Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xgħajra – Tiswija ta’ plakka tal-inawgurazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18045, jista’ l-Ministru jara li l-plakka tal-inawgurazzjoni tal-proġett tax-xatt li inawgura l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, li tinsab fuq ix-xaqliba ta’ Smart City u hija magħmula miċ-ċaqquf, tingħata l-attenzjoni meħtieġa u tiġi rranġata?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Kbira – Dewmien fix-Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tkun lesta Triq il-Kbira ġewwa Ħaż-Żabbar li ilha magħluqa għat-traffiku u maqlugħa ammont ta’ xhur u jidher li x-xogħol miexi bil-mod? Jista’ jgħid ukoll x’wassal għal dan id-dewmien?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba s-sensittività taż-żona fejn għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq il-Kbira, Ħaż-Żabbar, u kif obbligati f’kundizzjonijiet maħruġa mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, ix-xogħlijiet qed isiru bl-inġenji magħrufa bħala gerriema, minflok bil-musmar. Dan wassal biex ix-xogħlijiet jieħdu aktar żmien minn kemm oriġinarjament skedat. F’dan il-proġett tlesta t-tqegħid tas-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita tul it-triq kollha u nbiddlu s-soqfa tat-tappiera tad-drenaġġ. Bħalissa l-kuntrattur qiegħed ibiddel il-bankini u l-water house connections. Wara dawn ix-xogħlijiet, jibda x-xogħol ta’ tqaxxir u jingħata l-asfalt. Ix-xogħlijiet mistennija jkunu konklużi fil-ġimgħat li ġejjin.

Ħal Qormi — Triq Ġuzè Duca - Sewqan perikoluż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri jistgħu jittieħdu minħabba sewqan perikoluż fi Triq Ġużè Duca, Ħal Qormi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-isfond ta’ din l-informazzjoni, ser issir spezzjoni fuq il-post sabiex tiġi eżaminata s-sigurtà f’din it-triq u jiġu identifikati miżuri addizzjonali skont il-bżonn.

Birżebbuġa — Triq tal-Ġebel u fi Triq tal-Papa - Ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex jiġu rranġati l-partijiet tal-ħitan tas-sejjieħ li ġarrbu ħsarat matul is-snin fi Triq tal-Ġebel u fi Triq tal-Papa, Birżebbuġa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex ikun aktar speċifiku għal liema ħitan tas-sejjieħ qed jirreferi.

Transport Malta — Maritime Enforcement Unit - Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18091 u 18190 u jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-Maritime Enforcement Unit fi ħdan Transport Malta mill-2020 sal-2023, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’irriżulta minn kull ċitazzjoni, jekk tħallsux, jekk intilfux, jekk ġewx appellati jew jekk ġewx preskritti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Transport Malta – Policy tal-irtirar qabel il-65 sena

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18123 u jgħid x'inhi l-policy għal dawk l-impjegati ta' Transport Malta li jilħqu l-età tal-irtirar qabel il-65 sena? Jista’ jgħid jekk hux l-impjegati kollha jiġu mġedda għal sena, jew jiddependi mill-individwu? Jista’ jgħid ukoll x'inhuma l-kriterji li bihom persuna titħalla tkompli u ħaddieħor le? Kien hemm tibdil f'din il-policy fl-aħħar tliet snin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull ħaddiem għandu dritt li japplika sabiex iġedded id-data tal-irtirar tiegħu. Bħala dipartiment tar-riżorsi umani, jirċievu t-talbiet tal-ħaddiema kull sena u jitolbu għall-approvazzjoni neċessarja. Dan huwa dejjem fid-diskrezzjoni tal-management u tal-Kap Eżekuttiv.

L-Imġarr Malta — Traffic management - Petizzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18109 mogħtija fl-4 ta’ Marzu 2024, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-petizzjoni ‘Diskussjoni għal sistema ta’ Traffic Management aħjar fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr’ u jgħid x'riżultati ħarġu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li Transport Malta ġabret is- site data, saret laqgħa bejn l-awtoritajiet ikkonċernati biex jiġi diskuss il pass li jmiss.

Bormla — Triq Wiġi Rosato - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qegħdin isiru fi Triq Wiġi Rosato, Bormla, kemm se jdumu għaddejjin u kemm huma stmati li se jiġu jiswew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’xogħlijiet estensivi ta’ bini mill-ġdid ta’ din it-triq, bix-xogħlijiet jinkludu tqegħid ta’ sistema ġdida tad-drenaġġ, telekomunikazzjoni, konnessjoni ġdida tal-ilma lejn id-djar, bankini ġodda, u xogħol t’asfalt. Dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ nofs miljun Ewro, mistenni jitlesta fix- xhur li ġejjin.

Raħal Ġdid — Triq l-Isqof Buhagiar - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qegħdin isiru fi Triq l-Isqof Buhagiar, Raħal Ġdid, kemm se jdumu għaddejjin u kemm huma stmati li se jiġu jiswew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq l-Isqof Buhagiar, Paola qegħdin isiru xogħlijiet ta’ servizzi li jinkludu bdil tal-main tad-drenaġġ, bdil tal-main tal-ilma, u bini mill-ġdid tal-bankini u t-triq inkluż xogħlijiet t’asfalt. Ix-xogħlijiet huma pjanati li jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin u huma stmati li jiswew madwar 260,000 Ewro.

Bord tal-Inġiniera — Ingaġġ ta’ Segretarja - Dewmien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex kien hemm daqstant dewmien biex tiġi appuntata Segretarja għall-Bord tal-Inġiniera, liema dewmien qed iwassal sabiex inġiniera ġodda jdumu jistennew biex jingħataw il-warrant?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18212.

Ħ’Attard — Triq Victor Vassallo - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18223 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18005, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq l-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjan li rrefera għalih u li fuqu ser isiru x-xogħlijiet fi Triq Victor Vassallo, Ħ’Attard?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ħ’Attard — Triq Santa Katarina - Tindif u manutenzjoni tas-Centre Strip

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18226, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li s-centre strip ta’ Triq Santa Katarina, Ħ'Attard, titnaddaf u s-siġar jinżabru?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

TM – Irmiġġi biswit l-AUM

Question

Jista’ l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18312 u jgħid jekk l-ebda uffiċjal/ħaddiem ta’ Transport Malta huwiex involut mal-irmiġġ biswit l-American University of Malta (AUM)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ma tamministrax l-irmiġġ tad-dgħajjes mall-moll tal-American University of Malta (AUM).

Merchant Shipping f’Malta – Żieda jew tnaqqis

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18313 u jgħid iż-żieda jew it-tnaqqis fit-tunnellaġġ għall-Merchant Shipping f’Malta għal dawn l-aħħar sentejn?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15233.

L-Iklin — Triq Erin Serracino Inglott - Trakkijiet tax-xogħol tal-kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex permess li minn Triq Erin Serracino Inglott, fl-Iklin jgħaddu 'l fuq u 'l isfel trakkijiet tax-xogħol tal-kostruzzjoni, mingħajr ma jkollhom servizz x'jagħtu fit-triq imsemmija?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

L-Iklin — Triq Geronimo Abos - Trakkijiet tax-xogħol tal-kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex permess li minn Triq Geronimo Abos, fl-Iklin jgħaddu 'l fuq u 'l isfel trakkijiet tax-xogħol tal-kostruzzjoni li jkunu telgħin jew neżlin lejn u min-Naxxar, mingħajr ma jkollhom servizz x'jagħtu fil-lokal?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Pagamenti lil kumpanija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15889, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' flus mħallsa mill-Gvern jew entitajiet tiegħu f'pagamenti lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament bħala sussidju u ħlas ieħor għas-servizz ta' trasport f'Malta fis-snin 2021, 2022 u 2023?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-total ta’ flus imħallsa lill-kumpanija Malta Public Transport kien kif jidher fil-punti segwenti: · 2021 €36,325,386 · 2022 €42,788,967 · 2023 €69,376,442

Rotta numru 31

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fir-rotta tal-linja numru 31 matul dawn l-aħħar tliet snin? Jekk iva, x'tibdil kien hemm u meta sar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tibdil li kien hemm fir-rotta 31 qed jiġi spjegat fil-punti segwenti: 1. Tibdil fil-frekwenza, fejn matul il-ġimghat il-frekwenza żdiedet għal tnax il-minuta fil-ħinijiet peak. 2. Minħabba t-tibdil fid-direzzjoni tat-traffiku ġewwa l-Mosta, fid-dħul tagħha ġewwa il-Mosta minn San Pawl il-Baħar, din ir-rotta qiegħda tgħaddi minn Triq il-Kbira għal Triq l-Indipendenza minflok Triq il-Kungress Ewkaristiku. Filwaqt fi triqtha lejn San Pawl il-Baħar din ir-rotta qiegħda tgħaddi minn Triq il-Kungress Ewkaristiku minflok minn Triq l-Indipendenza u Triq il-Kbira.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u s-Segretarjat, kemm ilu responsabbli minn dan id-dekasteru, u kemm dawn jitħallsu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17705.

Trasport pubbliku – Kuntratt tas-servizz

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18065 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tas-servizz tat-trasport pubbliku?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti li jġibu in-numru 6607, 6608 u 6609 kienu imqiegħda fuq il-mejda tal-kamra fis-seduta bin-numru 358 li kienet saret fis-17 ta’ Frar 2016. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġt emendi u addendum oħra li kienu saru mal-kuntratt.