Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — lista ta' proġetti kapitali
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Proġetti Kapitali taħt dan il-Ministeru għaddejjin bil-bosta bħalissa u nassigura lill-Onorevoli li fix-xhur li ġejjien r-ritmu ser jibqa għaddej. Kif jistgħu jikkonfermaw in-nies qed nwettqu u ser nkompli nwettqu proġetti li kien ilhom fuq l-karta għal żmien twil. Jekk l-Onorevoli huwa nteressat li jkun jaf aktar dwar xi proġett partikolari nitolbu jkun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Infrastructure Malta – direct orders, kuntratti għal xogħlijiet, servizzi u konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra bid-data, ammont u deskrizzjoni ta’ direct orders, kuntratti għal xogħlijiet, servizzi u konsulenzi li nħarġu mill-aġenzija Infrastructure Malta mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-ġurnata tal-lum?
Response (BORG, IAN)
Qed inpoġġu fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista mitluba filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli interpellant li d-direct orders jiġu ppubblikati perjodikament fil-Gazzetta tal-Gvern, kif inhu d-dmir tal-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' cycle lanes se jiġu inklużi fil-proġett tal-flyover tar-roundabout tal-airport? Dawn is-'cycle lanes' ser ikunu segragati mill-kumplament tat-traffiku, sia mit-traffiku tal-vetturi u dak pedonali? X’tip ta' standards Ewropej ser jiġu applikati biex jinbnew dawn is-'cycle lanes'?
Response (BORG, IAN)
Ix-xahar li għadda Infrastructure Malta bdiet l-ewwel xogħlijiet tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP), investiment ta’ €18-il miljun biex ittejjeb ir-roundabout tal-Gudja b’mini ġodda fir-rotta ta’ Birżebbuġa u flyover lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop.
KTAIP jinkludi l-iżvilupp mill-ġdid ta’ din il-junction, waħda mill-aktar ħoloq importanti tas-sistema tat-toroq Maltin, biex jonqsu l-ħin tal-ivvjaġġar u r-riskji t’aċċidenti għal dawk li jgħaddu mill-mini ta’ Ħal Kirkop biex jivvjaġġaw minn u lejn Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq u Ħal Safi. Fl-istess waqt, se jintroduċi għadd ta’ faċilitajiet aktar siguri għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar. Il-proġett se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport u r-rotta ewlenija għall-Freeport, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija.
Ir-roundabout tal-Gudja (biswit l-Ajruport) tinsab f’salib it-toroq ma’ diversi toroq arterjali, li jinkludu Vjal l-Avjazzjoni, minn u lejn Ħal Luqa, il-Marsa u Ħal Qormi; Triq Dawret il-Gudja, lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq; Triq Ħal Far, minn u lejn Ħal Far, il-Freeport u Birżebbuġa; u Triq l-Ewwel Titjira li tgħaqqad ir-roundabout mal-mini ta’ Ħal Kirkop. Hemm ukoll Triq il-Karwija, li twassal għall-Ajruport u għall-Gudja.
Dan il-proġett se joħloq konnessjonijiet diretti maqsumin fuq tliet livelli differenti, minn u lejn diversi rotot li jiltaqgħu f’din il-junction. Fil-livell ta’ taħt, iż-żewġ mini ġodda taħt ir-roundabout se jgħaqqdu direttament il-karreġġjati tan-nofsinhar u tat-tramuntana ta’ Vjal l-Avjazzjoni ma’ dawk ta’ Triq Ħal Far. B’hekk, dawk li jkunu għaddejjin f’din ir-rotta, inkluż vetturi kbar, ġejjin minn jew sejrin lejn Birżebbuġa, il-Freeport jew il-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout.
Fuq il-mini, ir-roundabout eżistenti se tkun iddisinjata u mibnija mill-ġdid biex tiffaċilita l-aċċess minn u lejn il-Gudja, Ħal Għaxaq u l-Ajruport. Il-proġett se jtejjeb ukoll il-bypass lane eżistenti biex tkompli tħaffef l-ivvjaġġar fid-direzzjoni tat-tramuntana mill-ħruġ tal-mini ta’ Ħal Kirkop lejn Vjal l-Avjazzjoni.
Fit-tielet livell imbagħad, fuq ir-roundabout se jkun hemm flyover ġdida li sservi ta’ pont bejn il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Vjal l-Avjazzjoni u Triq l-Ewwel Titjira, fid-direzzjoni lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. Għaldaqstant, jekk tkun trid tiġbed lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop biex tibqa’ sejjer Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-Żurrieq jew Ħal Safi mhux se jkollok bżonn aktar tgħaddi mar-roundabout.
B’dan it-tibdil, tliet rotot li bħalissa jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin mar-roundabout issa se jgħaddu mill-mini taħtha jew mill-flyover fuqha. B’hekk Infrastructure Malta se tnaqqas ir-riskji t’aċċidenti u l-ħin tal-ivvjaġġar għal eluf ta’ persuni li ta’ kuljum jgħaddu minn din il-junction.
Permezz tal-KTAIP, Infrastructure Malta se żżid ukoll faċilitajiet aktar siguri għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi. Fil-fatt, id-disinn ta’ dan il-proġett ġdid jinkludi bankini ġodda u titjib fil-faċilitajiet għat-trasport pubbliku. Il-proġett se joħloq ukoll rotot ġodda u siguri għaċ-ċiklisti li se jikkumplimentaw il-korsiji għar-roti u l-pont għall-mixi u r-roti fi Vjal l-Avjazzjoni kif ukoll il-passaġġ maqtugħ għalih għall-mixi u r-roti fi Triq San Tumas u Triq Ħal Qormi, li Infrastructure Malta bniet fl-aħħar tliet snin. Id-disinn ġdid tar-roundabout ukoll se jinkludi faċlitajiet aktar siguri għal dawk li jgħaddu minnha bil-mixi jew bir-rota.
Fil-fatt, fost faċilitajiet oħra, il-KTAIP ser jinkludi rotta ta’ cycle lanes li tghaqqad Triq l-Ewwel Titjira ma’ Vjal l-Avjazzjoni, permezz ta’ passaġġ wiesa’ madwar tliet metri biex joħloq bi-directional cycle lane maqtugħa għaliha mill-karozzi u anke mill-passaġġi pedonali fl-istess proġett. Din is-cycle lane f’żewġ direzzjonijiet twassal sar-rampi tal-pont għall-mixi u r-roti ġdid li Infrastructure Malta fetħet fi Vjal l-Avjazzjoni s-sena li għaddiet, sabiex minnu tkun tista’ jew tibqa’ sejjer fid-direzzjoni tat-tramuntana lejn Ħal Luqa u Ħal Qormi (minn cycle lanes li Infrastructure Malta fetħet fis-snin li għaddew) jew inkella taqsam il-pont biex tmur fid-direzzjoni ta’ Dawret il-Gudja, lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq. Fuq in-naħa ta’ Vjal l-Avjazzjoni tal-Gudja (direzzjoni nofsinhar), Infrastructure Malta qed tibni korsija għar-roti f’direzzjoni waħda biex tasal b’mod sigur f’Dawret il-Gudja.
B’hekk, għal darb’ oħra, l-investiment ta’ Infrastructure Malta fit-toroq arterjali ta’ Malta mhux biss qed iwassal għal inqas ħin fl-ivvjaġġar, inqas riskji t’aċċidenti u arja aktar nadifa, iżda qed joħloq ukoll infrastruttura ġdida u aktar sigura għal dawk li jixtiequ jużaw mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi u aktar sostenibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-cycle lanes tat-Triq ta’ Burmarrad hux ser jinbidlu u jiġi inkluż fl-infrastruttura ġdida proposta tal-istess triq li tkun konformi ma’ standards tal-EU? Jekk fin-negattiv, kif Transport Malta ser tassigura li jiġi provdut passaġġ sigur għaċ-ċiklisti bejn il-Mosta u Burmarrad?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma estensiva sabiex toħloq infrastruttura aktar sigura għall-mezzi kollha tal-ivvjaġġar, mhux biss għall-vetturi iżda wkoll għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja u l-ferries, kif ukoll għall-ivvjaġġar bil-mixi u bir-roti.
Kif spjegat fit-tweġiba li saret lill-istess Onorevoli Bezzina għall-Mistoqsijiet Parlamentari 18560 u 17956, il-korsiji għar-roti mal-ġenb tal-karreġġjati ta’ Triq Burmarrad ser isiru kif kienu qabel, hekk kif saru minn amministrazzjoni preċedenti, iżda b’għadd ta’ miżuri addizzjonali ta’ titjib li jgħinu biex isiru aktar siguri għaċ-ċiklisti. Fost oħrajn, il-korsija għar-roti fid-direzzjoni tat-tramuntana mhux se tibqa’ interrotta b’partijiet tal-bankini jisporġu ‘l barra fit-triq, hekk kif kien sar minn amministrazzjoni preċedenti b’periklu għas-sewwieqa u aktar u aktar għaċ-ċiklisti. Fl-istess waqt, il-limitu massimu tal-veloċità f’din it-triq tnaqqas, biex tkun aktar sigura għal dawk kollha li jużawha b’mezzi differenti.
Jista’ l-Onorevoli Bezzina jgħid b’mod aktar ċar għal liema tip ta’ struttura qed jirreferi meta jgħid “passaġġ sigur għaċ-ċiklisti”? Jista’ jikkonferma li qed jirreferi għal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mit-triq, bħal ma’ Infrastructure Malta bniet fi Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, bejn Ħal Luqa u Ħal Qormi, fi Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, u fil-Marsa Junction Project, bejn Santa Luċija u l-Marsa, fost oħrajn?
Jekk qed jirreferi għal passaġġ maqtugħ għalih mit-triq, jista’ l-Onorevoli Bezzina jgħid eżattament hux qed jipproponi li fi Triq Burmarrad dan il-passaġġ maqtugħ għalih mit-triq għandux isir billi;
a) titneħħa waħda mit-tliet korsiji tal-vetturi eżistenti,
b) jew inkella jekk għandux jinbena fuq art agrikola u mibnija li hemm mal-ġenb tal-istess triq,
sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata b’mod tekniku minn Infrastructure Malta?
Transport Malta – passaġġ sigur għaċ-ċiklisti bejn Santa Luċija u l-Marsa
Question
Jista’ l-Minsitru jgħid kif Transport Malta ser tassigura li jkun hemm passaġġ sigur għaċ-ċiklisti bejn Santa Luċija u l-Marsa issa li x-xogħol relatat mal-underpass ta’ Santa Luċija huwa lest?
Response (BORG, IAN)
Kif innota tajjeb l-Onorevoli Bezzina, Infrastructure Malta għadha lestiet ix-xogħol tal-proġett taż-żewġ mini (underpass) taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, investiment ieħor ta’ €20 miljun biex ittejjeb is-sigurezza, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tar-rotta ewlenija lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.
Il-mini ġodda b’erba’ korsiji li jgħaqqdu Triq Tal-Barrani ma’ Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) qegħdin inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar b’aktar minn 30%. Qed itaffu wkoll it-tniġġis mid-dħaħen u l-istorbju tal-konġestjoni li kienet toħloq ir-roundabout li kien hemm qabel, li fiha kienu jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin diversi rotot traffikużi, fosthom tliet toroq arterjali u tliet toroq oħrajn li jagħtu għal Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Bil-junction ġdida fuq żewġ livelli, ħafna mill-vetturi li kienu jgħaddu minn dan is-salib it-toroq issa jgħaddu dritt minn ġol-mini. B’hekk saret ukoll eħfef biex tivvjaġġa b’mod aktar sigur u b’metodi differenti bejn it-tliet lokalitajiet tal-madwar.
Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija kien jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-mogħdija għall-ġiri (jogging track) li hemm fil-viċinanzi, kif ukoll punti għall-qsim pedonali bid-dwal tat-traffiku bejn Raħal Ġdid u Santa Luċija, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li jgħaqqad Santa Luċija mal-Marsa. Infrastructure Malta bniet ukoll mill-ġdid il-mina għall-mixi (subway) ta’ Triq tal-Barrani b’disinn aħjar, biex issa għandha wkoll rampi għaċ-ċiklisti, passaġġi aċċessibbli għal kulħadd u cameras ta’ sorveljanza li jħarsu s-sigurtà ta’ dawk li jgħaddu minnha biex jivvjaġġaw bejn Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.
Bħala parti minn dan il-proġett, il-kuntratturi bnew ukoll mina doppja li tista’ tgħaddi minnha bil-mixi (twin walk-through culvert) twila 1.1 kilometru minn Triq Tal-Barrani lejn Vjal Santa Luċija biex tingħaqad ma’ mini simili li saru taħt il-flyovers tal-Marsa Junction Project. Minn ġo dawn il-mini qed jgħaddu l-cables ta’ vultaġġ għoli ta’ waħda mill-konnessjonijiet ewlenin tax-xibka tat-tqassim tal-elettriku tal-pajjiż. Infrastructure Malta bidlet ukoll medda ta’ pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma, li kien hemm taħt l-art fl-istess ¿ona. Poġġiet ukoll diversi kilometri ta’ pajpijiet għas-servizzi tal-Internet, sistemi elettroniċi għal-immaniġġjar tat-traffiku u servizzi oħrajn ta’ telekomunikazzjoni. Il-proġett jinkludi wkoll ġibjuni ġodda u 2.7 kilometri ta’ katusi għall-ġbir tal-ilma tax-xita għat-tisqija ta¿-¿oni ġodda mħaddra b’siġar u pjanti li saru permezz tal-istess investiment.
Il-passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti maqtugħ f’livell għalih, ‘il fuq mill-korsiji tal-karozzi matul Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) jifforma parti minn rotta għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi aktar sigura bejn Ħal Luqa, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Marsa u Ħal Qormi. L-ewwel parti minn din ir-rotta fiż-żewġ direzzjonijiet saret fl-2019 permezz tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa, biswit Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija. Bil-proġett tal-mini f’Santa Luċija, Infrastructure Malta issa tawwlet din ir-rotta tul il-karreġġjata tat-tramuntana fi Vjal Santa Luċija sal-Marsa, fejn bniet passaġġi oħrajn maqtugħin mit-triq u mina għall-mixi u r-roti fis-sit tal-Marsa Junction Project, li jwasslu din il-konnessjoni sigura sal-inħawi tal-Marsa Sports Grounds, fid-direzzjoni ta’ Ħal Qormi. Permezz tal-mina pedonali (subway) ġdida taħt Triq Tal-Barrani, din ir-rotta għall-mixi u r-roti issa hija magħquda wkoll b’mod aktar sigur ma’ Ħal Tarxien. Il-punti għall-qsim pedonali kkontrollati bis-sinjali tad-dwal (pelican crossings) u l-passaġġi li Infrastrustructure Malta bniet mar-roundabout ġdida ta’ Santa Luċija qed joffru wkoll konnessjoni sigura u aktar komda għal dawk li jkunu qed jużaw din ir-rotta ġdida għall-mixi u r-roti, u li jkunu jridu jaslu lejn jew jitilqu minn Raħal Ġdid.
B’hekk, kif diġa spjegat, permezz ta’ dan l-investiment bla preċedent fir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar ta’ Malta, il-Gvern qed jiżgura li jkun hemm rotta sigura għall-mixi u r-roti mhux biss bejn Santa Luċija u l-Marsa, iżda anke lejn Ħal Luqa, lejn Ħal Tarxien, lejn Raħal Ġdid u lejn Ħal Qormi.
Persuni li jużaw ir-rota biex imorru minn post għall-ieħor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġi kkalkulat in-numru ta’ persuni li jużaw ir-rota biex imorru minn post għall-ieħor kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex u jgħid jekk kienx hemm żieda fin-numru ta’ persuni li jużaw ir-rota għal dan l-iskop minn sena għall-oħra bejn 2017 u 2020?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rota ma hiex mezz ta’ transport li hu rreġistrat mal -Awtorita’.
Tajjeb li wieħed jinnota li l-persuni li jagħmlu użu mir-rota qed jizdiedu minħabba aktar għarrfien fir- rigward ta’ saħħa fiżika kif ukoll rigward l-ambjent. Dan jista kollhu jista’ jseħħ permezz ta’ numru ta cycling lanes li hawn u qedgħin issiru fit -toroq tagħna.
Trasport Pubbliku – kuntratt bejn il-Gvern u l-Malta Public Transport
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-Malta Public Transport biex is-servizz tat-Trasport Pubbliku f'pajjiżna għadda f'idejn il-kumpanija Spanjol?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li kopja tal-kuntratt li kien ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-Malta Public Transport kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 358 tas-17 ta’ Frar 2016, fit-Tnax il-Leġislatura.
Birkirkara — kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18308, 18019 u 17893 u jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Birkirkara, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.
Ħal Balzan — Kaxxi sofor u blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18309, 18020 u 17896 u jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Ħal Balzan, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.
L-Ilklin — Kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18310, 18021 u 17897 u jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq tal-Iklin, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.
Il-Mosta — kaxxi sofor u blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18311, 18022 u 17898 u jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din l-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq tal-Mosta, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.
Burmarrad – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18312, 18167 u 17900 u jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Burmarrad, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.
Ħal Lija – kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18313, 18168 u 17901 u jgħid:
a. kemm hemm, sal-ġurnata li titwieġeb din il-mistoqsija, kaxxi sofor jew blu għal parkeġġ riservat ġewwa t-toroq ta’ Ħal Lija, triq b’triq;
b. kemm minn dawn għadhom attivi;
c. quddiem liema proprjetà;
d. għal liema skop huma riservati; u
e. meta saru?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar minħabba li tirrikjedi ammont kbir ta’ xogħol.
Naxxar – Triq tal-Labour u Triq San Pawl — manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel b’urġenza l-manutenzjoni meħtieġa li għandha ssir fit-toroq u l-bankini f’partijiet minn Triq tal-Labour u Triq San Pawl fin-Naxxar peress li dewmien fix-xogħol li meħtieġ isir, ikun ifisser aktar perikli għal kull min jagħmel użu minn dawn it-toroq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li f’Diċembru, Infrastructure Malta lestiet l-aħħar fażi tal-bini mill-ġdid ta’ Triq San Pawl fin-Naxxar, li testendi 1.3 kilometri bejn ir-roundabout fl-inħawi tat-Telgħa t’Alla u Ommu (Burmarrad) u r-roundaout li hemm fuq in-naħa l-oħra u li tgħaqqadha ma’ Triq il-Parroċċa u Triq il-Wied, l-Iklin. Ix-xogħlijiet bdew kmieni s-sena l-oħra u biex l-inkonvenjent għal kull min jużaha u għar-residenti jkun l-inqas possibbli, dawn tqassmu f’erba’ fażijiet billi f’kull fażi saret parti mit-triq.
L-investiment ta’ €2.3 miljun li sar f’din it-triq jinkludi bini mill-ġdid tal-bankini u oħrajn ġodda, punti għall-qsim pedonali ġodda (
pedestrian crossings
) sabiex dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi jkunu jistgħu jaqsmu għan-naħa l-oħra tat-triq b’inqas riskji t’aċċidenti, tqegħid ta’ aktar minn 3 kilometri ta’ pajpiet taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u Internet, kif ukoll katusi tad-drenaġġ li biex saru uħud minnhom kellhom jitħaffru trinek ta’ madwar sular fond kif ukoll inbnew mill-ġdid il-manholes kollha tat-triq.
Inbidlet ukoll is-sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita tal-istess triq wara li nstab li din ġarrbet ħsarat waqt xogħlijiet li saru fil-passat, bil-konsegwenza li kienet qed tikkawża problemi ta’ għargħar fit-triq u f’bini li hemm fil-viċin. Qabel ma nbdew ix-xogħlijet is-sistema kollha ġiet spezzjonata b’mod komprensiv permezz ta’ cameras u rriżulta li fost ħsarat oħrajn kien hemm diversi partijiet minnha miżdudin. Kull fejn instab li din l-infrastruttura ma kenitx taħdem sew ġiet mibdula u s’intendi fejn kienet għadha tajba ma kienx jagħmel sens li tinbidel.
Fl-istess waqt saru anke spezzjonijiet fit-toroq tal-madwar u fost xogħlijiet oħrajn saret estensjoni tal-culvert ma’ Triq il-Markiż Scicluna, liema żona qatt ma kellha lqugħ għall-ilma tax-xita. Saru wkoll żewġ soak aways ta’ madwar 40 metru fond biex ikomplu jtaffu l-problema tal-għargħar f’din iż-żona.
Fil-każ ta’ Triq tal-Labour din ukoll tinsab fil-pjanijiet ta’ Infrasctructure Malta biex issir fiż-żmien li ġej bħalma l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid toroq oħrajn fil-lokalità tan-Naxxar li jinkludu Triq il-Kappella ta’ San Mikiel, Triq ix-Xbieki, Triq John Adye u Triq San Franġisk t’Assisi, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq il-Forġa, Triq il-Fortizza tal-Mosta u triq bla isem fi Vjal il-Labour. Toroq oħrajn ippjanati li jsiru fiż-żmien li ġej jinkludu Triq il-Ġdida, Triq il-Magħtab, Triq il-Milizja, Triq Leli Falzon, Triq Ġdida fi Triq tat-Tarġa u Triq Santa Klara.
Infrastructure Malta diġà għamlet ukoll xogħlijiet f’diversi toroq oħrajn fil-lokalità tan-Naxxar. Dawn kienu jinkludu xogħol fit-Telgha ta’ Alla u Ommu, Triq Wied Filep, Triq Santa Fawstina ta’ Kowalska, Triq Tal-Balal, roundabout junction ġdida fi Vjal il-Labour, kif ukoll titjib fir-roundabout junction bejn Triq il-Parroċċa and Triq San Pawl fost oħrajn. Sar ukoll titjib kbir fit-toroq ewlenin tal-inħawi bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, l-Iklin u n-Naxxar, filwaqt li nbena parkeġġ ġdid ħdejn ir-Riserva Naturali tas-Salina.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl u Triq il-Mosta — manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jara li Infrastructure Malta tagħmel b’urġenza l-manutenzjoni meħtieġa li għandha ssir fit-toroq u l-bankini f’partijiet minn Triq San Pawl u Triq il-Mosta f’San Pawl il-Baħar peress li dewmien fix-xogħol li meħtieġ isir, ikun ifisser aktar perikli għal kull min jagħmel użu minn dawn it-toroq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li għalkemm il-manutenzjoni tat-toroq residenzjali sakemm jinbnew mill-ġdid hija f’idejn il-Kunsilli Lokali, is-sena li għaddiet Infrastructure Malta xorta kkollaborat mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar biex Triq San Pawl sarulha tiswijiet estensivi. Qabel ma din it-triq u Triq il-Mosta jkunu jistgħu jinbew mill-ġdid mill-aġenzija, iridu jsirulhom xogħlijiet estensivi bit-tqegħid ta’ pajpijiet għas-servizz tal-ilma u katusi għas-sistema tad-drenaġġ li jridu jiġu mgħoddijin minn taħt l-art mill-entità konċernata.
Apparti li qabel is-sajf tal-2019 għamlet tiswijiet estensivi fi 17-il triq oħra f’San Pawl il-Baħar sakemm dawn jinbnew mill-ġdid, f’din il-lokalità Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Luzzu, Triq Għawdex, Triq it-Turisti, Triq Port Ruman, Triq l-Istamnar, Triq Nicola Ardonio, Triq Ġużeppi Despot u Triq Annetto Caruana. Waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq it-Tamar, Triq Cunningham u triq ġdida magħha. Diġà hemm ippjanati wkoll biex fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq residenzjali oħrajn isiru Triq il-Kaħli, Triq Ibħra, Triq il-Mistrieħ, Triq Tanti, Triq Luigi Preziosi u Triq il-Ġifen.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Manikata/Għajn Tuffieħa – manutenzjoni ta’ bus stops
Question
Jista’ l-Ministru jara li fil-Manikata/Għajn Tuffieħa isiru l-attrezzaturi/tiswijiet/tibdil meħtieġ kull fejn hemm bus stop/bus shelters mill-awtoritajiet kompetenti u dan fl-interess tar-residenti u l-persuni li jagħmlu użu minnhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onoevoli Interpellant li Transport Malta wetqet survey fuq il- bus stops ġewwa l-Manikata u Għajn Tuffieħa sabiex jiġi stabbilit x’tip ta’ manutenzjoni hemm bżonn fuq tali bus stops u bus shelters.
National Cycling Strategy and Action Plan – konsultazzjoni pubblika
Question
Jista’ l-Ministru jippreżenta kopja tar-rappreżentazzjonijiet u sottomissjonijiet li saru waqt il-konsultazzjoni pubblika fuq in-National Cycling Strategy and Action Plan, devised by Transport Malta mħabbra mill-Ministru fit-30 ta’ Novembru 2018? Jista’ jippreżenta l-abbozz tal-National Cycling Policy li kellha tirriżulta wara l-istess konsultazzjoni? Jekk din għadha ma ġietx finalizzata, jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi finalizzata u ppubblikata?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-summarju tar-rappreżentazzjonijiet u sottomissjonijiet li saru waqt il-konsultazzjoni pubblika fuq in-National Cycling Strategy and Action Plan. Wara li saret konsultazzjoni pubblika u evalwazzjoni bir-reqqa tal-punti li rċivejna, ġie mwaqqaf grupp t'azzjoni sabiex jindirizza dan it-thassib u jiffinalizza d-dokumentazzjoni meħtiega. L-istrategija, l-polza u l-linji gwida ser jiġu pubblikati.
Spiża għall-inawgurazzjoni tal-Mini ta’ Santa Luċija
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tan-nefqa li saret b'rabta mal-inawgurazzjoni tal-mini ta' taħt ir-roundabout ta' Santa Luċija u li saret nhar il-Ħadd 24 ta' Jannar 2021? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija inawgurazzjoni?
Response (BORG, IAN)
Nhar il-Ħadd, 24 ta’ Jannar, il-Gvern Malti flimkien ma’ Infrastructure Malta inawguraw il-proġett taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, investiment ieħor ta’ €20 miljun biex ittejjeb is-sigurezza, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tar-rotta ewlenija lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.
Il-mini ġodda b’erba’ korsiji li jgħaqqdu Triq Tal-Barrani ma’ Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) qegħdin inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar b’aktar minn 30%. Qed itaffu wkoll it-tniġġis mid-dħaħen u l-istorbju tal-konġestjoni li kienet toħloq ir-roundabout li kien hemm qabel, li fiha kienu jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin diversi rotot traffikużi, fosthom tliet toroq arterjali u tliet toroq oħrajn li jagħtu għal Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Bil-junction ġdida fuq żewġ livelli, ħafna mill-vetturi li kienu jgħaddu minn dan is-salib it-toroq issa jgħaddu dritt minn ġol-mini. B’hekk saret ukoll eħfef biex tivvjaġġa b’mod aktar sigur u b’metodi differenti bejn it-tliet lokalitajiet tal-madwar.
Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija kien jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-mogħdija għall-ġiri (jogging track) li hemm fil-viċinanzi, kif ukoll punti għall-qsim pedonali bid-dwal tat-traffiku bejn Raħal Ġdid u Santa Luċija, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li jgħaqqad Santa Luċija mal-Marsa. Infrastructure Malta bniet ukoll mill-ġdid il-mina għall-mixi u r-roti (subway) ta’ Triq tal-Barrani b’disinn aħjar, b’rampi għaċ-ċiklisti, passaġġi aċċessibbli għal kulħadd u cameras ta’ sorveljanza li jħarsu s-sigurtà ta’ dawk li jgħaddu minnha biex jivvjaġġaw bejn Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.
Ix-xogħlijiet fuq is-sit bdew fis-sajf tal-2019, billi l-kuntratturi tal-proġett qattgħu aktar minn 80,000 tunnellata ta’ blat biex iffurmaw iż-żewġ mini, twal 90 metru ‘l waħda. Il-mini jingħaqdu ma’ Triq Tal-Barrani u Vjal Santa Luċija permezz ta’ żewġ rampi ta’ 130 metru. Erba’ tlajja u nżul oħrajn jgħaqqdu dawn iż-żewġ toroq mar-roundabout ġdida fuq l-istess mini.
Bħala parti minn dan il-proġett, il-kuntratturi bnew ukoll mina li tista’ tgħaddi minnha bil-mixi (walk-through culvert) twila 1.1 kilometru minn Triq Tal-Barrani lejn Vjal Santa Luċija biex tingħaqad ma’ mini simili li saru taħt il-flyovers tal-Marsa Junction Project. Minn ġo dawn il-mini qed jgħaddu l-cables ta’ vultaġġ għoli ta’ waħda mill-konnessjonijiet ewlenin tax-xibka tat-tqassim tal-elettriku tal-pajjiż.
Infrastructure Malta bidlet ukoll medda ta’ pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma, li kien hemm taħt l-art fl-istess żona. Poġġiet ukoll diversi kilometri ta’ pajpijiet għas-servizzi tal-Internet, sistemi elettroniċi għal-immaniġġjar tat-traffiku u servizzi oħrajn ta’ telekomunikazzjoni. Il-proġett jinkludi wkoll ġibjuni ġodda u 2.7 kilometri ta’ katusi għall-ġbir tal-ilma tax-xita għat-tisqija taż-żoni ġodda mħaddra b’siġar u pjanti li saru permezz tal-istess investiment.
Il-passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti matul Vjal Santa Luċija jifforma parti minn rotta għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi aktar sigura bejn Ħal Luqa, Santa Luċija, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Marsa u Ħal Qormi. L-ewwel parti minn din ir-rotta fiż-żewġ direzzjonijiet saret fl-2019 permezz tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa, biswit Ġnien is-Serenità f’Santa Luċija. Bil-proġett tal-mini f’Santa Luċija, Infrastructure Malta issa tawwlet din ir-rotta tul il-karreġġjata tat-tramuntana fi Vjal Santa Luċija sal-Marsa, fejn bniet passaġġi oħrajn maqtugħin mit-triq u mina għall-mixi u r-roti fis-sit tal-Marsa Junction Project. Permezz tal-mina pedonali ġdida taħt Triq Tal-Barrani, din ir-rotta għall-mixi u r-roti issa hija magħquda wkoll ma’ Ħal Tarxien.
Il-proġett tal-bini tal-mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija jagħmel parti mill-investiment fit-tul fir-rotta prinċipali bejn in-naħa t’isfel u ċ-ċentru ta’ Malta, li testendi minn Pembroke u San Ġiljan sa Birżebbuġa. Dan il-pjan jinkludi titjib f’toroq arterjali oħrajn tul din ir-rotta, bħalma huwa l-bini mill-ġdid ta’ Triq Diċembru 13 u l-Marsa-Ħamrun Bypass fl-2018, il-bini mill-ġdid ta’ parti minn Triq Reġjonali, il-Pont tal-Wied tal-Imsida u Triq Ħal Luqa fl-2019, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas fl-2020, kif ukoll il-Marsa Junction Project. Infrastructure Malta se tkompli ssaħħaħ din in-netwerk ta’ toroq ewlenin b’aktar ħidmiet ġodda fiż-żmien li ġej, fosthom il-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) fil-Gudja, li beda din il-ġimgħa, Luqa Junction Project u Msida Creek Project.
Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija huwa parzjalment iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.
Fl-24 ta’ Jannar, Infrastructure Malta organizzat ċerimonja qasira t’inawgurazzjoni sabiex tirrikonoxxi l-ħidma ta’ ħafna ħaddiema, kuntratturi u entitajiet li taw is-sehem tagħhom sabiex flimkien wettqu dan il-proġett t’€20 miljun Ewro li qed iħalli benefiċċji kbar lir-residenti u l-ħaddiema fin-nofsinhar ta’ Malta, kemm f’termini ta’ inqas ħin fl-ivvjaġġar u inqas spejje¿ ta’ fjuwil, kif ukoll f’arja aktar nadifa u infrastruttura aħjar għall-ivvjaġġar b’mezzi aktar sostenibbli. Din iċ-ċerimonja ta’ ftit inqas minn nofs siegħa għal numru żgħir ta’ mistednin, fosthom il-mezzi tal-media kollha, saret skont ir-rakkomandazzjonijiet għat-trażżin tal-imxija tal-Covid-19. Ma kinitx tinvolvi “tunnel party” b’tema partiġġjana għal mijjiet ta’ mistednin, bħala ma sar meta ġew inawgurati l-aħħar mini simili li nbnew fit-toroq Maltin fis-snin disgħin. L-ispiża ta’ din iċ-ċerimonja qasira, fosthom siġġijiet għall-ħaddiema u l-media preżenti, tagħmir awdjoviżiv, plakka kommemorattiva żgħira u servizz ta’ te u kafe f’tazzi tal-karti (mingħajr ebda xorb jew ikel ieħor), tammonta għal total ta’ €7,640 (VAT eskluża).
Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders, sena b’sena, fl-2018, 2019 u 2020 mill-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament u kemm kien il-valur ta’ kull direct order, lil min ingħatat u għal-liema xogħlijiet ingħatat kull direct order?
Response (BORG, IAN)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li d-direct orders jiġu ppubblikati perjodikament fil-Gazzetta tal-Gvern, kif inhu d-dmir tal-Ministeru. Minkejja dan, jekk irid ikun iżjed speċifiku fit-talba tiegħu, inkun nista’ ngħaddilu l-informazzjoni neċessarja.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-iskop tal-video projections li qed isiru mal-faċċata tal-mini ta’ Santa Venera? Liema Ministeru jew Dipartiment jew entità kkummissjonat dawn il-projections, kemm qed jiswew u saritx sejħa pubblika għall-offerti? Liema kumpanija ġiet ikkummissjonata għal dan ix-xogħol? Ġie kkunsidrat il-periklu għas-sewwieqa meta ġiet installata din il-projection? Transport Malta ġiet ikkonsultata u, jekk ġiet, jista’ jqiegħed il-parir ta’ Transport Malta fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta ġiet ikkonsultata kif ukoll ikkunsidrat jekk hemmx periklu għas-sewwieqa u dan għamlitu skond kif inhu regolat f’LN 36/2018. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija parlamentari għandha tiġi rreferuta lil Ministeru kkonċernat.