Legislature:
Category:
Reset
Active:

parteċipazzjoni fir-regatti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'jista' jagħmel jew kif għandu jagħmel kumitat li jkun jixtieq li jibda jipparteċipa fir-regatti organizzati uffiċjalment f'pajjiżna, b'mod partikolari f'dawk li huma regatti marbutin mal-festi nazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19987. Inżid li kumitat li għandu x-xewqa li jibda jipparteċipa fir-Regatti organizzati uffiċjalment f’pajjiżna għandu, l-ewwel u qabel kollox, javviċina l-Kumitat tal-Għaqda Regatta Nazzjonali.

Inċentiv biex tiżdied l-aċċesibilità fuq il-post tax-xogħol għall-impjegati ġodda b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-intrapriżi li kkwalifikaw mill-inċentiv imħabbar fid-diskors tal-budget 2010 dwar spejjeż biex tiżdied l-aċċesibilità fuq il-post tax-xogħol għall-impjegati ġodda b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sa’ llum il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità ma rċeviet l-ebda talba minn intrapriżi għall-inċentivi msemmija.

Bormla — Triq San Ġwann - area rekreattiva

Question

Peress li l-appartamenti fl-area ta' Triq San Ġwann Bormla issa ilhom aktar minn sena abitati, tista' l-Ministru tgħid meta (wara snin ta' abbandun u telqa) se jsir il-bini ta' ġnien/area rekreattiva quddiem il-Cospicua Rangers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bini ta’ ġonna u areas rikreattivi ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm talbiet għall-parental leave fl-aħħar sitt xhur f'kull dipartiment li jaqa` taħt id-dekasteru tagħha? Kemm minnhom saru minn nisa u kemm minn irġiel? Tista' tgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata? Fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fabbriki li għalqu f'pajjiżna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mis-sena 2008 sal-lum kemm għalqu fabbriki f’pajjiżna? Liema huma? Liema kienet il-manifattura tagħhom? Fejn kienu? Kemm kienu iħaddmu kull fabbrika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Bormla — Skola Primarja - Proġett "Il-Bejta"

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tal-infiq li sar fuq il-proġett 'Il-Bejta' fl-Iskola Primarja ta' Bormla filwaqt li tghid kemm mill-ammont minfuq kien finanzjat mill-Unjoni Ewropea u kemm minn dawn kienu minn fondi lokali, meta kien antiċipat li jibda jintuża dan iċ-ċentru u għaliex kien hemm dewmien biex jibda jiffunzjona dan iċ-ċentru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-nefqa kapitali fuq il-proġett ‘Il-Bejta’ tammonta għal erbgħin elf ħames mija wieħed u tletin euro u 21 ċenteżmu (€ 40,531.21). Dan l-ammont huwa ffinanzjat minn Fondi lokali u ma kien hemm l-ebda fondi mill-Unjoni Ewropea. It-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru kien rakkmandat fost diversi proposti oħra mill-Kumitat ta’ Azzjoni li twaqqaf f’Novembru 2008 fejn ippreżentaw ir-rapport ‘Pjan għal Tiġdid Edukattiv fl-Iskola Primarja ta’ Cospicua’. Ir-rapport ġie ppreżentat lill-Ministeru fl-2009, u minnufih bdew il-preparamenti sabiex jinfetaħ iċ-ċentru, fosthom ir-rinovvazjoni fiżika taċ-ċentru, ix-xiri tal-apparat meħtieġ u kif ukoll ir-reklutaġġ tal-ħaddiema ta’ dan iċ-ċentru. “Il-Bejta” beda jiffunzjona f’Mejju 2010.

Malta Racing Club — rendikont tal-avvenimenti

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat tad-dħul tal-flus mill-entratura (il-bibien) tal-avvenimenti kollha li saru mill-Malta Racing Club fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2000 sal-lum, xahar b'xahar, fil-korsa tal-Marsa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika dwar id-dħul bdiet tinżamm minn Ottubru tas-sena 2000.

Malta Racing Club — infiq f'konsum ta' dawl u ilma

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat ta' x'intnefaq f'konsum ta' dawl u ilma b'mod separat xahar b'xahar fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2000 sal-lum mill-Malta Racing Club għall-korsa tal-Marsa filwaqt li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopji kollha tal-kontijiet riċevuti għall-istess perjodu relattiv għad-dawl u l-ilma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tal-kontijiet li jkopru l-perjodu Novembru 2000 sa Marzu 2001, Lulju 2001 sa Marzu 2002 u l-perjodu April 2006 u Novembru 2007 jinsabu nieqsa mill-files li jinżammu fil-Malta Racing Club.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — Kuntratt ta' pubbliċita

Question

Tista' l-Ministru tgħid u tagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tagħha u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tagħha? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Tista' tagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċwievet ta' proprjetà

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma li ċ-ċwievet tal-proprjetà, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, humiex f'idejn l-Awtorità tad-Djar peress li l-persuna li kienet tgħix fiha ilha ma toqgħodx hemm għal diversi snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar ma tistax tieħu l-pussess vakant tal-fond imsemmi peress li l-inkwilina legali qiegħda tirrisjedi ġewwa Dar tal-Anzjani.

Clubs ġodda tad-dgħajjes — parteċipazzjoni fir-regatti

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi proċedura partikolari li trid tintuża biex jitwaqqfu clubsġodda tad-dgħajjes biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fir-regatti li jiġu organizzati kull sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Għaqda Regatta Nazzjonali hija għaqda sportiva awtonoma li tosserva r-regoli tagħha. Il-Kunsill Malti għall-Isport, bħala l-organizzatur tar-Regatta Tradizzjonali ta’ Marzu u Settembru, jassigura li kull klabb li jipparteċipa jkun rikonoxxut mill-Għaqda Regatta Nazzjonali.

Mosta Technopark — ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi t-tieni parti ta' mistoqsija parlamentari 19749 u tgħid kemm qegħdin jimpjegaw nies magħhom, kull fabbrika separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ma tistax tagħti informazzjoni dwar kemm hemm nies jaħdmu f’kull kumpanija rispettiva minħabba li din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva.

Sigurtà għat-tfal u ż-żgħażagħ fil-playgrounds jew playing fields

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il studju sar matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena fuq playgrounds jew playing fields fil-lokalitajiet sabiex titjieb is-sigurtà għat-tfal u ż-żgħażagħ li jużawhom? Tista' tgħid fejn jinsabu dawn il-playgrounds jew playing fields?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-Isport m’għandu ebda ġurisdizzjoni fuq playground/playing fields fil-lokalitajiet.

vouchers għall-ħlas tal-konsum tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu dawk il-kategoriji ta' nies u r-raġuni għala dawn ma ngħatawx vouchers għall-ħlas tal-konsum tal-elettriku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’każ li l-Onorevoli interpellant fil-Mistoqsija tiegħu qiegħed jirreferi għaċ-ċekkijiet tal-‘allowance’ għall-enerġija li tħabbar fid-Diskors tal-budget għal din is-sena u li tħallsu riċentament mill-Ministeru tal-Finanzi, għandu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Minstru tal-Finanzi. Dwar il-benefiċċju ta’ l-Enerġija li jitħallas permezz ta’ vawċer mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-benefiċċju jingħata lil min qiegħed jirċievi xi tip ta’ għajnuna soċjali, lil min għandu dħul li fis-sena ma jeċċedix € 8,098.40 u fuq bażi umanitarja. Il-vawċer dovut jiġi kkalkulat skont il-konsum tad-dawl u jinħareġ mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali meta jinħareġ il-kont tad-dawl u ilma tal-benefiċċjarju.

direttur responsabbli għall-welfare — manzjonijiet u responsabbilitajiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'manzjonijiet u responsabbiltajiet għandu d-direttur responsabbli għall-welfare?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttur tal-Welfare hija responsabbli għad-Dipartiment tal-Istandards fil-Ħarsien Soċjali li huwa r-regolatur fil-qasam tal-Welfare. Meta l-ligi tar-Regolatur tiġi fis-seħħ, id-Dipartiment ikollu l-mandat li joħrog liċenzji għas- service providers tac- Child Care Facilities u oqsma oħra li jipprovdu servizzi ta’ welfare . Barra minn hekk id-Dipartiment jkollu r-responsabbiltà li jagħmel inspections u assessments lill-aġenziji li joffru servizzi ta’ welfare u jara li dawn qegħdin jimxu mal- istandards u r-regolamenti maħruga mill-Gvern. Id-Dipartiment ġie appuntat ukoll bħala l-Awtorità Ċentrali Maltija għall- International Child Abduction , Inter Country Adoption u Foster Care .

Dipartiment tal-Welfare — riżorsi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'riżorsi għandu d-Dipartiment tal-Welfare biex iwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu u telenka n-numru ta' staff li hemm fl-istess dipartiment, kif ukoll tgħid xi staff professjonali għandu l-istess dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali hemm jaħdmu tnejn u tletin (32) persuna fejn sebgħa (7) minnhom jaħdmu direttament fil-qasam tal-welfare. Dawn huma: 1 Manager tal-Welfare Services Assessment Unit 4 Assessors (Fil-futur qarib din il-figura għandha titla’ għal sebgħa (7) wara li joħroġ ir-riżultat tas-sejħa tal-applikazzjonijiet ta’assessors li saret iktar kmieni din is-sena) 1 Project Manager tal-ERDF Scheme 1 Research Analyst (fil-mument din il-pożizzjoni għadha vakanti wara l-irtirar tal-persuna preċedenti. Madanakollu fiż-żmien mhux ‘il bogħod għandu joħrog ir-riżultat tas-sejħa tal-applikazzjoni li saret iżjed kmieni din is-sena).

Gozo School of Arts and Crafts — applikazzjoni għal evening classes

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw studenti għal kull kors ta' evening classes fil-Gozo School of Arts and Crafts din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gozo School of Arts and Crafts — applikanti ġodda

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikanti ġodda f'kull suġġett u kors ta' evening classes fil-Gozo School of Arts and Crafts din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gozo School of Arts and Crafts — informazzjoni dwar l-għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-għalliema tal-korijiset kollha tal-evening classes fil-Gozo School of Arts and Crafts din is-sena? Kemm hi l-load ta' kull għalliem u kemm minnhom huma part-timers u kemm full-timers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Benefiċċji soċjali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16273, tista' l-Ministru, b'referenza għal kull tip ta' benefiċċju tgħid: a) x'inhuma l-kriterji li wieħed għandu jissodisfa biex jieħu l-benefiċċju; b) kemm hi fi flus l-għajnuna li tingħata f'kull każ; u ċ) għal kemm żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.