Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #10682 Sitting 243 2019-07-01 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Fondi Ewropej

Question

B'referenza għal Fondi Ewropej, li jammontaw għall-€500,000, li ngħad li se jintużaw biex tiġi implimentata l-viżjoni tal-Ministeru dwar it-tmexxija ta' Għawdex biex il-gżira tkompli tkun ekoloġika u destinazzjoni unika u ta' kwalità, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra u tgħid liema huma l-proġetti li se jiġu megħjuna minn dawn il-fondi?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tħabbru diversi proġetti ġodda li qed isiru minn fondi Ewropej u għaldaqstant huwa opportun li jiġi speċifikat għal liema proġett ta’ EUR 500,000 qed jirreferi għalih l-istess Onor. Interpellant.
Leg 13 PQ #10683 Sitting 243 2019-07-01 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Proġett Consume-less

Question

B'referenza għall-proġett Consume-less, li għandu l-iskop biex jiġi ġġenerat inqas skart u kif niddisponu minnu, tista' l-Ministru tgħid xi proċedura se tintuża biex jintgħażlu l-50% tar-ristoranti Għawdxin li se jiġu involuti f'dan il-proġett?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-ristoranti kollha liċenzjati mal-Gozo Tourism Association ġew infurmati b’dan il-proġett b’servizz door-to-door u dawk li riedu jissieħbu setgħu jagħmlu dan fuq bażi volontarja.
Leg 13 PQ #10684 Sitting 243 2019-07-01 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xlendi — bini ta' moll ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa l-proġett tal-bini mill-ġdid tal-moll fix-Xlendi? Tista' tgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-pjanijiet minn dawk li oriġinarjament kienu pproġettati? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid jekk dan affettwax l-ispiża oriġinali tal-proġett u kemm kien l-ammont ta' dawn l-ispejjeż żejda?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan kien proġett li twettaq flimkien ma’ Transport Malta u li tkompla ma’ Infrastructure Malta fejn wara li l-Ministeru ħa d-deċiżjoni li jsir il-proġett ħa l-irwol li jiffinanzjah filwaqt li Transport Malta u Infrastructure Malta ħadu ħsieb l-aspett tekniku, ħruġ ta’ tenders, superviżjoni u implimentazzjoni.
Leg 13 PQ #10724 Sitting 243 2019-07-01 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għal Għawdex

Vapur – Xiri/kiri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10606, tista’ l-Ministru twieġeb l-istess mistoqsija hekk kif saret u tgħid b’liema mod ġie mixtri jew mikri dan il-vapur (jekk hux b’tender, expression of interest jew direct order)? Tista’ tagħti dettalji ta’ kif inxtara jew ġie mikri?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vapur ġie mikri għall-6 xhur wara li l-Gozo Channel għamlet riċerka eżawrjenti fis-suq internazzjonali. Sadanittant, diġà hemm tender għand id-dipartiment tal-kuntratti biex jiġi ppubblikat.
Leg 13 PQ #10516 Sitting 242 2019-06-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħruġ ta’ kuntratti pubbliċi mid-dipartimenti

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm inħarġu u ġew assenjati kuntratti pubbliċi minn kull dipartiment u entità li taqa’ taħt id-dekasteru tagħha mit-8 ta' Marzu 2013 sat-3 ta Ġunju 2017? Tista’ f’kull każ tgħid: a. min rebaħ il-kuntratt; b. l-ammont totali tal-kuntratt; c. jekk il-kuntratt kienx kompetittiv jew b’ direct order ; u d. l-oġġett tal-kuntratt (x’tip ta’ xogħol jew servizz ieħor qed jinxtara)?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jinġabar it-tagħrif mitlub hemm involut ammont sostanzjali ta’ xogħol u din l-informazzjoni tista’ faċilment tinkiseb mill-Gazzetta tal-Gvern.
Leg 13 PQ #10517 Sitting 242 2019-06-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xlendi – xogħlijiet fuq id-Dry Standing Facility

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet li f’dawn l-aħħar ġranet ma sar ebda xogħol ta’ rinovazzjoni fuq id-Dry Standing Facility ġewwa x-Xlendi? Meta huwa ppjanat li jitlesta dan il-proġett u jibda jintuża mis-sajjieda?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn il-jiem kien għaddej xogħol fuq il-bini tal-bqija tal-ħajt ta’ madwar id-Dry Standing Area tax-Xlendi. Hu maħsub li din iż-żona tkun lesta u tkun tista’ tibda tintuża fil-ġimgħat li ġejjin u x-xogħol miexi skont il-programm ta’ ħidma pre-stabbilit.
Leg 13 PQ #10518 Sitting 242 2019-06-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender għal bini ta’ Storm Water Culvert kkanċellata

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet li t-tender MGOZ/MPU T 10/2019 (Tender for the Construction of a storm water culvert including reinstatement of Malta Street Għajnsielem) fuq il-website tal-etenders.gov.mt ġiet ikkanċellata?Tista’ tgħid meta din ġiet ikkanċellata u min ħa d-deċiżjoni biex din tiġi kanċellata u min ħa jerfa’ r-responsabilità ta’ dan kollu, u dan wara li din l-istess tender kienet ġiet awarded mill-Ministerial Procurement Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fil-21 ta' Mejju 2019?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lir-raġuni li t-tender MGOZ/MPU T 10/2019 (Tender for the Construction of a storm water culvert including reinstatement of Malta Street Għajnsielem) fuq il-website tal-etenders.gov.mt ġiet tidher bħala kkanċellata hija marbuta ma’ problema teknika fuq il-portal epps, fejn speċifikament l-istatus tal-imsemmja sejħa ġie mmarkat u jidher bħala cancelled minflok awarded. Għaldaqstant, il-Ministeru jista' jikkonferma li l-award kkomunikat mill- Ministerial Procurement Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fil-21 ta' Mejju 2019 għadu validu u kien kkonfermat wkoll mal-unika kuntrattur/bidder li tefa’ offerta għal dan it-tender u li eventwalment rebaħ dan l-istess tender . Bħalissa għaddejjin bil-proċess li jiġi ffirmat il-kuntratt biex ikun jista’ jibda x-xogħol fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 13 PQ #10520 Sitting 242 2019-06-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ir-Rabat – xogħlijiet fuq toroq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min kien il-kuntrattur li ħadem fuq: a. Triq Forn il-Ġir; b. Triq Michele Busuttil; u c. Triq Mattia Preti; fir-Rabat Għawdex u li saru f'dawn l-aħħar ġimgħat? Tista’ tgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar f'dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm ġiet tiswa kull waħda minn dawn it-toroq, u min kien il-perit li ċċertifika x-xogħol kollu li sar fuq kull triq? Tista' tgħid kemm-il servizz tal-ilma ġie mibdul f'kull waħda minn dawn it-toroq? Tista' tgħid jekk inbidilx il-main tal-ilma f'kull waħda minn dawn it-toroq? Tista' tgħid kemm-il servizz tad-drenaġġ kellu bżonn jinbidel f'kull waħda minn dawn it-toroq u jekk sarux house connections ġodda tad-drenaġġ f'kull waħda minn dawn it-toroq, u jekk sarux gutters fil-ġnub ta' kull waħda minn dawn it-toroq u jekk le x'inhi r-raġuni li ma sarux?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress dawn l-aħħar tletin sena qatt ma sar xi tip ta’ manutenzjoni fuq dawn it-triqat, ġie deċiż li dan għandu jsir. Ninforma wkoll li fil-ġranet li ġejjin se jitkomplew xogħlijiet oħra bi pjan strutturat.
Leg 13 PQ #10507 Sitting 241 2019-06-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – L-area tal-Fessej f’Għajnsielem – open skips

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min hu l-kuntrattur li qed jipprovdi s-servizz ta' 'Open Skips' ġewwa l-area tal-Fessej f'Għajnsielem Għawdex? Tista’ tgħid ukoll ħarġitxt sejħa pubblika? Jekk le, x'inhi r-raġuni li ma ħarġitx sejħa pubblika? Kemm ilu jipprovdi dan is-servizz il-kuntrattur u kemm kien jitħallas għal kull open skip? Kif ġiet stabbilita r-rata ta’ ħlas? S’issa kemm tħallas globalment il-kuntrattur?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntrattur li qed jipprovdi s-servizz ta’ Open Skips huwa Sultech & Co. Dan il-kuntrattur ġie magħżul wara sejħa għal-offerti f’Diċembru 2018, liema sejħa ġiet mibgħuta lil diversi kuntratturi. Dan is-servizz beda jingħata minn Diċembru 2018 u r-rata ta’ ħlas ġiet stabbilita abbażi tal-prezzijiet mixħuta fl-imsemmija sejħa għall-offerti, liema offerent permezz ta’ din ir-rata kien l-orħos wieħed u li laħaq il-kriterji amministrativi, tekniċi u finanzjarji stabbiliti fis-sejħa għall-offerti. S’issa l-ħlasijiet marbuta ma dan is-servizz laħqu t-total ta’ €6,086.91 (VAT inkluż).
Leg 13 PQ #10514 Sitting 241 2019-06-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ir-Rabat Għawdex – Triq Mary Mejlaq – xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min kien il-kuntrattur li ħadem fuq Triq Mary Mejlaq fir-Rabat Għawdex, li saret f'dawn l-aħħar ġimgħat? Tista' tgħid kemm ġiet tiswa din it-triq u min kien il-Perit li ċċertifika x-xogħol kollu li sar f'din it-triq? Tista' tgħid kemm-il servizz tal-ilma ġie mibdul f'din it-triq? Tista' tgħid jekk inbidilx il-main tal-ilma fl-istess triq? Tista' tgħid ukoll kemm-il servizz tad-drenaġġ kellu bżonn jinbidel f'din it-triq?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din it-triq ma saritx mill-ġdid imma sar biss manutenzjoni tat-triq.
Leg 13 PQ #10515 Sitting 241 2019-06-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xewkija — Plate Bearing Tests

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9721, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux aktar testijiet tal-Plate Bearing fuq il-kumplament ta' Triq il-Ħamrija fix-Xewkija Għawdex? Jekk iva, tista' tgħid kemm-il test sar u d-dati meta saru? F'liema parti saru u jindika permezz ta' street plan fejn saru l-plate bearing tests u x'kien ir-riżultat? Jista' jgħid min għamilhom u min iċċertifika r-riżultat ta' dawn il-plate bearings tests? Fl-aħħar nett, tista’ l-Ministru tgħid meta suppost kellha tkun lesta din it-triq, u issa meta ħa tkun lesta minn kollox u terġa’ tinfetaħ kollha kemm hi għas-sewwieqa?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’din it-Triq saru aktar testijiet tal-Plate Bearing fuq il-kumplament tal-bini ta’ Triq il-Ħamrija fix-Xewkija. Saru tmintax (18)-il test ieħor. It-testijiet saru bejn il-11 ta Marzu u t-30 ta Mejju 2019 u r-riżultati kienu kollha sodisfaċenti għan-nies tekniċi tagħna. It-testijiet saru mid-ditta Solid Base Laboratory Ltd, u ġew iċċertifikati min-nies tekniċi tagħha. Ix-xogħol fuq din it-triq kellu jitlesta sa Ġunju 2019 iżda kien hemm dewmien ikkawżat mill-maltemp li għamel minn Jannar sa April ta’ din is-sena, kif ukoll dewmien kawża ta’ loġistika ta’ immaniġġjar tat-traffiku, servizzi ġodda u permessi relatati. It-triq diġa’ tinsab asfaltata sat-tieni livell u miftuħa għat-traffiku għal 80% tat-tul u hu mistenni li terġa’ tinfetaħ kollha kemm hi għas-sewwieqa fi ftit ġimgħat oħra.
Leg 13 PQ #10500 Sitting 240 2019-06-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ix-Xagħra — Ex Miżbla tal-Qortin – water reservoir

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8509, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li fadal fuq is-sistema tal-pumping tal-ilma ġewwa il-ġibjun fl-ex miżbla tax-Xagħra (il-Qortin) sarx sabiex is-siġar ikunu msoqqija permezz tal-ilma miġbur fil-ġibjun, peress li s-sajf issa beda?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #10501 Sitting 240 2019-06-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Tender kanċellat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet għalfejn it-tender MGOZ/MPU T 05/2019 ġiet ikkanċellata fl-10 ta Mejju 2019?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender reġa’ ġie ppubblikat fis-27 ta’ Mejju u bħalissa qed jiġi evalwat.
Leg 13 PQ #10502 Sitting 240 2019-06-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Kiri ta’ Open Skips — tender

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li t-tender ta' kiri ta' Open Skips li kellha tagħlaq fil-10 ta' Ġunju 2019 fid-9.30am, ġiet mġedda b'ġimgħa oħra ftit ħin qabel għalqet it-tender u issa tagħlaq fis-17 ta' Ġunju 2019 fid-9.30am?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ta' kiri ta' Open Skips li kellha tagħlaq fil-10 ta' Ġunju 2019 fid-9.30am, ġiet mġedda b'ġimgħa oħra ftit ħin qabel għalqet it-tender u issa tagħlaq fis-17 ta' Ġunju 2019 fid-9.30am wara li d-Dipartiment tal-Kuntratti informa lil dan il-Ministeru li kien hemm problemi ta’ aċċess għas-sistema.
Leg 13 PQ #10505 Sitting 240 2019-06-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – kirja tal-vapur

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hi l-kirja tal-vapur li nkera mill-Gozo Channel biex joffri servizz bejn Malta u Għawdex? Għal kemm żmien inkera dan il-vapur u taħt liema kundizzjonijiet?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vapur inkera għall-sitt xhur. It-tender biex jinkera vapur għall-perjodu itwal diġà qiegħed għand id-dipartiment tal-kuntratti. Dwar valur u kundizzjonijiet, din hija informazzjoni kummerċjalment sensittiva.
Leg 13 PQ #10535 Sitting 240 2019-06-24 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — vapur

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk l-aħħar vapur li nġieb Malta mill-Gozo Channel huwiex aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, persuni li jagħmlu użu minn siġġijiet bir-roti jew għal dawk li jagħmlu użu minn pushchairs?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel qed tindirizza l-aċċessbilità b’mod olisitiku. Għall-ewwel darba ġiet introdotta priority lane għall-ispecial ID Card holders u blue badge holders. Dwar il-vapur MV Nikolaos, inżebhet strixxa oranġjo li tindika r-rotta li għandhom jieħdu l-card holders biex mill-upper car deck imbagħad ikollhom aċċess għal-lounge area. B’kollaborazzjoni mal-Kummissjomi għad-drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità nbagħtet mail shot lill- card holders kollha bl-informazzjoni u struzzjonijiet kollha.
Leg 13 PQ #10606 Sitting 240 2019-06-24 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għal Għawdex

Vapur – xiri/kiri

Question

Ġaladarba ġie r-raba’ vapur, tista’ l-Ministru tgħid b’liema mod ġie mixtri jew mikri dan il-vapur (jekk hux b’tender, expression of interest jew direct order)? Tista’ tagħti d-dettalji ta’ kif inxtara jew ġie mikri?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-vapur instab wara riċerka estensiva li saret mill-Gozo Channel biex jinstab vapur li jissodisfa l-bżonnijiet u l-infrastruttura tal-portijiet li huma uniċi.
Leg 13 PQ #10499 Sitting 239 2019-06-19 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Il-Bajja tax-Xwejni – xogħol ta’ emerġenza

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8155, tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li għadu ma sar ebda tip ta’ xogħol ta’ emerġenza f’parti mill-ħajt tat-triq tal-Bajja tax-Xwejni, peress li jinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu kbir għan-nies u turisti li jiffrekwentaw din il-bajja matul is-sena u issa li beda l-istaġun tas-sajf? Ġiet awarded it-tender? Meta hu ppjanat li se jibda x-xogħol?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender ġiet awarded lill-kuntrattur u dan mistenni li jibda x- xogħol fi żmien qasir.
Leg 13 PQ #10459 Sitting 238 2019-06-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi – xogħol fl-area tal-parking

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'tip ta’ xogħol kien qed isir u qed isir f'dawn l-aħħar ġranet ġewwa l-area tal-Parking ġewwa x-Xlendi? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu dan ix-xogħol? Meta ħarġu s-sejħiet pubbliċi? Kif intgħażlu? X'esperjenza għandhom f'dan ix-xogħol? X' tip ta’ xogħol qed jagħmlu dawn il-kuntratturi u kemm tħallsu s’issa? X’tip ta’ xogħol fadal isir fl-area tal-parking tax-Xlendi qabel jibda s-sajf u min huma l-kuntratturi li ħa jagħmlu dan ix-xogħol u kif intgħażlu? Meta huma ppjanati li jitlestew? Ħarġet sejħa pubblika għal dan ix-xogħol li fadal isir?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Masterplan tax-Xlendi huwa maqsum f’diversi fażijiet u beda jitwettaq. Beda x-xogħol fuq il-boathouses u issa qed isir ix-xogħol preparatorju biex wara s-sajf ikun jista’ jibda x-xogħol fuq il-parkeġġ.
Leg 13 PQ #10460 Sitting 238 2019-06-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Alive — artisti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal kull wieħed u waħda mill-artisti li ħadu sehem fil-Gozo Alive li sar f'Għawdex fil-weekend tat-3, 4 u 5 ta' Mejju 2019, kemm-il siegħa jew parti minnha taw bħala performance u kemm tħallas kull artist għal kull performance li ngħatat?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpallant li l-ammont totali għall-ħlas tal-artisti kien dak ta’ €89,774.18