Legislature:
Category:
Reset
Active:

bini ta' ħitan madwar siti miftuħa

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meċessarja biex permss ta' personnel li jaqa' taħtu jinbnew il-ħitan madwar siti miftuħa li għandna fl-inħawi ta' Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar u dan qabel ix-xhur tas-sajf, biex jiġu evitati lmenti li diġà kellna matul l-aħħar snin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. membru jinnota li għal plots privati vojta, hemm proċedura li l-kunsilli lokali jista' jaddotta mal-MEPA. Il-Works Department jintervjeni għall-plots li huma proprjetà tal-Gvern.

Tender

Question

Jista' l-Ministru jispjega fuq it-tenders li għalqu fis-7 ta' Diċembru 2009 bl-isem Tender for the Civil works for Minor Demolition and Construction of a Cesspit and Drainage Connection at Sant'Antnin Waste Treatment Facility, M'scala minħabba li jidher li x-xogħol ma ngħatax lill-aħjar offerta mitfuha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li għat-tender li għaliha qed jirreferi intefgħu 4 tenders. Il-Kundizzjonijiet li irregolaw it-tfiegħ ta' tenders speċifikaw l-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni dettaljata mitluba. Kull bidder kellu kull opportunità li jappella jekk ma jaqbilx mad-deċiżjoni.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — programm ta' laqgħat/konferenzi fi Brussell

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna bi breakdown tal-programm ta' laqgħat/konferenzi eċċ. li l-Ministeru u d-dekasteru kellhom fi Brussell u/jew f'xi stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea mill-ewwel tas-sena 'l quddiem kif ukoll min attenda? Jista' jinforma x'konklużjonijiet kien hemm? Jista' ukoll jinforma min attenda u għal kemm żmien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.

Biċċerija — dumping ta' demm fis-sewer system

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15095 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12758, jista' l-Ministru jikkonferma għaliex impjant state of the art bħal TTF ma jistax jinċinera id-demm fil-biċċerija? Jista' jagħti l-każ li m'hemmx apparat available? X'passi ttieħdu wara li irriżulta li kien sar dumping tad-demm fis-sewer system?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-impjant li għandna għandu l-kapaċità li jinċenera d-demm. Fil-fatt preżentement diġa qed ikun inċinerat demm li qed jkun ġġenerat meta l-karkassi jiġu pproċessati mix-shredder. Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 13420 fejn intqal li preżentement qiegħda tinħadem soluzzjoni għall-problema ta’ transport ta’ dan il-volum konsiderevoli ta’ demm bejn il-Biċċerija u l-inċeneratur sakemm qed jiġu meqjusa possibilitajiet oħra biex id-demm iġġenerat mill-qatla jiġi utilizzat, bħal per eżempju, billi mill-ġdid jerġa' jiġi prodott il-mazzit sakemm id-demm jinġabar b'sistemi ta' iġene kif stipulat fl-istandards Ewropej.

Siġar tal-frott mixtrija mingħand il-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' bdiewa li din is-sena xtraw siġar tal-frott mingħand il-gvern? X'tip ta' siġar inxtraw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.

Awditur Ġenerali — irregolaritajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15315, 14887 u jgħid x'passi ttieħdu dwar irregolaritajiet li l-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali tiegħu għas-sena 2008 sab li twettqu, meta l-Ministeru tal-Affarijiet Rurali u tal-Ambjent li kien immexxi minnu ħallas €760,000 għal numru ta' servizzi u konsulenzi minkejja li ma kienu ffirmati l-ebda kuntratti ma’ min irċeva dawn il-ħlasijiet, waqt li ħallas ukoll €270,000 fuq numru ta' kuntratti minkejja li dawn l-istess kuntratti kienu ilhom li għalqu għal numru ta' snin ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-MRRA ta spjega lill-Awditur fuq kull każ li kien indika fir-rapport tiegħu u spjega x' awtorizazzjonijiet kien ottjena jew għadda nformazzjoni addizjonali lill-Awditur.

Għajnuna ta' għaġin, galettini u ikel ieħor

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa intitolot għall-għajnuna ta' għaġin, galettini, u dak kollu li jiġi mill-Unjoni Ewropea bħala għajnuna ta' ikel? Kemm fil-fatt tqassmu tunnellati jew kilogrammi ta' affarijiet matul is-sena 2008 u minn Jannar sa Settembru 2009? X'kienu jikkonsistu dawn il-prodotti u kemm-il familja bbenefikat? Jista' jgħid kif intgħażlu dawk li jqassmu dawn il-prodotti u jekk dan ix-xogħol huwiex isir volontarju jew bil-ħlas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninstab infurmat illi sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema, l-benefiċjarji jridu jaqgħu taħt waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji: · Persuni li m’għandhomx il-possibiltà li jmantnu lilhom infushom u/jew jaqgħu taħt il-livell ta’ għixien bażiku; · Persuni li joqgħodu f’istituzzjonijiet mhux governattivi bla ħlas bħal orfanotrofji, shelters, eċċ. · Persuni li jirċievu assistenza mhux kontributorja tas-sigurtà soċjali li jinkludu, assistenza għall-qagħad, diżabilità u benefiċċji mediċi. Biex dawn il-persuni jkunu inkużi fil-lista ta' dawk intitolati sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw, dawn għandhom jippreżentaw ċertifikat maħruġ mid-Dipartiment responsabbli mis-Servizzi Soċjali lill-Kappillan jew lill-Organizzazzjoni responsabbli mit-tqassim ta’ dan l-ikel. Fil-preżent l-organizazzjoni respopnsabbli mit-tqassim f'Malta hija il-YMCA, filwaqt għal Għawdex hemm il-Caritas. Il-prodotti mogħtija mill-Unjoni Ewrpea li tqassmu kienu żokkor, għaġin, ross, ħalib u yogurt u mill-1 ta' Jannar 2008 sa Settembru 2009 tqassmu dawn il-kwantitajiet: · 339.7 tunnellati zokkor · 57.4 tunnellati għaġin · 20 tunnellata ross · 112,500 tazza tal-yogurt Huwa stamat li f'dan l-istess perjodu ibbenifikaw madwar 20,500 persuna minn dan it-tqassim. L-amministrazzjoni ta' tqassim issir minn għaqdiet voluntarji tal-karitá u fil-bidu ta’ kull sena joħroġ avviż biex dawk l-organizazzjonijiet ta' karita li jkunu iridu jieħu sehem fit-tqassim tal-prodotti, jkun jistgħu japplikaw fl-Aġenzija tal-Pagamenti fi ħdan il-Ministeru. Għalkemm ix-xogħol isir fuq bażi volontarja, il-Gvern Ċentrali jgħin fl-ispejjeż amministrattivi biex isir dan it-tqassim billi jissussidja l-ispejjeż amministrattivi sa massimu ta’ 1% tal-valur tal-prodotti, u 4.5% fuq spejjeż tat-trasport.

photovoltaic systems fuq bjut ta' ażjendi, binjiet u dipartimenti tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kumpaniji jew consortia li wieġbu għall-expression of interest għall-istallar u manteniment ta' photovoltaic systems fuq bjut ta' ażjendi, binjiet u dipartimenti tal-Gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba kollha tinsab pubblikata fuq il-website tal-Gvern www.solarenergy.gov.mt.

Lahmeyer International — konsulenza dwar l-interkonnessjoni tal-enerġija li tgħaqqad lil Malta mal-Ewropa

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kkumissjonati mill-konsulenti Lahmeyer International dwar l-interkonnessjoni tal-enerġija li tgħaqqad lil Malta mal-Ewropa kif ukoll dak dwar ix-xogħol addizzjonali biex jikkumplimenta l-istudju tal-interkonnessjoni tal-enerġija li tgħaqqad lil Malta mal-Ewropa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mgħotija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 13557,13795 u 14767.

rapporti finali dwar l-istrateġija tal-immaniġġjar tal-iskart solidu

Question

Jista' l-Minsitru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti finali dwar l-istrateġija tal-immaniġġjar tal-iskart solidu hekk kif approvat mill-Kabinett u kif mistenni li jiġi diskuss kif diġà ġie mwiegħed fil-Parlament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement qed isiru l-aħħar emendi fuq ir-rapporti finali dwar l-istrateġija ta’ l-immaniġġjar tal-iskart solidu wara li dan ġie ppreżentat lill-Kabinett.

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — tħawwil ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarux xi diskussjonijiet mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar jekk għandux ikun hemm bidla f'dawk li huma siġar li huma permessi li jitħawlu meta jkun hemm żviluppi li jsiru hawn Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-materja dwar liema speċi ta' siġar jitħawlu meta jkun hemm żviluppi hija responsabbiltà ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar iżda kull meta inħass il-bżonn li ssir konsultazzjoni mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dwar dan, id-Dipartiment dejjem ipparteċipa skond il-ħtieġa.

Marsa — informazzjoni fuq l-inċineratur

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parmalentari 14744 u 13448 u jgħid kemm ġie jiswa l-impjant tal-inċineratur tal-Marsa biex jiġi stallat? Kemm intnefqu flus fuq ir- retrofitting tiegħu ? Kemm kienu l- operational costs tiegħu sa mill-i start up sal-lum sena b’sena, inkluż il-perjodu qabel ma ġie fully commissioned ? Kemm-il tunnellata skart ġie inċinerat? Kemm kien hemm waqfien tal-impjant li ma kienx skedat u ppjanat bil-quddiem? Kemm-il darba twaqqaf l-impjant għall-manteniment mill-bidu tiegħu sal-lum? Jista' jagħti breakdown dettaljat dwar kemm ġie proċessat skart mill-biċċerija, skart kliniku u skart kimiku f’termini ta’ volumi sena b’sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li ir-risposta tingħata f'seduta oħra.

Food security and safety regulations

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14745, 13615, 13089 u 12775 u 12323 u jgħid kemm mill-irziezet f'pajjiżna huma compliant mal-Food Security and Safety Regulations tal-Unjoni Ewropea? X'għajnuna qed jagħti l-Gvern biex jgħinhom jagħmlu l-investimenti meħtieġa sabiex jiġu compliant? Kemm minn dawn il-farms ġew mibdula għall-użu ieħor? X'se jiġri minn dawn l-irżieżet meta l-għajnuna finanzjarja diretta tieqaf fi tmiem is-sena d-dieħla? Jista' jikkonferma li f'żoni bħall-Magħtab hemm tmienja biss minn 24 razzett li għadhom joperaw bħala irżieżer u li ħafna minn dawn jinsabu f'qagħda ħażina ferm? Ma jaħsibx il-Ministru li dawn għandhom jitħallew ikomplu joperaw minħabba l-kundizzjonijiet li jinsabu fihom? X'garanzija għandu l-konsumatur li l-Gvern qed ipoġġi l-interessi u l-kunsiderazzjonijiet tal-istess konsumaturi dwar il-food security and safety l-ewwel u qabel kollox?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u li risposta tingħata f'seduta oħra.

Awditur Ġenerali — irregolaritajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14889 u jgħid x'passi ttieħdu dwar irregolaritajiet li l-Awditur Ġenerali fir-rapport annwali tiegħu għas-sena 2008 sab li twettqu, meta fl-2007 il-Ministeru tal-Affarijiet Rurali u tal-Ambjent ma ħareġ ebda riċevuta tal-VAT għal numru ta’ ħlasijiet li flimkien kienu jaqbżu s-€60,000 u baqa` ma sar l-ebda rapport, kif fil-fatt kien obbligat li jsir, lid-divizjoni tal-VAT?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ministeru ghar-Rizorsi u l-Affarijiet Rurali ħa dawk il-passi neċessarji sabiex jindirizza l-argumenti mqajma fir-Rapport Annwali tal-Awditur Generali għas-sena 2008 u dawn kollha ġew notifikati lill-istess Awditur Generali fi tweġiba li ntbagħtitlu.

re-use, recycling u recovery

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14749, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għar-rigward tas-snin 2007, 2008 u 2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din il-mistoqsija ma tistax tkun risposta mill-Ministeru tiegħi peress li l-unika informazzjoni miġbura mill-WasteServe tikkonċerna biss dak il-materjal indirizzat għal riċikaġġ u li jinġabar fil-faċilitajiet pubbliċi tal-Bring-in Sites. Ir-responsabbilta' għall-ġbir u ż-żamma ta' data relatata ma taqax fuq il-WasteServe. Inizjattivi privati li jittieħdu dwar riċiklaġġ jkunu rapportati lill-MEPA li żżomm dawn ir-records fuq bazi nazzjonali.

skema ta' inċentivi għal domestic alternative energy systems

Question

Minn kemm ilha li ġiet fis-seħħ l-iskema l-ġdida tal-Budget 2010 dwar inċentivi għal domestic alternative energy systems , jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet li daħlu minn applikanti Maltin s’issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninstab infurmat li minn mindu meta nfetħet l-iskema l-ġdida tal-Budget 2010, min 416 il-applikazzjoni, 291 Malti applikaw għal sistema ta' panelli fotovoltajċi. Taħt l-iskema għal solar water heating system, kien hemm erba' applikanti Maltin.

Monument tas-Sette Giugno — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn qiegħed il-Monument tas-Sette Giugno li nqala’ minn Pjazza San Ġorġ u xi pjanijiet hemm biex dan jerġa' jiġi gawdut mill-pubbliku biex tkompli tiġi mfakkra din il-ġrajja kbira għall-poplu Malti? Jista' jgħid fejn u meta se jerġa' jiġi mwaqqaf dan il-monument?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

latrini pubbliċi — offerta lil xi kuntrattur - impjegati tas-servizz pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-impjegati tas-servizz pubbliku u li ħafna minnhom huma persuni b'diżabilità li jieħdu ħsieb il-latrini meta dawn l-istess latrini pubbliċi jingħataw b'offerta lil xi kuntrattur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — salajri u kundizzjonijiet tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bdew jaħdmu mal-Ministeru u/jew id-dekasteru li jaqa' taħtu mill-1 ta' Jannar 2010 'l quddiem? F'liema kategorija u x'salarji u kundizzjonijiet għandhom? Kemm minnhom huma abbażi ta' kuntratt u kemm huma ta' nazzjonalità barranija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninstab infurmat li n-numru ta' persuni li bdew jaħdmu a bażi ta’ kuntratt mill-1 ta' Jannar 2010 sal-15 ta' Marzu, 2010 mal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali u d-dekasteru li jaqgħu taħtu huma ħamsa u kienu kif ġej: Numru ta' Persuni Kategorija Salarju 1 Private Secretary €25,654 1 EU Fund Officer €19,374 1 Casual Substitute Clerk €10,755 1 Project Officer €16,690 (MRA) 1 Project Officer €16,690 (MRA) Ħadd minn dawn il-persuni m’huwa ta’ nazzjonalita barranija.