Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumpanija Palumbo — ħaddiema barranin

Question

B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 19730, peress li t-tweġiba ma rrispondietx il-mistoqsija, tista' l-Ministru tgħid jekk il-kumpanija Palumbo applikatx biex iġġib ħaddiema barranin jaħdmu magħha? Jekk iva, kemm hu n-numru tagħhom, f'liema snajja u minn liema pajjiżi ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija Palumbo m'għandha l-ebda applikazzjoni pendenti għal permessi ta’ xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ, biex din iġġib ħaddiema barranin jaħdmu magħha.

Kittieba Maltin — inċentivi fiskali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kienu l-inċentivi fiskali li ddaħħlu matul l-ewwel disa' xhur tas-sena biex kittieba Maltin isibuha aktar faċli li jippubblikaw ix-xogħlijiet letterarji tagħhom? Kemm kienu l-kittieba Maltin li bbenefikaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tad-Djar — bini ta' housing units

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inbnew housing units mill-Awtorità tad-Djar matul din il-leġislatura? Jekk kien hemm, fejn u kemm minnhom ġew allokati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, sa Settembru ta’ din is-sena, l-Awtorità tad-Djar kienet responsabbli għat-tlestija ta’ diversi proġetti ta’ housing li jinkludu b’kollox 262 unit. Il-lokalitajiet kienu Bormla, Kalkara, Kirkop, Mellieħa, Mġarr, Mrieħel, Mtarfa, Naxxar, Paola, Pembroke, Qawra, Siġġiewi, Tarxien, Żebbuġ, Żejtun u Żurrieq. 89 units ġew allokati bil-bejgħ bi prezz issussidjat waqt li 83 unit ġew allokati bil-kera jew b’kiri. 90 unit ieħor qed jitkompla x-xogħol biex jiġu allokati.

Awtorità tad-Djar — proprjetà mixtrija mill-privat

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk inxtratx xi proprjetà mill-Awtorità tad-Djar mill-privat bil-għan li tiġi allokata matul din il-leġislatura? Kemm inxtrat, f’liema lokalitajiet u kemm ġew allokati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar tixtieq tinforma lill Onorevoli Interpellant illi ma nxtratx proprjetà mill-Awtorità tad-Djar mill-privat bil-għan li tiġi allokata matul din il-leġislatura.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — impjieg ta' nies li jagħmlu tindif fl-iskejjel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-policy tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni li jimpjega persuni biex jagħmlu xogħol ta’ tindif fl-iskejjel fuq bażi part-time? Huwa minnu li dawn fix-xhur tas-sajf ma jitħallsux bl-iskuża li la l-iskola hija magħluqa, ma jkunx hemm bżonn tindif? Kemm hemm persuni impjegati b’dawn il-kundizzjonijiet? Kemm ilhom f’dan it-tip ta’ impjieg? Hemm xi raġuni għalfejn dawk li ilhom snin jaħdmu b’dan il-mod, għadhom ma ġewx offruti impjieg full-time ? Peress li l-Ministru hija responsabbli wkoll mill-qasam tal-impjiegi, tista’ tgħid jekk tqisx bħala prekarji l-kundizzjonijiet li bihom qed jitħaddmu dawn il-persuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-policy tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja hi li jimpjega sa massimu ta' 179 persuna biex jagħmlu xogħol ta’ tindif fl-iskejjel fuq bażi part-time bejn 2 u 3 siegħat kuljum sabiex jgħinu l-full-time General Hands fit-tindif ta’ l-iskejjel matul is-sena skolastika. Dawn in-nies jiġu mpjegati wara sejħa għall-applikazzjonijiet fil-gażżetta tal-Gvern jew wara informazzjoni li tintalab lill-Korporazzjoni tal-Impjiegi u Taħriġ rigward nies li qed jirreġistraw bħala part-time cleaners. Skont is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-ingaġġ ta’ dawn il-Part-time Cleaners ikun sospiż matul il-vaganzi tas-sajf. Bħalissa hemm 170 impjegati bħala part-time cleaners fl-iskejjel ta’ l-istat f’Malta. L-ewwel grupp ta’ part-time cleaners ġew impjegati fis-sena 1996.

Skejjel Statali — ħalib lit-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk issa kull skola statali ngħatalhiex id-dritt li tagħżel jekk tagħtix ħalib lit-tfal? Hemm xi tip ta' rakkmandazzjoni lid-Dipartiment qed jagħti f'dan il-każ in linja mal-policy dwar l-obesità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull skola f’Malta u Għawdex, kemm Primarja kif ukoll Sekondarja, statali kif ukoll dawk tal-Knisja u Indipendenti, għandhom id-dritt li jagħżlu jekk iridux jagħmlu użu ta’ l-iskema ‘EU School Milk Subsidy Scheme’ fl-iskola. Kull sena, id-Dipartiment għall-Servizzi tal-Istudenti joħroġ ċirkulari fejn jistieden lil dawn l-iskejjel kollha sabiex japplikaw għall-‘EU School Milk Subsidy Scheme’. Din l-iskema tipprovdi lil dawk l-iskejjel li japplikaw b’sussidju fuq in-nefqa li jagħmlu biex jipprovdu ħalib frisk b’xejn lill-istudenti tagħhom. Din l-iskema tinħadem flimkien mall-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali bħala il-‘Paying Agents’. Id-dokument HELP, maħruġ mid-Direttorat għall-Servizzi Edukattivi, iħeġġeġ li kull tifel u tifla jieħdu mill-anqas 250ml ta’ ħalib frisk kuljum. Dan huwa l-istess ammont illi l-Kummissjoni Ewropeja tikkunsidra bħala eliġibli għas-sussidju fuq l-‘EU School Milk Subsidy Scheme’.

studenti mitluba n-National Insurance Number biex tiġi rijattivata l-Smart Card

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-istudenti tal-Università qed jintalbu n-National Insurance Number biex tiġi rijattivata l-Smart Card tagħhom, meta dawn ma jkunu qatt ħadmu? Huwa konxju l-Ministeru li b'din il-policy se tkun ippreġudikata s-sitwazzjoni tagħhom 'il quddiem, meta jersqu għal pensjoni, mil-lat ta' l-ammont ta' kontribuzzjonijiet soċjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mhux obbligatorju li l-istudenti jagħtu l-NI number tagħhom, jekk ikollhom, biex jieħdu l-għotja ta’ manteniment u tkun attivata s-smart card tagħhom li hi parti mill-imsemmija għotja. Jidher li kien hemm malintiż bejn id-Dipartiment tat-Teżor u l-Uffiċċju tal-Istipendji tal-Università li kien iċċarat f’qasir żmien u l-Uffiċċju tal-Istipendji fl-Università ngħata struzzjonijiet biex ma jinsistix għal din l-informazzjoni. Nixtieq inserraħ moħħ l-Onor. Interpellant li bl-ebda mod m’hi se tkun preġudikata s-sitwazzjoni ta’ dawn l-istudenti meta jersqu għall-pensjoni, mil-lat tal-ammont ta’ kontribuzzjonijiet soċjali. Dan għaliex il-krediti jingħataw lill-kontribwent tas-Sigurtà Nazzjonali meta titħallas l-ewwel bolla u mhux meta l-individwu jagħmel l-NI number. Għalhekk la l-istudenti ma jħallsux bolla mhux se jintlaqtu negattivament. Intenni li issa dan l-ekwivoku ġie ċċarat u mhux se jkun hemm insistenza għal din l-informazzjoni.

Facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ tat-tifel, li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li l-ġenituri tiegħu qed jitolbu biex jkollu facilitator il-ġurnata kollha peress li qed ikollu ħafna problemi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istatementing Moderating Panel ma rċieva l-ebda talba biex jerġa jara lit-tifel. L-istudent għandu sapport mill-‘Learning Support Assistant’ li qegħda il-ħin kollu fil-klassi.

Tal-Qroqq — Skate Park - ilbies protettiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid taħt minn taqa' r-responsabilità tal-skate park li hemm fl-area ta' Tal-Qroqq? Min qed jissorvelja li kulħadd ikun responsabbli sabiex ħadd ma jippratika dan l-isport mingħajr l-ilbies protettiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iSkate Park f’Tal-Qroqq għadda taħt ir-responsabbilita’ tal-Kunsill Malti għall-Isport, KMS. Sa’ llum mhux issir sorveljanza fuq l-ilbies protettiv. Madankollu tajjeb jingħad ukoll li fl-aħħar xhur saru diversi xogħlijiet biex jitnaqqas kull periklu li seta’ kien hemm. Barra minn hekk ġie kkummissjonat rapport biex jindividwa xi nuqqasijiet oħra biex dawn issa bdew jiġu indirizzati wkoll. Dan qed isir biex il-faċilità tkun tista’ titgawda minn kulhadd fl-akbar sigurtà.

Università ta' Malta — sejħa għall-Beadle

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-aħħar sejħa ta' Beadle fl-Università? Minn fejn kienu l-applikanti? Fiex wasal l-proċess tal-għażla? Kemm se jiġu ngaġġati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — Talbiet għal career breaks

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm talbiet għal career breaks fl-aħħar sentejn f'kull dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha? Kemm minnhom saru minn nisa, kemm saru minn irgiel u għal liema raġuni? Tista' tgħid kull talba li ġiet milqugħa kemm damet biex tiġi proċessata u fil-każ ta' dawk miċħuda, jekk kien il-każ, x'kienet ir-raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Racing Club — rapport miċ-Chairman

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport li sar miċ-Chairman tal-Malta Racing Club dwar konsum ta' dawl u ilma fil-korsa tal-Marsa fl-aħħar snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma sar l-ebda rapport mic-Chairman tal-Malta Racing Club dwar konsum ta' dawl u ilma fil-korsa tal-Marsa fl-aħħar snin.

Malta Racing Club — pagi u salarji ta' individwi

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' rapport magħmul miċ-Chairman tal-Malta Racing Club li jindika li din l-entità governattiva tul is-snin kienet qiegħda tħallas pagi u salarji lil individwi li ma kenux reġistrati mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għall-fini tal-ħlas tal-bolla kontributorja, mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għall-fini ta' records ta' impjieg u mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni għal skopijiet ta' taxxa kontributorja li kawża ta' dan il-Gvern kien qiegħed jitlef minn dħul bi dritt u aktar u aktar tikkonferma li l-individwi konċernati li kienu qegħdin jirċievu paga jew salarju kienu qegħdin fl-istess ħin jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u jieħdu l-benefiċċju tal-qgħad mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li qatt ma ġew mitluba jroddu lura lill-istess Dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma sar l-ebda rapport miċ-Chairman tal-Malta Racing Club li jindika li din l-entità tul is-snin kienet qiegħda tħallas pagi u salarji lil individwi li ma kenux reġistrati mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni.

Capacity Building Exercise

Question

Tista' l-Ministru tiddefinixxi u tispjega fiex jikkonsisti l-hekk imsejjaħ Capacity Building Exercise li għaddej f'kull qasam li jaqa' taħtha u tgħid b'mod dettaljat x'effett se jħalli fuq il-qasam edukattiv? Per eżempju, kif se jintlaqtu l-Learning Support Assistants li ġew imwiegħda u ġie miftiehem mal-Malta Union of Teachers li wara li jagħmlu kors ta' 70 siegħa jieħdu promozzjoni u jitjiebu l-kundizzjonijiet tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Capacity Building Exercise huwa eżerċizzju bejn il-Public Administration Human Resource Unit, il-Ministeru tal-Finanzi u l-Ministeru konċernat. Kull entita’ taħt l-istess Ministeru tagħmel ir-rikjesti tagħha skont il-bżonnijiet previsti. Wara diskussjoni tingħata l-approvazzjoni tad-deċizjoni meħuda. B’referenza għal- Learning Support Assistants , meta dawn eventwalment jagħmlu l-kors ta’ 70 siegħa dawn jiġu assimilati bħala LSAII skont il-ftehim bejn il-Gvern u MUT .

Malta Council for the Voluntary Sector — għażla ta' segretarju eżekuttiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid b'liema mod ġie magħżul is-segretarju eżekuttiv il-ġdid tal-Malta Council for the Voluntary Sector b'direct appointment jew b' call for applications? Jekk kien hemm call for applications, din kienet interna jew esterna? Kemm applikaw nies? Meta saru l-interviews? Min kien fil-bord tal-għażla? Min kienet il-persuna li eventwalment intgħażlet? X'pakkett finanzjarju jġorr miegħu l-post ta' segretarju eżekuttiv għall-Malta Council for the Voluntary Sector?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Segretarju Eżekuttiv tal-Malta Council for the Voluntary Organisations, Is-Sur Mauro Pace Parascandolo ġie ‘deployed’ fuq ‘assignment basis’ bis-salarju tiegħu ta’ għalliem li din is-sena hija Eur 20,727 fis-sena (Scale 8 Step 7). Qed jingħatalu ukoll allowance inklussiv ta’ Eur 2,500 fis-sena għat-trasport u komunikazzjoni.

Qasam Industrijali tax-Xewkija — kumpaniji

Question

Tista' l-Ministru tagħti l-ismijiet tal-kumpaniji li hemm joperaw fil-qasam industrijali tax-Xewkija? Tista’ tgħid x’inhu l-ġeneru tal-operat tagħhom? Tista’ tgħid meta bdew joperaw f’dan il-Qasam Industrijali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Labour Force Survey — żieda fl-impjiegi

Question

L-aħħar Labour Force Survey jindika li n-numru ta’ impjiegi żdiedu b’4,164 meta mqabbla mas-sena li għaddiet, u li 3,819 jew 92% ta’ din iż-żieda, kienet ġejja minn żieda fl-impjiegi mal-Gvern u fis-settur pubbliku. Tista’ l-Ministru tgħid jekk taqbilx mall-konkluzjonijiet tal-Labour Force Survey u jekk dawn jaqblux mal-mira ddikjarata tal-Gvern li jnaqqas id-daqs tas-Settur Pubbliku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Studenti tal-Junior College — Smart Card u Stipendji

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta l-istudenti tal-Junior College se jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-Ismart Card għax s'issa għadha magħluqa? Tikkonferma li l-ewwel stipendju se jinħareġ f’Dicembru, jiġifieri tliet xhur wara l-bidu tas-sena skolastika? Dan ifisser ukoll li l-istipendju se jibda jingħata kull tliet xhur?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti kollha tat-tieni sena tal-Junior College jistgħu jagħmlu użu mill-smart card tagħhom għax is-sistema qed taħdem u l-cards tagħhom huma attivati. Il-parti l-kbira tal-istudenti tal-ewwel sena ukoll jistgħu jużaw il-card tagħhom għax hi attivita. Hemm numru żgħir ta’ studenti li għad ma nfetħitilhomx il-card tagħhom għax il-bord għadu qed jistenna konferma dwarhom mill-amministrazzjoni tal-Junior College. Dawn jistgħu jżommu l-irċevuti ta’ nfiq li jagħmlu sakemm tinfetaħ il-Card u jkollhom rifużjoni ta’ dan l-infiq. Sa minn meta kienet introdotta s-sistema tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti, fis-sena 2000, l-ewwel ħlas tal-istipendju dejjem isir fil-bidu ta’ Diċembru ta’ kull sena u f’dak ix-xahar isiru żewġ ħlasijiet. U mbagħad jibqa’ jsir ħlas kull 4 ġimgħat. Ma hemm ebda ħsieb li l-istipendji jitħallsu kull tliet xhur.

Junior College — studenti li jixtiequ jistudjaw il-Latin

Question

Tista' l-Ministru tgħid fil-każ ta' studenti li jattendu l-Junior College u jkunu interessati li jagħżlu l-Latin kemm huwa n-numru minimu sabiex jgħaqqdu klassi? Meta studenti jmorru biex japplikaw u ma jkunux jistgħu jieħdu xi suġġett partikolari, jistgħu għallinqas jingħataw ftit ċans sabiex jagħżlu suġġett ieħor u mhux jintalbu jiddeċiedu dak il-ħin stess? Fil-każ tal-Latin, jista' jkun li kien hemm studenti biżżejjed imma ma nstabx għalliem biex jgħallem din il-lingwa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’studenti biex tingħaqad klassi jkun deċiż mill-amministrazzjoni tal-Junior College. Qatt ma nfetħu klassijiet b’anqas minn sitt studenti. Studenti li ma jistgħux jieħdu xi suġġett partikolari jingħataw għadd ta’ ġranet ċans biex jagħżlu suġġett alternattiv u ma jintalbux jiddeċiedu dak il-ħin stess. F’Ottubru 2010 fil-Junior College applikant wieħed biss għażel il-Latin u għalhekk ma ġietx iffurmata klassi.