Legislature:
Category:
Reset
Active:

Teatru Manoel – miżati tal-kiri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jiġu kkalkulati l-miżati tal-kiri lill-kumpaniji kreattivi privati u kumpaniji kummerċjali ġewwa t-Teatru Manoel? X’inhuma? Jista’ jgħid jekk hemmx miżati fissi, u jekk le, kif u min jiddeċiedi?

Response (BONNICI, OWEN)

It-Teatru Manoel jitlob rati ta’ kiri għal kull jum ta’ produzzjoni u għal kull jum ta’ prestazzjoni. Dawn ir-rati ta’ kiri jinkludu servizzi oħra minbarra l-kiri tal-palk prinċipali, l-awditorju u l-kmamar ta’ fejn ibiddlu. Ir-rata ta’ kiri għal jum ta’ produzzjoni tinkludi wkoll (i) assistenza minn ħaddiema tat-Teatru biex wieħed jidħol, itella’ l-palk, jippjana l-provi u jwettaq sound checks, (ii) is-servizzi ta’ tekniku tad-dwal, (iii) il-preżenza ta’ mill-inqas membru wieħed ta’ stage crew, (iv) tindif, u (v) il-konsum tal-elettriku u l-użu tad-dwal tal-palk. Dawn jiswew €700 flimkien mal-VAT kull jum ta’ produzzjoni. Ir-rata ta’ kiri għal jum ta’ prestazzjoni tinkludi s-servizzi kollha pprovduti matul il-ġranet tal-produzzjoni kif ukoll is-servizzi ta’ (i) ħaddiema front-of-house, inkluż persuna li tieħu ħsieb il-box offices, (ii) ħaddiema tal-box office, (iii) duty manager, u (iv) ħaddiema tas-sigurtà. Dawn jiswew €1,950 flimkien mal-VAT għal kull prestazzjoni. Barra minn hekk, minkejja li huwa bini ta’ 300 sena li jeħtieġ spejjeż għoljin ta’ manutenzjoni biex jibqa’ għaddej, it-Teatru jonfoq l-akbar parti tal-ispejjeż tiegħu biex iwettaq l-attivitajiet, flimkien ma’ żidiet fl-operat sa fejn hu possibbli. It-Teatru Manoel jaħdem bis-sħiħ biex iżomm l-ispejjeż tiegħu u jopera fil-baġit allokat. It-Teatru qed jesplora wkoll kontinwament opportunitajiet għal sorsi oħra ta’ dħul, jiġifieri permezz ta’ sponsorships korporattivi u ftehimiet ta’ kollaborazzjoni. B'kollox, dawn l-isforzi jikkontribwixxu biex jinżammu rati ta' kiri li huma raġonevoli.

Valletta Cultural Agency – direttur artistiku tal-kunċett Strada Stretta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif intgħażel id-direttur artistiku tal-kunċett Strada Stretta mal-Valletta Cultural Agency? Jista’ jgħid jekk kienx hemm call for applications? Jekk intgħażel minn xi bord, min kienu n-nies fuq il-bord? X’budgets u riżorsi se jingħata? X’inhuma l-kompetenzi tiegħu f’din il-kariga? Se jkun qiegħed ibbażat Malta biex jagħmel dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-Direttur Artistiku ta’ Strada Stretta intagħżel mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta abbażi tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam kulturali fuq karriera ta’ madwar erbgħin sena. Iktar dettall dwar dawn il-kompetenzi jinab fid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Minħabba li l-Programm ta’ Strada Stretta jagħmel parti mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, ser jingħata r-riżorsi tal-Aġenzija. Għall-istess raġuni, l-budget ser ivarja skont l-allokazzjoni li tingħata l-istess Aġenzija ta’ kull sena.

Kunsill Nazzjonali għall-Patrimonju Kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi appuntat il-Kunsill Nazzjonali għall-Patrimonju Kulturali, kif mitlub mill-artikolu 12 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap. 445)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Nazzjonali għall-Patrimonju Kulturali jinsab fil-proċess li jiġi maħtur, liema proċess se jkun finalizzat fil-jiem li ġejjin u dan in osservanza tal-kriterji tal-ħatra indikati fl-artikolu 12 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap. 445).

San Pawl il-Baħar: Triq il-Mosta — ħofor

Question

Billi fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar u fis-service road tal-istess triq sad-data li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari hemm numru ta’ ħofor li jeħtieġu attenzjoni minħabba l-periklu li qed jiġġeneraw, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-periklu jitneħħa mill-aktar fis?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-ħofriet li ġew identifikati mill-Kunsill biex isir ‘patching’ bil-‘cold asphalt’ fi Triq il-Mosta jew is-service road ġew irranġati x-xahar li għadda.

Marsa – Għotja ta’ titlu ta’ Belt Kulturali — proġetti u nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar bħala proġetti u kemm-il Ewro ntefaq fil-proġett tal-għotja tat-titlu Belt Kulturali lill-Marsa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lokalità tal-Marsa ġiet magħżula fl-2021 biex tkun il-Belt Kulturali għall-2022 u b’hekk isir programm kulturali li jkopri s-sena kollha u jingħata finanzjament speċjali mill-Ministeru fl-ammonti li diġà ġew ippubblikati. Dawn l-attivitajiet għandhom ukoll l-għan li jitfgħu dawl fuq diversi aspetti storiċi ta' din il-lokalità u tingħata pjattaforma sabiħa għat-talent artistiku kemm fil-Marsa u lil hinn. Informazzjoni dwar proġetti li saru u l-ammonti relattivi tinsab hawn taħt: Isem tal-Attivita' Deskrizzjoni Perjodu tal-Attivita' Ftuħ tal-Belt Kulturali 2022. Ftuħ uffiċjali quddiem il-Knisja tas-Ssma Trinita’. Serata mu¿iko-letterarja f’atmosfera ta’ festa bis-sehem tal-maġġoranza tal-għaqdiet tal-lokal, u talenti Marsin u nazzjonali. Jannar 2022 Attivita’ tal-Karnival. Organizzata mal-iskola Primarja San Ġorġ Preca – l-istudenti ġew mistiedna joħolqu karru jew maskra ¿għir b’mod innovattiv bl-użu tal-materjal irriċiklat. Esebizzjoni ta’ dan ix-xogħol tal-istudenti saret fil-binja tal-kunsill. L-istudenti ingħataw ktieb tal-parteċipazzjoni. Frar 2022 Platti tradizzjonali tal-melħ u ross. Esebizzjoni u attivita’ ‘hands on’ fejn tfal mill-Proġett Tbissima ngħataw iċ-ċans li joħolqu platti bil-melħ ikkulurit b’mod profan. Il-platti ġew esebiti waqt il-wirja propja fejn bl-għajnuna tal-fondi tal-Belt Kulturali itellgħet il-wirja l-kbira. Marzu 2022 Esebizzjoni ta’ Arti dwar il-lokal. Artisti Marsin/Maltin/Barranin esebixxew xogħol oriġinali ta’ xi tfisser il-Marsa għalihom u r-relazzjoni li għandhom mal-lokal. April 2022 Breakfast on the bridge. Fuq bridge, sar breakfast għal kulħadd fejn kull min kien għaddej minn hemm kien mistieden jingħaqad magħna. Kunsilli ġirien ġew mistiedna, u l-għaqdiet kollha tal-lokalitajiet viċini flimkien mal-kommunita’. Mejju 2022 Festa tal-Għana Maltija. B’kollaborazzjoni mal-Għaqda Festi Esterni Marija Reġina, u l-Banda Marija Reġina saret lejla Marsija quddiem il-Knisja ta’ Marija Reġina flimkien ma’ serata ta’ għana u mu¿ika Maltija. Lulju 2022 Il-festa tal-Akbar Titulari fil-belt kulturali 2022. Festa kbira fejn bil-permess tal-kurja ħriġna ¿-¿ewġ vari f’purċissjonijiet separati li ingħaqdu flimkien f’quddiesa waħda fi Pjazza Magri. Din l-attivita’ nvolviet l-għaqdiet kollha tal-Marsa, ta¿-¿ewġ parroċċi. Attivita’ ta’ suċċess kbir u li ħalliet isem tajjeb tal-lokal tagħna. Settembru 2022 Total ta' nefqa s'issa €85,314.65

San Pawl il-Baħar – Kunsill Lokali – ilmenti ta’ percussion instruments fi Ġnien il-Millenju Buġibba

Question

Sad-data li qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar irċieva lmenti dwar numru ta' 'percussion instruments' li l-istess kunsill installa f'parti minn 'Ġnien il-Millenju', Buġibba, San Pawl il-Baħar? Jista’ jikkonferma li l-ilmenti li rċieva direttament il-Kunsill, jew li setgħu ġew mibgħuta lir-rappreżentanti tiegħu (lis-Sindku u/jew lis-Segretarju Eżekuttiv) kollha ġew imwieġba, u jekk le x’inhi r-raġuni għal dan? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk sarux xi studji dwar il-livelli tal-ħsejjes ikkawżati minn dawn l-istess strumenti qabel ma dawn ġew installati? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsill intalabx li jagħti rapporti dwar dawn l-istess ħsejjes lill-Awtorità tal-Ippjanar jew lil xi entità oħra, u jekk iva jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess rapporti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, illi l-istess Kunsill irċieva 3 ilmenti mingħand residenti li joqogħdu f'binja ta' appartamenti li tinsab madwar 30 metru 'l bogħod, fejn il-Kunsill bagħat risposta uffiċjali lill-amministratur tal-binja. Infurmat illi l-Kunsill iddeċieda li tinġibed l-attenzjoni tal-Pulizija Eżekuttiva għal aktar sorveljanza tal-liġijiet f’dan il-ġnien kif ukoll dwar li jitħaffef il-proċess biex tiġi installata CCTV fl-inħawi.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — infiq f’reklamar fuq media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Bus Shelters f’kull lokalità

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista ta' kemm saru bus shelters ġodda lokalità b'lokalità mill-Gvern Lokali rispettiv mill-2013 sal-2021? Jista' jipprovdi lista lokalità b’lokalità ta' talbiet pendenti u meta saru dawn it-talbiet mill-Gvern Lokali rispettiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sabiex tiġi mwieġba d-domanda tiegħu, li daħlet erbat ijiem biss qabel is-seduta tal-lum, jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil u li jeħtieġ użu ta' ħafna riżorsi, liema riżorsi jistgħu jintużaw fuq ħidma ħafna aktar produttiva u effettiva b'risq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?

Response (BONNICI, OWEN)

It-taghrif ghadu qed jingabar.

Heritage Malta – akkwisti ta’ artifatti u siti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra dwar x'kienu l-akkwisti f'termini ta' artifatti u siti li għamlet Heritage Malta f'dawn l-aħħar 9 snin u x'kien il-prezz imħallas għalihom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Birżebbuġa – Triq tal-Ġebel – ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u minn min ser jittranġaw il-ħitan tas-sejjieħ li jinsabu fi Triq tal-Ġebel f’Birżebbuġa peress li parti minnhom jinsabu mwaqqgħin u qed ikunu ta’ periklu għal kull min juża din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa illi dan ix-xogħol ma jappartjenix lill-Kunsill Lokali. Madanakollu, infurmat li l-Kunsill Lokali rispettiv qiegħed jesplora kif tali xogħlijiet neċessarji jsiru bil-għajnuna ta' entitajiet oħra.

Għaqdiet tan-Nar liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Għaqdiet tan-Nar liċenzjati madwar Malta u Għawdex, liema huma dawn l-Għaqdiet tan-Nar, humiex ta’ xi soċjetà mużikali partikolari jew privati u f’liema lokalità tinsab kull kamra tan-nar?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Ministeru kkonċernat.

Gudja: Triq Santa Katerina, Triq id-Dejqa, Triq Joe Pace — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ix-xogħlijiet fi Triq Santa Katerina, Triq id-Dejqa u Triq Joe Pace, il-Gudja ġewx finalment fi tmiemhom u jistax għalhekk jindika kemm dam sejjer dan ix-xogħol kif ukoll l-ispiża li ntnefqet jew proġettata li tintnefaq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li x-xogħlijiet ta' tqegħid ta' pavimentar fit-toroq imsemmija huma lesti, għajr għal xi xogħlijiet żgħar li għad iridu jsiru għas-sodisfazzjon tal-Kunsill u r-residenti. Infurmat ukoll li t-tqegħid tal-madum dam sejjer għal madwar sena u dan minhabba diffikultajiet fil-livelli ta' triq u dwar problemi oħra li ma kinux previsti. Is-somma prevista għal dan il-proġett hija ta` €262,036.50 excl VAT.

Raħal Ġdid: Triq iċ-Ċimiterju — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra li billi għadu għaddej ix-xogħol fi Triq iċ-Ċimiterju, Raħal Ġdid, li sakemm tkun lesta Triq Ħal-Saflieni tiġi one way minn Triq Palma billi preżentement hija two way u qiegħda tikkaġuna perikolu għal min ikun dieħel u jsib vetturi oħrajn ġejjin biex joħroġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li l-istess Kunsill ressaq talba lill-entità kkonċernata sabiex parti minn Triq Ħal Saflieni ssir one-way.

Heritage Malta — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru joħroġ lista sħiħa tan-nies, u t-titlu ta’ xogħolhom, li qed jaħdmu f’Heritage Malta mis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u anke ta’ din is-sena 2022?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qiegħed inressaq l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunċert Rockestra — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa biex ittella’ l-kunċert Rockestra ta’ din is-sena? Kemm ġie mikri l-ispazju fejn ittella’ Rockestra? Kemm ġie jiswa l-kiri tas-sound system? Kemm ġiet tiswa l-istallazzjoni tad-dawl? Kemm ġie jiswa l-marketing kemm f’billboards u kemm fuq midja soċjali (separatament)? Kemm ġie jiswa l-logistic crew? Kemm kien hemm session musicians u kemm ġew jiswew kull wieħed? Jista’ jgħid jekk hemmx spejjeż oħra li ntefqu minn flus il-poplu? Jista’ jgħid jekk ġewx imħarsa u mħallsa d-drittijiet mużikali (music rights) fuq il-kanzunetti li ġew esibiti matul il-kunċert?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-kunċert Rockestra ma jigix organizzat mill-Ministeru jew minn xi entita’ fi ħdanu.

Teatru Manoel – annual accounts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx it-Teatru Manoel ippubblika l-annual accounts għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qiegħed inpoġġi r-rapporti msemmija fuq il-Mejda tal-Kamra.