servizzi fil-komunità u servizzi residenzjali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus fuq servizzi fil-komunità u fuq servizzi residenzjali fil-qasam tas-saħħa mentali fis-sena 2015, 2016 u 2017?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa totali għal servizzi fil-komunita’ li tinkludi ukoll servizzi residenzjali fil-komunita’ fil-qasam tas-saħħa mentali, fl-2015 kienet €7,198,265.00 filwaqt li fl-2016 kienet €7,755,133.00. L-informazzjoni għas-sena 2017 għadha qed tinġabar. Nfakkar lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2012 in-nefqa għal-istess servizzi kienet €6,088,953.00. Dan juri żieda ta’ €1,666,180 f’investment għall-kura ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li jgħixu fil-komunità mill-Gvern preżenti.

Trasferiment mill-Isptar Mater Dei għall-Isptar Karen Grech – każ ta’ persuna

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħmel kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li waqt li kienet qed tiġi trasferita mill-Isptar Mater Dei għall-Isptar Karen Grech għar-riabilitazzjoni, għal xi raġuni mhux determinata, waqt it-tali trasferiment intilfulha affarijiet personali kif ukoll hearing aids, liema hearing aids jammontaw għal aktar minn €1,000? Jista’ jinvestiga wkoll dan il-każ u jara x’jista’ jsir?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ qed jiġi segwit.

Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa​ – ħlasijiet lill-persuna u/jew il-kumpanija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista tal-ħlasijiet li saru lill-persuna u/jew il-kumpanija, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet, kumpaniji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu mill-2013 sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija? Jista’ jgħid jekk dawn ingħatawx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti? Jista’ jaqsam il-ħlasijiet sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma sar l-ebda ħlas lill-persuna u/jew il-kumpanija msemmija minnu separatament, mill-Ministeru għas-Saħħa u/jew mid-dipartimenti u l-entitajiet fi ħdanu.

Ħlas mill-VGH lill-Gvern

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3957, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ħallsu b’kollox, il-Vitals Global Healthcare (VGH) lill-Gvern minn kemm ilhom joperaw f’Malta sad-data ta’ din il-mistoqsija (u għalxiex sar dan il-ħlas b’mod itemised) u mhux sempliċement konferma li dawn ħallsu l-ammont dovut lill-Gvern kif stipulat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3957.

Hospital Concession Agreement mal-Vitals Global Healthcare

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3926, li kienet dwar servizzi li għalihom il-Gvern ħallas €50 miljun lill-Vitals Global Healthcare (VGH) u li fit-tweġiba għaliha ġejt mitlub biex nirreferi għall-mistoqsija parlamentari 3310, u peress li fit-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari m’hemmx indikati dawn is-servizzi, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'kienu dawn is-servizzi li għalihom ħallas il-Gvern Malti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont imsemmi minnu kien ħlas fiss dovut lill-imsemmija kumpanija, skont it-termini maqbula fil-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern u l-VGH.

Trattament ta’ anzjan

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li jsir kuntatt mal-anzjan lid-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament dwar trattament li għandu jsir bil-loppju, liema trattament li għandu jistenna għalih seba’ xhur, u l-anzjan jinsab b'uġigħ insapportabbli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ qed ikun segwit.

Każ ta’ Individwu b’marda terminali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara kif l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw seperatament u li jinsab rikoverat fl-isptar b'marda terminali, apparti li t-tobba stess iċċertifikaw li l-mard jinsab fi stadju avvanzat ġie rilaxxat u mibgħut id-dar? Jista’ jara l-każ, u jara li dan l-individwu jsib post f'home adattata fejn ikun jista’ jiġi assistit f'każ ta' emerġenza; f'każ li ma jistax jokkupa aktar sodda fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ qed jiġi segwit.

Islet Cell Transplantation — policies

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hiex se tkun policy fil-futur jew għandux intenzjoni il-Gvern jintroduċi t-terapija tal-Islet Cell Transplantation għall-pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni kronaka tad-dijabete tip 1?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-riżultati ta’ trattament bl-Islet Cell Transplantation f’ċentri speċjalizzati barranin qed jiġu studjati bil-għan li tiġi mistħarġa l-vijabbilita’ li jibda jingħata dan it-trattament.

Pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn – somma li għandu jiġbor il-Gvern

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi s-somma totali li l-Gvern għandu jiġbor għas-servizzi tas-saħħa li ħadu pazjenti barranin li ma kellhomx dritt għal servizz b’xejn?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Pazjenti bil-Hepatitis C li qed jieħdu l-kura f’pajjiżna

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3578, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fil-fatt kemm hemm pazjenti bil-Hepatitis C li qed jieħdu l-kura f’pajjiżna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’Malta għandna madwar 1000 persuna bl-Epatite C. Nfakkarha illi nhar l-Erbgħa 14 ta’ Frar id-dipartiment tas-Saħħa ippubblika l-istrateġija Nazzjonali għall-eradikazzjoni tal-Epatite C. Il-konsultazzjoni ser tkun miftuha għal 30 jum. Dan il-gvern għandu pjan kif jipprevedi milli din il-marda tkompli tinfirex filfatt il-pjan hu li sal-2025 dan il- virus ikun eradikat minn pajjiżna.

Prezzijiet tal-oqbra

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3577, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li l-prezz tal-oqbra tela’ minn €5,000 għall-€8,000?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-prezz ta’ qabar huwa ta’ €8,000 skont ir-regolamenti tal-Avviż Legali 425 tal-2016.

Privatizzazzjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata – evalwazzjoni tal-BAFO

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3576, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-proċess tal-evalwazzjoni tal-BAFO (Best and Final Offer) tal-privatizzazzjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata ġietx konkluża?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumitat responsabbli mill-evalwazzjoni għaddej bix-xogħol tiegħu wara li kellu jitlob numru ta’ kjarifiki qabel ma jasal għall-konklużjoni.

Riċerka fuq is-saħħa — nefqa

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3575, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, kif kienet imqassma n-nefqa msemmija fit-tabella annessa mar-risposta? Jista’ jgħid ukoll fuq liema riċerka ntefqu l-flus?

Response (FEARNE, CHRIS)

Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa ndikata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3575 tikkonċerna d-Direttorat għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka, ninfurmaha ukoll illi l-għan prinċipali ta' dan id-Direttorat huwa li tinżamm statistika akkurata fuq is-sistema tas-saħħa Maltija - kemm fis-settur privat u anke dak pubbliku, b'sistema ta' reġistri u stħarriġ regolari li issa huma stabbiliti sew. Id-Direttorat jipprovdi l-istatistika kollha meħtieġa fis-settur tas-saħħa lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika. Huwa wkoll meqjus bħala istituzzjoni nazzjonali tal-istatistika mill-EUROSTAT u jaqdi obbligi legali li għandha Malta lejn l-Unjoni Ewropeja f'dan ir-rigward, kif ukoll obbligi oħra ta' rapportaġġ lill-entitajiet internazzjonali oħra bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-OECD. Sadanittant l-informazzjoni tinżamm b'mod flessibli biżżejjed biex tkun tista' tgħin lill-partijiet diversi tal-Ministeru bl-informazzjoni li jkollhom bżonn biex ifasslu pjanijiet għal investimenti jew politiċi ġodda fis-settur. Bħala parti minn dan il-mandat, id-DHIR huwa responsabbli minn stħarriġ ewlieni fil-qasam tas-saħħa fl-UE (European Health Interview Survey) li jsir perjodikament b’obbligu legali mal-UE kollha. L-istħarriġ li jmiss ser isir fl-2019. Dan l-istħarriġ jirrikjedi vot finanzarju ddedikat għaliex l-ispejjeż involuti huma sostanzjali. Id-DHIR, flimkien mad-Direttorat għall-Prevenzjoni tas-Saħħa, jikkoordina wkoll l-istħarriġ Health Behaviour in Schoolchildren li wkoll isir perjodikament f’numru ta’ pajjiżi. Madankollu, id-Direttorat għaraf il-potenzjal li għandha l-informazzjoni miġbura għal aktar riċerka, speċjalment epidemjoloġika għaldaqstant joffri aċċess għal din l-informazzjoni b'mod sikur u li jipproteġi l-identita' tal-pazjenti nvoluti għal riċerkaturi li jkunu jixtiequ jinvestigaw aktar xi kundizzjoni partikolari jew xi aspett partikolari tas-sistema tas-saħħa tagħna. Dawn il-kollaboraturi jvarjaw minn studenti u akkademiċi lokali, għal konsorzji ta' riċerka internazzjonali u saħansitra ministeri oħra. Id-Direttorat joffri wkoll għajnuna u pariri lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa li jkunu jixtiequ jibdew riċerka dwar kif jippjanaw ir-riċerka tagħhom u anke bl-analiżi tal-informazzjoni li jkunu ġabru. Dan tal-aħħar huwa servizz li ilu offrut dawn l-aħħar 15-il sena u huma bosta dawk il-professjonisti li għamlu użu minnu. Id-Direttorat ilu diversi snin involut f'diversi proġetti u networks internazzjonali, mhux biss Ewropej, li jfittxu l-informazzjoni u d-data Maltija biex tiġi analizzata flimkien ma' dik ta' pajjiżi oħra f'riċerki ġodda. Il-Ministeru jifhem li bħala pajjiż żgħir, speċjalment f'mard anqas komuni, id-data tagħna tista' tiġġenera aktar valur meta miżjuda ma' dik ta' pajjiżi oħra f'riċerka f'livell internazzjonali mmexxija minn istituzzjonijiet ta' riċerka ewlenin fl-Ewropa jew mondjali. Sadanittant, il-kwalita' tad-data Maltija, li tmur lura aktar minn għoxrin sena, hija mfittxija ferm minn dawn l-istituzzjonijiet msemmija għar-riċerka tagħhom. Id-DHIR irnexxielu jġib ħafna aktar fondi minn dawk msemmija grazzi għall-proġetti li ħa sehem fihom. Apparti mill-istatistika li pproduċa dan id-Direttorat matul is-snin, ir-riċerka li għaliha kkontribwixxa d-DHIR wassal għal ħafna pubblikazzjonijiet f’ġurnali xjentifiċi - xejn anqas minn 123 pubblikazzjoni mill-2013, ħafna drabi b’kollaborazzjoni mal-partners internazzjonali fil-qasam tar-riċerka li d-Direttorat ġema matul is-snin. Ma dan wieħed irid iżid ukoll illi n-nefqa tal-Università ta' Malta fuq ir-riċerka fis-saħħa, sena b’sena minn Jannar tal-2013 sa Diċembru tal-2017 (stima) huwa kif ġej hawn taħt: ​2013 - EUR 5,045,585 2014 - EUR 4,598,462 2015 - EUR 5,136,744 2016 - EUR 4,753,158 2017 - EUR 4,883,487 (stima)

Spiżerija tal-Għażla Tiegħek – każ ta’ individwu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkomunika mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, minħabba diffikultà li għaddha minnha fl-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek dwar għoti ta' pilloli li jenħtieġ b'urġenza, imma mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek qalulu li għad m'għandhomx il-go ahead li dawn jingħataw?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-mediċina msemmija separatament minnu ma tinsabx fuq il-formolarju tal-Gvern, din tinxtara speċifikament għall-pazjent. Il-proċedura titlob li jkun hemm permess speċjali li joħroġ mid-Dipartiment għall-Affarijiet Farmaċewtiċi. F’dan il-każ dan id-dipartiment irċieva ordni fil-5 ta’ Frar tal-2018, mill-ispiżerija kkonċernata għal żieda fl-intitolament. Dakinhar stess il-POYC talab lid-DPA biex dan il-permess jinħareġ urġenti. L-istess permess ġie approvat u maħruġ fis-7 ta’ Frar 2018 u immedjatament fl-istess ġurnata l-mediċina ntbagħtet fl-ispiżerija kkonċernata. Il-mediċina ġiet dispensata fit-8 ta’ Frar 2018.

POYC invoicing

Question

Il-Pharmacy Of Your Choice (POYC) invoicing qatt ma ġie aġġornat biex ikun EU GDP compliant għax id-data tal-iskadenza tal-mediċini mhux imniżżla. Nifhem li din il-proċedura mhijiex obbligatorja. Imma jekk il-POYC invoicing jimxi mal-linja gwida tal-EU GDP, l-iskadenza tal-mediċina b’xejn ma tagħlaqx fl-ispiżerji meta din qed tingħata b’expiry date li hi qrib ferm l-iskadenza. Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-prassi ta’ din il-best practice kif stipulata mill-EU GBD tiġi segwita?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pjanijiet li l-prassi tal-best practice msemmija minnu kif stipulata mill-EU GDP tiġi segwita.

Ħal Qormi – Ċimiterju tar-Reżurezzjoni – xogħlijiet ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta mistenni jibda x-xogħol bżonnjuż ta’ manutenzjoni fiċ-Ċimiterju tar-Reżurezzjoni f’Ħal Qormi (fil-parti ta’ San Sebastjan) hekk kif hemm problema kbira ta’ ilma li qed iżomm fil-passaġġi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi ppreparat rapport minn persuna teknika biex wieħed jara kif l-imsemmija problema tista’ tissolva.