Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid:
a) f'liema perjodi mill-1990 'l hawn Malta kienet membru tal-World Heritage Committee tal-UNESCO;
b) f'liema snin Malta ħarġet kandidat għall-elezzjoni fil-World Heritage Committee; u
ċ) jekk Malta jew xi Malti humiex se jkunu kandidati għall-elezzjoni tal-World Heritage Committee li se ssir aktar tard fl-2011?
Response (BORG, TONIO)
a) Malta kienet membru tal-World Heritage Committee tal-UNESCO bejn l-1995 u l-2001
b) Malta ħarġet kandidat għall-elezzjoni tal-World Heritage Comittee tal-UNESCO fl-1995 u l-2007
c) Fl-elezzjonijiet li se jsiru aktar tard din is-sena, Malta se tkun kandidata għall-World Heritage Committee permezz tad-Delegat Permanenti ta' Malta għall-UNESCO l-Ambaxxatur Ray Bondin.
Ftehim ta' estradizzjoni bejn Malta u pajjiżi oħrajn
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista ta' dawk il-pajjiżi kollha li magħhom Malta għandha ftehim ta' estradizzjoni u f'kull każ, kemm ilu in vigore tali ftehim?
Response (BORG, TONIO)
Dawn it-tip ta' ftehim jaqa taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm irid ikun ilu jgħix Malta barrani ta' nazzjonalità mhux Ewropea, miżżewweġ Maltija, sabiex jottjeni ċ-ċittadinanza?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-każ ta' persuna barranija (inklużi persuni li huma ċittadini tal-Ewropa) miżżewġa ċittadin ta' Malta, m'hemm ebda kundizzjoni marbuta ma' residenza f'Malta sabiex din il-persuna tikseb ċittadinanza Maltija fuq bażi ta' żwieġ.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — talbiet għal reduced hours, telework u career breaks
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm talbiet għal reduced hours, telework u career breaks f'kull dipartiment u uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm minn dawk it-talbiet saru minn nisa u kemm minn irgiel? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm impjegata waħda (1) li talbet għat-teleworking, filwaqt li m'hawnx talbiet pendenti għal reduced hours u career breaks. Din il-persuna tinsab fid-Dipartiment tal-Financial Management. It-talba ilha pendenti mill-10 ta' Jannar 2011.
Ma saret l-ebda talba mingħand impjegati maskili.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — lista' ta' konsulenzi
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista tal-konsulenzi u ammonti rispettivi li l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu taw matul l-aħħar għaxar snin lill-persuna/kumpanija li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dawn l-aħħar għaxar snin sar ħlas għal servizz/konsulenzi fis-snin qabel Malta saret membru fl-Unjoni Ewropea. Il-ħlas kien jammonta għal Lm7527 fl-2002 u Lm7468 fl-2003.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Xogħlijiet lill-kumpaniji
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid fil-każ ta' kull kumpanija li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, kemm ingħatat xogħol mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu mill-2004 sal-lum? F'kull każ, jista' jgħid kemm huwa l-valur involut? Jista' jgħid jekk hux kuntratt jew direct order? Meta ngħata?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma ngħata l-ebda xogħol lill-kumpanniji msemmija. mil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-budget proviżorju tal-Union for the Mediterranean addottat mill-uffiċċjali għolja f’29 ta’ April 2010 u l-budget finali kif ġie addottat f’Novembru ta’ 2010?
Response (BORG, TONIO)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-budget proviżorju tal-Union for the Mediterranean li ġie addottat nhar id-29 ta' April 2010, u immarkat DS 84/10 bi data 3 ta' Marzu 2010.
Qiegħed ukoll inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-budget finali immarkat DS 132/10 rev4 li ġie addottat waqt laqgħa li saret fit-12 ta' Novembru 2010 fi Burssell.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid meta ltaqgħet l-ewwel darba l-joint commission bejn Malta u ċ-Ċina? Kemm-il darba ltaqgħet? F'liema dati ltaqgħet u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dil-Kummissjoni Konġunta hija ta natura ekonomika. Mill-informazzjoni li għandu dal-Ministeru, dil-Kummissjoni iltaqgħet l-ewwel darba fit-20 / 08 / 2009, iltaqgħet tmien (8) darbiet, bl-aħħar laqgħa f'Ġunju 2009. Għal aktar dettalji, peress li l-Joint Commission bejn Malta u ċ-Ċina hija waħda ta' natura ekonomika u kummerċjali, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barrani jikkonferma li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tedesk Guido Westerwelle u l-Ministru għall-Iżvilupp Tedesk Dirk Niebel, ġew Malta nhar it-13 ta' Gunju, 2011 fi triqthom lejn Benghazi? Kemm damu Malta? Għaliex dawn l-Ministri ħassew il-ħtieġa li jieqfu Malta qabel ikomplu triqthom lejn Benghazi? X'taħdidiet kellhom mal-Gvern Malti jew mar-rapprezentanti tal-Gvern Malti?
Response (BORG, TONIO)
Nikkonferma li nhar it-13 ta' Ġunju 2011, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tedesk, Guido Westerwelle u l-Ministru għall-Iżvilupp Tedesk, Dirk Niebel, użaw l-ajruport ta' Malta għal ftit ħin fi triqthom lejn Bengażi. Il-waqfa f' Malta tagħhom kienet waħda teknika u minħabba nuqqas ta' ħin ma kienx possibili li jsiru taħditiet uffiċjali.
Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea — parir dwar il-kumplass tal-White Rocks
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk ir-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropeja qattx tah il-parir li t-trasferiment tal-art fil-Kumpless tal-White Rocks fin-Naxxar lill-konsorzju privat mingħajr ebda sejħa għall-offerti jammontax għal forma ta' state aid u għaldaqstant tali trasferiment imur kontra l-Liġijiet Ewropej li Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li tosserva?
Response (BORG, TONIO)
M'għandhiex dubbju li l-Onorevoli Interpellant jaqbel miegħi dwar l-importanza li Ministri jkollhom aċċess għal pariri oġġettivi. Jidhirli li biex il-gvern ikompli jkollu dawn il-pariri oġġettivi, ma għandix nippublika opinjonijiet, pariri jew rakkomandazzjonijiet miksuba fil-kors tal-proċessi deliberattivi marbuta mal-funzjonijiet tal-gvern.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — service contract agreements
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm saru service contract agreements mill-1 ta' Jannar 2011 f'kull dipartiment\uffiċċju li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u jagħti d-dettalji relattivi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sample contract ta' kull kategorija ta' kull service contract li sar?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi saru 6 service contract agreements mill-1 ta' Jannar 2011 kif muri fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kuntratti minbarra dawk li ma jistgħux jiġu ppreżentati minħabba raġunijiet ta' sigurtà tal-bini u / jew apparat.
Unjoni Ewropea — direttivi u arranġamenti li se jiskadu
Question
Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barraini jgħid liema huma dawk id-direttivi u arranġamenti mal-Unjoni Ewropea li waslu biex jiskadu mill-2012 ‘l quddiem?
Response (BORG, TONIO)
Qiegħed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jaċċenna għall-dawk l-arranġamenti speċjali li qiegħda tibbennifika minnhom Malta bħalissa u meta jiskadu – l-iktar dawk li kienu parti tan-negozjati ghas-shubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Is-segwenti hija lista ta’ arranġamenti li qiegħda tibbenifika Malta minnhom permezz tan-negozjati ghas-shubija li saru mill-gvern Malti u li huma ta’ natura permanenti:
- Malta kisbet arranġament legali ċar li jiggarantixxi l-pożizzjoni tagħha dwar l-abort bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. B’hekk ġie anness Protokoll dwar l-abort mat-Trattat ta 'Adeżjoni ta' Malta. It-test tal-Protokoll jassigura li xejn fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jew fit-Trattati li jistabilixxu l-Komunitajiet Ewropej, jew fit-Trattati jew l-Atti li jemendaw jew jissupplimentaw dawk it-Trattati, ma għandu jaffettwa l-applikazzjoni fit-territorju ta' Malta tal-leġislazzjoni nazzjonali li għandha x'taqsam ma' l-abort;
- Id-dikjarazzjoni ta’ Malta fuq in-newtralità annessa mat-Trattat fuq l-Adeżjoni ta' Malta fl-Unjoni Ewropea tikkonferma n-newtralità ta’ Malta liema newtralità ġiet rikonoxxuta mill-pajjiżi kollha ta' l-Unjoni Ewropea. Din kienet l-ewwel dikjarazzjoni dwar in-newtralità li ġiet annessa ma’ Trattat fuq l-Adeżjoni ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea;
- Malta kisbet arranġament ta’ natura permanenti fejn tista’ fuq bażi mhux diskriminatorja żżomm fis-seħħ ir-regoli dwar l-akkwist u l-pussess ta' proprjetà immobbli għal skopijiet ta' residenzi sekondarji minn ċittadini ta' xi Stat Membru li ma jkunux ilhom residenti f'Malta skont il-liġi għal mill-anqas ħames snin, kif stabbilit fl-Att dwar l-Akkwist ta' Proprjetà Immobbli minn Persuni mhux Residenti (Kapitolu 246);
- Malta nnegozzjat rata ta’ 0% ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-provvista ta’ oġġetti ta’ l-ikel u farmaċewtiċi sal-1 ta’ Jannar 2010. B’riżultat tan-negozjati taghha fit-tfassil tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u l-emendi taghha dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud, Malta tista’ tkompli teżenta l-provvista ta’ oġġetti tal-ikel għall-konsum mill-bniedem u l-farmaċewtiċi minn din it-taxxa. Permezz ta’ dawn in-negozjati, Malta tista’ tkompli tibbenifika minn eżenzjonijiet fir-rigward ta’:
(a) provvista tal-ilma minn korp irregolat bid-dritt pubbliku (eżenti bla kreditu);
(b) provvista ta’ bini u art għall-bini (eżenti bla kreditu);
(c) trasport intern tal-passiġġieri, trasport internazzjonali ta’ passiġġieri u t-trasport domestiku ta’ passiġġieri bil-baħar bejn il-gżejjer (eżenti bil-kreditu).
- Intrapriżi żgħar jibqgħu eliġibbli għal-skemi speċjali tat-taxxa fuq il-valur miżjud.
- Malta kisbet arranġament ta' natura permanenti fejn għal skopijiet statistiċi Għawdex hija kklassifikat bħala reġjun separat fil-livell NUTS
(1)
3; filwaqt li l-gżejjer Maltin huma kklassifikati flimkien f'livell NUTS 1 u 2. Dan l-arranġament irid jinqara fil-kuntest tad-Dijjarazzjoni fuq Għawdex li l-għan primarju huwa li jiġi żgurat li l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta' Għawdex u l-kindizzjonijiet li joħorġu mil-insularita doppja tiegħu tibqa' prijorita fi ħdan id-dimensjoni ta numru ta 'policies' Komunitarji, primarjament (għalkemm mhux esklusivament) il-politika reġjonali u 'policies' tal-Komunita assoċjati magħha, bħall-politika tal-mompetizzjoni;
-
Żona ta’ 25 mil madwar Malta ghall- konservazzjoni tas-sajd;
- ‘Lampuka’ inkluża fil-lista ta’ ħut għall-organizzazzjoni tas-suq komuni;
- Malta tista’ tkompli tipproteġi ċertu ikel tradizzjonali;
- Malta tista’ tuża laboratorji fi stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea għat-testijiet ta’ residwi u sustanzi f’annimali ħajjin u prodotti minn annimali;
- Status ta’ żona protetta għal-Malta fir-rigward ta' ċerti organiżmi ta’ ħsara għas-saħħa tal-pjanti;
- Tadam użat għall-Kunserva eliġibbli għall-għajnuna mill-Unjoni Ewropea;
- Fir-rigward tal-pagament tal-intitolamenti li mhumiex marbuta man-numru ta’ ettari eliġibbli taħt l-Iskema ta’ Pagament Waħdieni (Single Payment Scheme), raħħala li jkunu ngħataw tali intitolamenti mhumiex marbuta li jżommu minimu ta’ 50% tal-attività li kellhom (unitajiet ta’ bhejjem) qabel it-tranżizzjoni għall-Iskema ta’ Pagament Waħdieni. Fil-każ ta’ trasferiment lil raħħal ieħor m’hemmx obbligu għal transferiment tal-intitolamenti kollha biex l-operatur il-ġdid ikun jista’ jibbenifika;
- Malta tibbenefika minn deroga għal perjodu indefinit fir-rigward id-Direttiva 2009/72/KE dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku.
L-argumenti mressqa kienu li minħabba li Malta hija ‘sistema iżolata żgħira’ u minħabba d-daqs u struttura tas-suq tal-elettriku f’Malta, huwa impossibbli jew mhux prattiku biex jintlaħaq l-għan ta' suq kompettitiv fl-elettriku. Din id-deroga teżenta lil Malta mill-obbligi li jkollha
distribution system operator
(DSO) indipendenti u separat mit-
transmission system operator
(TSO), li tiftaħ is-suq għal provista tal-elettriku u milli tiftaħ aċċess lil terzi persuni għas-sistema. Din id-deroga mhijiex kundizzjonali.
Is-segwenti hija lista ta’ arranġamenti oħra li qiegħda tibbenifika minnhom Malta u meta jiskadu:
- Għajnuna finanzjarja, sal-31 ta’ Diċembru 2013, relatata mal-wiċċ ta’ l-art użat għat-tkabbir tas-siġar taż-żebbuġ imħawla qabel il-31 ta’ Diċembru 2001;
- Għajnuna fir-rigward ta’ setturi ta’ produzzjoni agrikola, sal-31 ta’ Diċembru 2013, fejn l-ammont ta’ produzzjoni huwa żgħir ħafna, il-Gruppi tal-Produtturi huma eleġibbli għal ammont minimu ta’ għajnuna, taħt il-Programm ta’ Żvilupp Rurali 2007-2013, għal attivatjiet ta’ informazzjoni u promozzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt skemi ta’ ikel ta’ kwalità;
- It-territorju kollu ta’ Malta (massimu ta’ 10% tat-territorju fil-każ ta’ Stati Membri oħra) eliġibbli għal għajnuna mill-Unjoni Ewropea, taħt il-Programm ta’ Żvilupp Rurali 2007-2013, ta’ €2.2 miljun kull sena, sal-31 ta’ Diċembru 2013, bħala Żona Inqas Vantaġġjata. Din l-għajnuna titħallas abbażi ta’ rata għal kull ettaru;
- Is-settur tal-frott u ħaxix jibbenefika minn €28.39 miljun f’għajnuna finanzjarja sal-1 ta’ Mejju 2015. L-għajnuna mill-iStat tista’ tingħata għal massimu ta’ produzzjoni ta’ 19,400 tunellata frott frisk u 38,200 tunellata ħaxix frisk;
- Bdiewa li jkabbru l-patata jibbenefikaw minn €27.08 miljun f’għajnuna finanzjarja diretta sal-l ta’ Mejju tal-2015;
- Għajnuna finanzjarja ta’ €31.16 miljun, sal-l ta’ Mejju tal-2015, għall-bdiewa li jkabbru t-tadam għall-ipproċessar. Għajnuna mill-iStat tista’ tingħata għal massimu ta’ produzzjoni ta’ 27,000 tunnellata;
- Għajnuna finanzjarja ta’ €18.29 miljun, sal-l ta’ Mejju tal-2015, għall-ghassara tal-inbid u bdiewa. L-għajnuna tinkludi appoġġ għal taħwil ġdid u għajnuna addizzjonali għal kull ettaru. Għajnuna mill-iStat tista’ tingħata għal massimu ta’
area
ta’ elf ettaru dwieli;
- Kundizzjonijiet speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2011 għas-saħħa ta’ l-annimali fir-rigward tal- klieb, qtates u nemes li jidħlu Malta minn pajjizi Terzi u l-iStati Membri;
- Fir-rigward tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (tfassil mill-ġdid), l-impjanti ta' kombustjoni li, fis-6 ta’ Jannar 2011, ikunu parti minn ‘sistema iżolata żgħira’ jistgħu jiġu eżentati, sal-31 ta' Diċembru 2019, mill-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 30(2) u r-rati tat-tneħħija tal-kubrit imsemmijin fl-Artikolu 31 tad-Direttiva. Sal-31 ta' Diċembru 2019, il-valuri limitu tal-emissjonijiet imniżżlin fil-permessi ta' dawn l-impjanti ta' kombustjoni, skont b'mod partikolari r-rekwiżiti tad-Direttivi 2001/80/KE u 2008/1/KE, għandhom tal-inqas jinżammu;
- Fir-rigward tad-Direttiva 2009/29/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-iStati Membri jistgħu jagħtu allokazzjoni gratis tranżitorja lill-istallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-elettriku bħala deroga mill-Artikolu 10(1) sa (5) ta’ din id-Direttiva. Il-kwoti gratis tranżitorji għandhom jitnaqqsu mill-kwantità tal-allokazzjonijiet tal-iStati Membri rispettivi. Fl-2013, l-allokazzjoni tranżitorja totali ta’ kwoti gratis m’għandhiex taqbeż is-70% tal-ammont medju globali tal-emissjonijiet verifikati fl-2005-2007 u għandhom jonqsu gradwalment wara dan, sabiex ma jkunx hemm kwoti gratis fl-2020. Din id-deroga tiskadi gradwalment sakemm fl-2020 ma jkunx hemm aktar kwoti gratis.
- Malta hija eżentata mill-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/58/KE dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji, sakemm l-ebda sistema ferrovjarja ma tiġi stabbilita fit-territorju tagħha;
- Malta hija eżentata mill-obbligu li jitħejja Pjan ta' Ġestjoni tas-Sallura (Eel management plan).
- Ir-Regolament (KE) 994/10 dwar is-sigurta’ tal-provvista tal-gas ma japplikax għal Malta sakemm ma jkunx hemm provvista ta’ gas fuq it-territorju Malti
____________________
(1)
L-għan ta' NUTS huwa li jiġi stabbilit qafas komuni ta' klassifikazzjoni ta' statistika abbażi ta' unitajiet territorjali, biex jippermettu l-ġbir, kumpilazzjoni u tixrid ta' statistika reġjonali armoniżżata fil-Komunita.
Delegazzjoni tal-Gvern Malti f'Benghazi — rwolijiet ta' persuna
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament kienx parti mid-delegazzjoni tal-Gvern Malti f'Benghazi? Jekk iva, x'kien ir-rwol ta' din il-persuna? Jekk le, jista' jgħid jekk din il-persuna ħaditx sehem f'laqgħat li għaliha kienu preżenti uffiċjali Maltin, u x'kien ir-rwol tagħha?
Response (BORG, TONIO)
L-individwu msemmi ma kienx parti mid-delegazzjoni tal-Gvern Malti f'Benghazi u lanqas ma attenda laqgħat uffiċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk pajjiżna bħalissa hux jilqa' applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' visas għal ċittadini Libjani? Jekk fl-affermattiv, qed tintuża xi sistema partikolari għall-ħruġ ta' visas lil dawn iċ-ċittadini? Jekk m'humiex jinħarġu visas għal ċittadini ta' din in-nazzjonalità, jista' jispjega x'inhi r-raġuni?
Response (BORG, TONIO)
Huwa naturali li wara li beda l-konflitt fil-Libja, qegħda ssir attenzjoni partikolari għar-rigward ta' ħruġ ta' visas għal Malta liċ-ċittadini Libjani.
B'dana kollu, qegħdin jintlaqgħu applikazzjonijiet għal ħruġ ta' visa basta jkun hemm raġuni valida u serja, fosthom:
a) raġunijiet ta' saħħa
b) każijiet umanitarji
c) żjarat konnessi ma' negozju.
Ta' min jgħid ukoll, li biex jnħarġu dawn il-visas, trid tiġi iffirmata garanzija bil-miktub minn ċittadin Malti li jkun lesti li jidħol bħala garanti għall-applikant.
Naturalment, kull visa trid tiġi deċiża fuq il-mertu tal-każ u wara li tingħata l-clearance tal-awtoritajiet Maltin li għandhom x'jaqsmu mas-sigurta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' konsli li għandha Malta barra minn Malta? Ta' liema pajjiżi/bliet huma dawn il-konsli?
Response (BORG, TONIO)
Bħalissa il-Ministeru għandu 174 konslu mifruza fuq 82 pajjiz. Il-politika tal-Ministeru hi li ssaħħaħ in-network tal-konslijiet u hemm numru ta' persuni oħrajn li qed nikkunsidrawhom għall-ħatra ta' konslu.
Isem il-Konsli, il-pajjizi u l-bliet fejn iservu, l-indirizzi, u l-ġurisdizzjoni tagħhom hi mehmuża ma' din it-tweġiba. Il-lista, li tiġi aġġornata kull meta jkun hemm xi tibdil, tidher fil-website tal-Ministeru, www.foreign.gov.mt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar kemm huma u ta' liema pajjiżi huma l-konsli, persuni Maltin li jservu ta' konsli ta' dawn il-pajjiżi filwaqt li joqgħodu f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
F'Malta hawn 58 konslu ta' pajjiżi barranin. Minn dawn 18 huma Konsli Ġenerali Onorarji, 36 Konslu Onorarju u 4 Viċi Konsli Onorarji. Qed nehmeż il- lista kompluta ta' dwan il-konsli. Il-lista, li tiġi aġġornata kull meta jkun hemm xi tibdil, tidher fil-website tal-Ministeru tiegħi www.foreign.gov.mt.
Talba ta' għajnuna minn persuni Maltin lill-Ambaxxati
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni Maltin li wara li għal xi raġuni sabu ruħhom fi problemi mal-pulizija ta' pajjiżi barranin, talbu l-għajnuna tal-Ambaxxati tagħna barra minn Malta matul l-2010? F'liema pajjiżi kienu dawn il-każijiet għall-istess sena?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninfurma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' Maltin li wara li għal xi raġuni sabu ruħhom fi problemi mal-pulizija ta' pajjiżi barranin u talbu l-għajnuna tal-Ambaxxati / Konsulati tagħna barra minn Malta matul l-2010 kienu 36.
Il-pajjiżi li fihom ġraw dawn il-każijiet huma kif ġej:
L-Istati Uniti
Il-Belġju
L-Eġittu
Franza
Il-Greċja
L-Italja
Il Portugall
It-Tuneżija
Ir-Renju Unit
Id-Dubaj
Brażil
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kif l-individwu li għandu passaport li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li huwa ta' nazzjonalità barranija, mingħajr ma ħareġ minn Malta, skadietlu l-visa u minflok ġie deportat ġab passaport ġdid differenti mill-ewwel passaport u ingħata visa ġdida fuqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond ir-records tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates il-passaport li qed tirreferi għalih l-Onorevoli Interpelleant jappartjeni lill-persuna li tgawdi d-dritt ta' "persuna eżenti" taħt l-artiklu 4 tal-Att Dwar l-Immigrazzjoni (Kap 217).
Id-Dipartiment ħareġ dokument ta' residenza li ġie mwaħħal fil-passaport imsemmi fid-29 ta' Lulju 2009 u li hu validu sal-24 ta' Marzu 2012 waqt li dan il-passaport li nħareġ mill-Awtoritajiet Sirjani fil-25 ta' Marzu 2006 kien għadu validu, kif ukoll il persuna konċernata kienet qed tgħix Malta legalment.
Għal aktar informazzjoni dwar l-istatus ta' immigrazzjoni ta' din il-persuna qabel id-data ta' meta twaħħal id-dokument ta' residenza msemmi aktar 'l fuq, l-Onorevoli Interpellant għandha titlob tali informazzjoni lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.
European Charter for regional or Minority Languages
Question
Jista' l-Vici Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid meta se tigi ratifikata l-European Charter for regional or Minority Languages (ETS No. 157) ?
Response (BORG, TONIO)
Id-deċizjonijiet dwar ratifika ta' Konvenzjonijiet isiru mill-Ministeru konċernat. Il-Ministeru tiegħi imbagħad iwettaq dik id-deċiżjoni. Għalhekk nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Convention for the Protection of Human Rights and Fundamenal Freedoms
Question
Jista l-Vici Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid meta se jkun iffirmat, u eventwalment ratifikat, Protocol 12 tal-Convention for the Protection of Human Rights and Fundamenal Freedoms (ETS No. 177) concerning the fight against discrimination?
Response (BORG, TONIO)
Id-deċizjonijiet dwar ratifika ta' Konvenzjonijiet isiru mill-Ministeru konċernat. Il-Ministeru tiegħi imbagħad iwettaq dik id-deċiżjoni. Għalhekk nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.