Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qawra, San Pawl il-Baħar: Triq il-Ħamra – bozoz maqtugħin

Question

Billi fi Triq il-Ħamra, Qawra, San Pawl il-Baħar hemm żewġ bozoz li sad-data li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari kienu ilhom maqtugħin jew iteptpu għal bosta ġimgħat, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn il-bozoz jixegħlu mill-ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-bozoz li għalihom qed tirreferi l-Onor. Interpellant mhumiex maqtugha u/jew bil-ħsara. Infurmat li bħal diversi bozoz oħra madwar il-lokalità, tali bozoz ġew skonnettjati mill-awtoritajiet kompetenti wara li nstab li twaħħlu f'legiżlazzjonijiet preċedenti meta ma ġewx sottomessi l-applikazzjonijiet mal-Enemalta, kif jiddettaw ir-regolamenti. F’dan l-isfond, infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li qed jiġu sottomessi applikazzjonijiet simili biex tali kwistjoni tiġi regolarizzata.

Raħal Ġdid – Ħsarat fil-pjazza prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, jagħti l-aħħar tagħrif li għandu dwar il-manutenzjoni li hemm bżonn fil-pjazza prinċipali tal-lokal? Jista’ jagħti elenku tat-tiswijiet li saru s’issa? Kien hemm xi tiswijiet li saru u li dawn tħallsu mill-Kunsill Lokali? Jekk iva, liema kienu dawn it-tiswijiet u kemm swew? Skont ir-rapport li għandu l-Kunsill Lokali, kemm hija l-ispiża totali li hemm bżonn sabiex isir ix-xogħol? Jista’ jippreżenta r-rapporti li għandu l-Kunsill Lokali dwar il-ħsarat li hemm fil-pjazza?

Response (BONNICI, OWEN)

It-taghrif ghadu qed jingabar.

Għajnuna lill-gazzetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif tqassam il-fond ta’ €500,000 f’għajnuniet lill-gazzetti minħabba l-piżijiet li ġabu fuqhom il-gwerra fl-Ukrajna u l-pandemija tal-COVID-19? Kif kien deċiż kif jitqassam dan il-fond importanti biex tiġi sostnuta din il-ħidma ġurnalistika?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab fil-lista t’hawn taħt: Allied Newspapers: €69,842 Standard Publications: €45,735 Media Link: €44,805 Union Print: €44,145 Media Today: €37,140 SVP: €9,210 Dan it-tqassim sar b’kollaborazzjoni u ftehim bejn is-sidien kollha tal-gazzetti. Infurmat illi t-tqassim tal-flus sar fuq: Numru ta’ impjeġati Full-time u Part-time; Numru ta’ Pubblikazzjonijet; Frekwenza tal-pubblikazzjonijiet u numru ta’ pagni.

Special Olympics — Infiq li sar fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2038 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-infiq kollu li sar fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-iSpecial Olympics, lil min sar il-ħlas u b'liema proċedura (direct order, tender etc.)?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-logħob tal-iSpecial Olympics f’pajjiżna kienu tassew okkażjoni sabiħa li rat mijiet ta’ atleti minn pajjiżi differenti jipparteċipaw. B’hekk filwaqt li l-avveniment ġab lejn pajjiżna turiżmu sportiv u rreklama wkoll lil Malta, ta wkoll opportunità tad-deheb biex l-atleti tal-ispecial olympics Maltin setgħu jieħdu sehem bl-iktar mod b’saħħtu f’dawn il-logħob. Iċ-ċerimonja riedet bilfors issegwi protokoll speċjali, skont kif maħruġ minn Special Olympics Europe, biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-atleti bi bżonnijiet speċjali. Ċerta loġistika kienet maħsuba speċifikament. Fil-ftuħ ta’ dawn il-logħob kien hemm il-parteċipazzjoni ta’ mijiet ta’ persuni, fosthom bosta artisti biex il-logħob mhux biss ta ċ-ċans lill-isportivi jesponu t-talenti tagħhom iżda wkoll lil diversi artisti li ħadu sehem f’dan il-ftuħ. Pjazza San Ġorġ intramat għall-ftuħ u l-għeluq ta’ dan l-avveniment, kif ukoll għall-Karnival ta’ Malta, li din is-sena sar f’Mejju. Għal dan il-għan ħareġ tender (CT2063/2022) li l-valur tiegħu kien ta’ €1,135,308 u li kif diġà spjegat kien hemm partijiet minnu li ntużaw għall-iSpecial Olympics kif ukoll għall-Karnival ta’ Malta. Intant, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-ispejjeż marbutin biex ittellgħu l-attivitajiet taċ-ċerimonja tal-ftuħ kif ukoll dik tal-għeluq.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 327 u jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru bejn l-2017 u l-2022? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Raħal Ġdid – Ġnien Lorry Sant — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet se jiġu esegwiti fi Ġnien Lorry Sant f’Raħal Ġdid tul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid illi bħalissa għaddej ix-xogħol li ser jinkludi fost l-oħrajn it-tibdil tal-art, żieda fil-pjanti/siġar, xogħol fuq il-funtana u istallazzjoni ta’ bankijiet.

Bordijiet u kumitati — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi kollha li jagħmlu parti mill-bordijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’, għal kull kumitat u bord rispettiv, jagħti: a. lista ta’ persuni (titlu, isem u kunjom); b. l-irwol tagħhom fi ħdan il-bord jew kumitat; c. l-esperjenzi ta’ kull wieħed u waħda minn dawn imsemmija fuq il-bord jew kumitat; d. il-kompetenzi ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-individwi msemmija fuq bord jew kumitat fejn jidħol is-settur ikkonċernat; e. jekk hux qed jattendu fil-kapaċità personali tagħhom jew ex officio ; u f. ir-remunerazzjoni mogħtija lil kull individwu?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Mużewijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, mhux biss kemm deħlin nies fil-mużewijiet, iżda wkoll: a. Kemm daħlu studenti eżattament fil-mużewijiet f’Malta u Għawdex fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022? b. Kemm irreġistraw entries il-mużewijiet fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 rispettivament? c. Kemm daħlu first timers fis-snin 2020, 2021 u 2022? d. Kemm minnhom marru iktar minn darba fis-sena? e. Kemm kien hemm repeat visits din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat kif ġej: a. Kemm daħlu studenti eżattament fil-mużewijiet f’Malta u Għawdex fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022: · 2018 Total: 17,455 · 2019 Total: 99,873 · 2020 Total: 20,121 · 2021 Total: 3,172 · 2022 (sa Awwissu 2022) Total: 20,786 b. Kemm irreġistraw entries il-mużewijiet fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 rispettivament: · 2018 Total: 1,904,222 · 2019 Total: 1,880,214 · 2020 Total: 340,598 · 2021 Total: 507,430 · 2022 (sa Awwissu 2022) Total: 638,747 Fir-rigward ta’ C, D u E, informat li din id-data ma tistax tinżamm u għalhekk din id-data ma tistax tiġi provduta.

HERITAGE MALTA — KIRI TA’ GARAXXIJIET F’ĦAL FAR

Question

Jista’ l-Ministru: a. jispjega kif u għal liema raġuni ġew mikrija l-ħames garaxxijiet mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ġewwa Ħal Far biex jintużaw bħala ħażna ta' artifatti u kollezzjonijiet nazzjonali; b. jgħid jekk kienx hemm sejħa pubblika għal din il-ħtieġa u jekk iva, kemm kienu is- sottomissjonijiet; c. jgħid kif u fuq liema kriterji ntgħażlu dawn il-garaxxijiet; d. ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokumentazzjoni, studji u riċerka oħra inkluż monitoraġġ għal livelli ta' umdità, temperatura u risk assessments f’dak li għandu x'jaqsam ma’ sigurtà tal-proprjetà magħżula li saret fuq din il-proprjetà qabel ma l-artifatti ġew jew ser jiġu trasferiti fiha; e. jgħid x’miżuri ta’ konservazzjoni preventiva ttieħdu biex jiġu protetti l-artifatti li ġew jew ġejjin storjati f’dawn il-garaxxijiet/warehouses; f. jikkonferma jekk hemmx pjan strateġiku fit-tul għall-infrastruttura meħtieġa biex taħżen artifatti u kollezzjonijiet nazzjonali u jekk dawn il-garaxxijiet humiex żieda ma’ faċilitajiet oħra li kellha Heritage Malta fl-Imrieħel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-iskop ewlieni tal-aġenzija kien li jkollha faċilitajiet fejn taħżen l-artefatti u l-kollezzjonijiet nazzjonali f’post wieħed speċifiku, peress li l-Aġenzija dejjem tkabbar il-kollezzjoni tagħha, speċjalment dik industrijali, u ma għandhiex tali faċilitajiet. Barra minn hekk, l-uffiċjali professjonisti f’dan il-qasam dejjem taw il-parir li dawn l-artefatti għandhom jinġarru mill-inqas possibbli, sabiex ir-riskju li jiġrilhom il-ħsara waqt it-trasport u l-‘handling’ tagħhom jitnaqqas konsiderevolment. Għaldaqstant, kellu jinstab post li jkun jista' jiġi użat għal numru ta snin. Dawn il-garaxxijiet ġew identifikati permezz ta’ żewġ sejħiet pubbliċi separati ta' EOI (Expressions of Interest) waħda fl-2014 u sussegwentement fl-2016. Għas-sejħa pubblika tal-2014 kien hemm tmien sottomissjonijiet, filwaqt li għal dik tal-2016 kien hemm sottomissjoni waħda. Il-kriterji li fuqhom nħarġu l-EOI kienu sabiex jiġu identifikati spazji ta’ daqs biżżejjed sabiex jesa’ il-kollezzjoni ta’ riserva [inkluż iktar minn 20 karozza tal-linji antiki fost oħrajn] kif ukoll kriterji ta’ sigurtà u ambjent idoneju. Wara s-sejha tal-2014, ġie ffirmat kuntratt ta’ ħames snin ma’ Portanier Ltd, peress li din l-offerta ġiet meqjusa bħala l-iżjed vantaġġuza f’termini tekniċi u finanzjarji. F’dan il-perjodu l-aġenzija kienet qed tagħmel użu minn diversi mħażen imxerrdin f’diversi lokalitajiet differenti, fosthom: • Boiler Workshop, Isla • Malta Shipbuilding, Marsa • Birgu Old Armoury (ivvakata fl-2015) • 1000 sq. m maħzen f’Ħal Qormi li ntagħżel permezz ta' 2014 EOI (Portanier Ltd) Iżda wara li kellha tivvaka l-Armerija tal-Birgu [fejn kient tinżamm il-kollezzjoni tal-folklore] fl-2015, lejn l-aħħar tal-2015/bidu tal-2016, l-aġenzija rċiviet ordni ta’ żgumbrament mill-Boiler workshop [fejn kienet tinżamm il-ħażna tal-kollezzjoni industrijali] u l-Malta Shipbuilding [fejn kienu miżmuma il-karozzi tal-linja], li wasslet lill-Heritage Malta toħroġ sejħa pubblika għall-faċilitajiet ġodda oħra (EOI 2016). Ta’ min jinnota li f’dak iż-żmien l-aġenzija kellha bżonn total ta’ madwar 2000 – 2500 sq. m ta’ faċilitajiet ta’ ħażna u bil-garaxxijiet li ġew mikrija fl-2014 biss, dan ma kienx biżżejjed, minħabba li l-kollezzjoni dejjem tikber. Fis-sejħa pubblika tal-2016 kien hemm sottomissjoni waħda, offruta minn Sasco Ltd., li kienet tikkonsisti f’maħżen li jesa’ 2850 sq. m. Għaldaqstant, kieku l-aġenzija aċċettat l-offerta ta’ Sasco Ltd., kien ikollha total ta’ madwar 3850 sq. m, li kien imur oltre sew milll-bżonnijiet fiżiċi u finanzjarji tagħha. F’dan l-istadju l-aġenzija ppruvat tara tasalx fi ftehim ma’ Portanier Ltd, sabiex tipprova xxolji l-kuntratt li kellha magħhom għal ħames snin, però qbil ma nstabx. L-aġenzija ppruvat ukoll issib qbil ma’ Sasco Ltd sabiex tikri parti biss mill-maħżen, iżda qbil f’dan is-sens ma ntlaħaqx lanqas. Sadanittant Heritage Malta daħlet ukoll f’diskussjonijiet mal-Malta Enterprise u mal-Malta Industrial Parks sabiex tingħata allokazzjoni ta’ medda art f’Ħal Far sabiex eventwalment tkun tista' tibni faċilitajiet ta’ ħażna [reserve storage] permanenti. L-aġenzija, f’dan l-istadju, irreferiet lura għas-sottomissjonijiet li kienet irċiviet fl-2014, u identifikat il-garaxxijiet f’Ħal Far tal-kumpanija inkwistjoni, bħala ideali għal bosta raġunijiet, fosthom: • Il-garaxxijiet issodisfaw is-sejħa pubblika u kienu għadhom disponibbli (sottomissjonijiet oħra ma kinux jissodisfaw il-kriterji mitluba fl-EOI jew ma baqgħux disponibbli); • Il-lokazzjoni kienet viċin ferm il-lokazzjoni proposta minn ME u MIP u għaldaqstant din kienet tfisser inqas spejjeż u riskju ta’ ħsara lill-artefatti fl-eventwalità ta’ ġarr; • Il-garaxxijiet huma kontinwament mgħassa b’uffiċjal tas-sigurtà provdut mill-kumpanija; • Il-garaxxijiet huma mdawra b’żona ODZ, konsegwentament jonqos drastikament ir-riskju ta’ ħruq, etc.; • L-għoli tal-garaxxijiet jagħti l-faċilità li jiġu maħżuna oġġetti kbar ħafna bħal xarabanks, dgħajjes, etc u li jinħolqu livelli intermedji. B’konsegwenza tar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, fl-2016 l-aġenzija nnutat li kien iżjed ta’ benefiċċju għaliha f’sens ekonomiku u fiżiku li tikri żewġ garaxxijiet ġewwa Ħal Far mill-kumpanija msemmija, għal perjodu ta’ tliet snin b’għażla ta’ estensjoni għal sentejn oħra. Il-kuntratt ġie emendat sabiex jinkera t-tielet garaxx fl-istess lokalità fl-2018 għal perjodu ta’ tliet snin. Sadattant il-kuntratt ma’ Portanier skada fl-2021 u l-aġenzija ġiet infurmata xhur qabel li Portanier ma kellhom ebda intenzjoni li jġeddu l-kuntratt, u peress li ġie identifikat iktar spazju disponibbli fl-imħażen ta' Ħal Far, Heritage Malta rat li tieħu din l-opportunità li tikkonsolida l-artefatti kollha tagħha f’lokazzjoni unika. Il-kumpless inkwistjoni jissodisfa l-kriterji kollha li kienu miktuba fl-EOI. Il-binjiet ma jmissux ma binjiet oħra u għalhekk inaqqas ħafna r-riskju ta’ nar u flooding. Il-binjiet jinsabu 'l fuq mil-livell tat-triq u mibnijin riċentament (b'waterproofing membrane) u għalhekk ma tantx jista' jkun fihom umdita/ingress ta' ilma. Il-kumpanija wkoll tipprovdi watchman tul il-ġurnata kollha bħala parti mill-kirja. F’dak l-istadju ma kienx hemm bżonn li jsiru xi studji ulterjuri jew rapporti bil-miktub rigward l-ambjent jew konservazzjoni preventiva minħabba li dawn l-oġġetti ilhom jinżammu f’tined [Boiler Workshop, Malta Shipbuilding] u għalhekk fi mħażen simili u kienu stabbli. Barra dak imsemmi diġà, l-imħażen ġew eżaminati viżwalment mill-uffiċjali professjonisti ta’ Heritage Malta qabel ittieħdu l-oġġetti fihom, li jiġu trasportati u mpoġġija bl-aħjar mod possibbli. Il-pjan strategiku ta’ Heritage Malta huwa li eventwalment ikollha mħażen tagħha f’art identifikata minn ME u MIP. Kif diġà msemmi, peress li l-kirja tal-garaxxijiet tal-Imriehel skadiet fis-sena 2021 (mingħajr possibilità li jiġi estiż), inqala' l-bżonn li jinstab iżjed spazju sabiex ipatti għal dak in-nuqqas. Għaldaqstant l-aġenzija dehrilha li jkun iżjed għaqli li testendi l-faċilitajiet li kellha ġewwa Ħal Far għal raġunijiet li diġà ssemmew iżjed 'il fuq.

Bord ta’ Heritage Malta Services Ltd

Question

Jista’ l-Ministru: a. Isemmi kull persuna li tifforma parti mill-bord ta’ Heritage Malta Services Ltd? b. Jgħid x’inhuma l-kompetenzi tagħhom (ta’ kull persuna)? f’dan il-qasam

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord hu magħmul minn Noel Zammit, Russell Muscat, Sue Ellen Farrugia Gregory, Liam Gauci, Godwin Vella u Carlo Micallef, waqt li l-ispeċjalizzazzjonijiet tagħhom ivarjaw mill-istorja, business & management, storja gastronomika, komunikazzjoni, marketing, turiżmu, relazzjonijiet internazzjonali u pubblikazzjonijiet, fost oħrajn.

Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-direct orders li ħarġu din is-sena fi ħdan: a. Heritage Malta; b. Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali; u c. Kull entità oħra li taqa’ taħt l-istess Ministru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ta’ Bistra – kuntratt dwar faċilitajiet ta’ catering, tender u liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru joħroġ: a. Kopja tal-kuntratt li ħareġ fuq Ta’ Bistra dwar il-faċilitajiet ta’ catering? b. Kopja tat-tender? c. Kopja tal-liċenzji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li l-klijent kera s-sit ta’ Heritage Malta biex isiru attivitajiet bi prenotazzjoni minn qabel f’massimu ta’ sitt dati individwali u mifruxa fuq perjodu ta’ żmien. In oltre, is-sit ma ntużax bħala restaurant tant illi l-ikel ġie servut biss u ma sar l-ebda preparament jew tisjir ġewwa is-sit. Heritage Malta temmen li dawn is-servizzi jsaħħu l-esperjenza tal-viżitatur u jimxu id f’id ma’ servizzi simili li jingħataw f’siti simili barra minn Malta. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li sar bejn Heritage Malta Services Ltd u l-klijent.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks (INDIS Malta)

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kellhom encroachment agreement ma' Malta Industrial Parks li saret INDIS Malta u li kienu qegħdin iħallsu pagamenti kull xahar però wara ċert żmien dan l-encroachment agreement temmewh mingħajr qatt ma intużaw il-binjiet li għalihom kienet qed titħallas il-kera? Minn 2018 'il quddiem u jekk ittiħditx azzjoni fejn sar infiq bla bżonn u ħela?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar/Xemxija – Triq il-Pwales — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’manutenzjoni qiegħda tiġi ppjanata u meta hi ppjanata li ssir, il-manutenzjoni meħtieġa fi Triq il-Pwales, ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, inkluż tindif ta’ culverts, tiswija ta’ spralli tax-xita, u, fil-parti li tgħaqqad ma’ Xatt il-Pwales/Telgħet ix-Xemxija wiċċ ġdid tal-asfalt?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-istess Kunsill irċieva konferma li x-xogħlijiet saru, kemm mingħand il-Ministeru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi (MPWP-PWD) kif ukoll minn xi bdiewa tal-lokal. Fir-rigward ta’ Telghet ix-Xemxija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tieghu lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ħal Qormi – Żona ta’ madwar Triq Fonzu Meli, Triq G.M. Camilleri u Triq Dun Alwiġ Psaila — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jassigura li jingħataw ir-riżorsi kollha li hemm bżonn biex iż-żona ta’ madwar Triq Fonzu Meli, Triq G.M. Camilleri u Triq Dun Alwig Psaila, f’Ħal Qormi, tinżamm nadifa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, illi l-istess Kunsill jieħu ħsieb li jsir knis u tindif b’mod regolari fit-toroq imsemmija. Infurmat ukoll li dawn it-toroq jinkinsu darbtejn fil-ġimgħa.

Mużew Marittimu — Żjarat

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni żaru l-Mużew Marittimu tul din is-sena u jista’ jgħid x’inizjattivi ġodda ttieħdu jew se jittieħdu fih?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Mużew Marittimu bħalissa jinsab għaddej minn proġett estensiv ta’ restawr u riġenerazzjoni u għalhekk mhux aċċessibbli għall-pubbliku. Fil-fatt, infurmat illi s-sit kien miftuh sal-14 ta’ Marzu 2020. Fi tmiem il-proġett imsemmi l-mużew se joffri wirja permanenti ġdida b’faċilitajiet interattivi u esperjenza ħolstika li tinkludi spazji ġodda mill-binja li baqgħu mġarrfa sa minn tmien it-Tieni Gwerra, u li għalhekk qatt ma kienu miftuha għall-pubbliku qabel.

Raħal Ġdid — Pjazza Antoine de Paule – rapport tekniku dwar ħsarat u xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 1390 u 1657 billi s-sitwazzjoni issa ilha pendenti sew, jista’ l-Ministru jieħu ħsieb ir-rapport tekniku dwar il-ħsarat u x-xogħlijiet li għandhom isiru fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li r-rapport tekniku dwar il-ħsarat u x-xogħlijiet li għandhom isiru fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid ġie redatt u qiegħed ikun skrutinizzat mill-partijiet ikkonċernati. Qed issir ħidma id f'id ma' entitajiet oħra biex isiru interventi neċessarji.

Bormla – Triq San Ġwann t’Għuxa — riabilitazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1659, jista’ l-Ministru jara li l-parti tal-aħħar tat-triq fejn hemm spazju miftuħ li jista’ jiġi trasformat fi ġnien pubbliku iktar nadif u aċċessibbli għan-nies, jekk isiru bankijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla illi dik il-parti ta’ Triq San Ġwann t’Għuxa illi taħbat kantuniera ma' Triq Daħlet it-Tlett Ibliet, illi qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, hu spazju miftuħ li ma jaqax fir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali.

Valletta – Triq Girolamo Cassar – tiswijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1662, issa li l-ħsara li hemm fl-aħħar parti ta’ Triq Girolamo Cassar Valletta preċiżament fejn hemm forma ta’ roundabout ġiet imsewwija, jista’ l-Ministru jgħid min kien responsabbli sabiex ġew esegwiti x-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Ministeru kkonċernat.