Kummissarju għall-Anzjani – Ilmenti relatati ma’ djar residenzjali
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3087 u jgħid kemm mill-ilmenti li waslu għand il-Kummissarju għall-Anzjani matul l-aħħar ħames snin kienu relatati ma' djar residenzjali għall-anzjani? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-ilmenti kienu jinvolvu allegazzjonijiet dwar trattament ħażin, nuqqas ta' kura jew kundizzjonijiet mhux xierqa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt:
Sena
Numru ta' Każijiet
Każijiet fid-djar residenzjali tal-anzjani li jinvolvu allegazzjonijiet dwar trattament ħażin, nuqqas ta' kura jew kundizzjonijiet mhux xierqa
2022
6
1
2023
4
1
2024
2
2
2025
5
1
2026 (sas-8 t'Ottubru 2026)
2
2
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3086 u jgħid min huma l-membri tal-Kunsill għall-Anzjani stabbilit taħt l-Att dwar il-Kummissarju għall-Anzjani?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega kif inhuma mqassmin l-Allied Health Practitioners bl-iskali, maqsuma professjoni professjoni?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta l-Gvern għandu l-ħsieb li jiftaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat Għawdex fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum, sabiex il-poplu Għawdxi jibbenefika minn servizz tas-saħħa aktar aċċessibbli, effiċjenti u kontinwu? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx valutazzjoni tal- benefiċċji li tali servizz iġib, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-ħinijiet ta’ stennija, it-titjib fil-kura mogħtija lill-pazjenti u aċċess aħjar għas-servizzi tas-saħħa, speċjalment għall-anzjani u persuni vulnerabbli?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-introduzzjoni ta’ servizz ta’ 24 siegħa kuljum fiċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat, Għawdex, hija impenn ċar tal-Gvern kif imniżżel fil-Programm Elettorali, u l-Gvern jibqa’ impenjat li jwettaq dan l-impenn matul din il-leġiżlatura.
Bħalissa għaddejja l-ħidma meħtieġa, inkluż fir-rigward tar-riżorsi kliniċi u operattivi, sabiex dan is-servizz ikun jista’ jiġi introdott u jitħaddem b’mod effiċjenti, sigur u sostenibbli.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma l-aħħar pjanijiet tal-Gvern dwar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura u jikkonsolida s-servizzi offruti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, bil-għan li l-pazjenti jibbenefikaw minn kura tas-saħħa moderna, sigura u xierqa. Fejn dan ikun fattibbli, il-Gvern qiegħed ikompli jintroduċi servizzi addizzjonali lokalment sabiex inaqqas il-ħtieġa li residenti Għawdxin ikollhom jivvjaġġaw lejn Malta għall-kura. Fl-istess waqt, il-pjanijiet għall-isptar il-ġdid qegħdin jipproċedu wara l-finalizzazzjoni tal-masterplan, bl-enfasi f’dan l-istadju tkun fuq ir-rilokazzjoni tas-servizzi mill-parti tat-Tramuntana tal-kampus, li tifforma ż-żona maħsuba għall-bini tal-isptar il-ġdid.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma l-aħħar pjanijiet tal-Gvern dwar il-binja u s-servizzi li jingħataw fl-Isptar Karin Grech?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-pjan huwa li s-servizzi tar-Rijabilitazzjoni jiġu temporarjament rilokati sakemm titlesta l-binja definita ġewwa San Luqa, skond il-Master plan. Il-pjan għas-servizzi ġerjatrici huwa li dawn jiġu rilokati fl-Intermediate Care Hospital li ser jinbena ġewwa San Vinċenz.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma l-aħħar pjanijiet tal-Gvern dwar l-isptar tas-saħħa mentali l-ġdid, fl-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid ukoll meta ser jibda jinbena u meta ser jitlesta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li l-pjan dwar l-espansjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza u Sptar Akut tas-Saħħa mentali diġà ġew imħabbra. Ix-xogħol beda matul ix-xahar t'Awwissu u mistenni jdum tliet snin biex jitlesta.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhuma l-aħħar pjanijiet tal-Gvern dwar il-binja tal-Isptar Mount Carmel?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern qed iwettaq l-akbar investiment li qatt sar fis-servizzi tas-saħħa mentali f’pajjiżna. Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għall-istqarrija pubblika, li qed nirriproduċi fuq il-Mejda tal-Kamra. Fi żjara li għamilt riċentament, fl-istess sptar li għalih qed issir referenza fl-interpellanza, spjegajt li l-Gvern jemmen li l-kura fl-isptar għandha tingħata għall-inqas żmien possibbli. Fissirt kif qed nagħtu l-aħjar servizzi permezz ta’ swali ġodda, mgħammra bl-aqwa ambjent għal dawk li jkunu jeħtieġu s-servizzi għal perjodu qasir sabiex jingħataw il-kura akuta li jeħtieġu. Il-pjanijiet tal-Gvern huma li jkomplu jibnu fuq il-ħidma tas-snin li għaddew filwaqt li nirrikonoxxu u nindirizzaw l-isfidi li għad fadal. Intenni li qed inħares ’il quddiem għal aktar investiment, fosthom il-proġett li qed jitnieda fl-Isptar Mater Dei fejn ser jinbnew swali ġodda tal-psikjatrija.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità - Professjonisti esterni
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il konsulent, advisor, expert jew professjonist estern kien ingaġġat mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità matul l-2024, l-2025 u l-2026, maqsuma sena b’sena u għal kull persuna jew entità, jagħti l-isem, is-servizz jew il-konsulenza mogħtija, id-data tal-ħatra, it-tul tal-kuntratt u l-valur totali tal-kuntratt?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippreżenta lista tal-kuntratti kollha li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità tat lil entitajiet privati għall-provvista ta’ servizzi lill-anzjani matul l-2024, l-2025 u l-2026, u għal kull kuntratt jagħti l-isem tal-kuntrattur, is-servizz ipprovdut, il-valur tal-kuntratt, id-data tal-għoti, it-tul tal-kuntratt, in-numru ta’ benefiċjarji u jekk kienx hemm estensjonijiet jew varjazzjonijiet fil-valur tal-kuntratt?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3080 u jgħid kemm kien il-baġit allokat lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani fl-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm effettivament intnefaq minn dawn l-allokazzjonijiet?
Allied Health Professionals - Ħlasijiet għal Sigħat Żejda
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser jitħallsu l-Allied Health Professionals li qed jaħdmu sigħat żejda barra l-ħin tagħhom biex jinqatgħu l-listi ta’ stennija? Jista’ jgħid ukoll għaliex, minkejja li dan ix-xogħol beda fil-bidu tas-sena, sal-lum dawn il-professjonisti għadhom ma tħallsux?
L-Isptar Mater Dei – Ħaddiema tal-kuntratturi – Kundizzjonijiet għall-parkeġġ
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ħaddiema li jagħtu servizz fl-Isptar Mater Dei imma mħaddma minn kuntratturi għandhomx kundizzjonijiet differenti fejn jidħol il-parkeġġ tal-vetturi tagħhom waqt il-ħin tax-xogħol u jekk tvarjax bejn kumpanija u oħra li toffri dawn il-ħaddiema?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li mpjegati tal-kuntratturi differenti li jipprovdu servizzi fl-Isptar Mater Dei m'għandhomx kundizzjonijiet differenti bejniethom fir-rigward tal-parkeġġ tal-vetturi tagħhom waqt il-ħin tax-xogħol.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma s-17-il kundizzjoni ġenetika li ġew miżjuda dan l-aħħar mal-lista oriġinali tad-disa’ kundizzjonijiet stabbiliti taħt it-Taqsima 11 tal-Protokoll dwar l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni (L.S. 524.02)? Jista’ jgħid ukoll x’kien il-proċess u l-kriterji kliniċi li fuqhom l-Awtorità dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni (EPA) approvat dawn il-kundizzjonijiet il-ġodda?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tas-17-il kundizzjoni ġenetika ġiet ippublikata fl-Avviż Legali nru. 207/2026. L-Awtorita’ dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni kellha rikjesta mingħand il-konsulenti kliniċi biex tidħol din il-lista ta’ 17-il kundizzjoni.
Ministeru għas-Saħħa – Awditur Ġenerali – Rakkomandazzjonijiet
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm rakkomandazzjonijiet mill-Awditur Ġenerali jew minn awtoritajiet regolatorji li ġew implimentati mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħtu matul l-aħħar ħames snin?
Kummissarju għall-Anzjani – Rapport annwali għall-2024
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3081 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport annwali tal-Kummissarju għall-Anzjani għas-sena 2024?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-Rapport Annwali tal-Kummissarju għall-Anzjani għas-sena 2024 qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kummissarju għall-Anzjani – Rapport annwali għall-2025
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3082 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport annwali tal-Kummissarju għall-Anzjani għas-sena 2025?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-Rapport Annwali tal-Kummissarju għall-Anzjani għas-sena 2025 qiegħed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani - Ilmenti/każijiet ta’ ksur tad-drittijiet
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3083 u jgħid kemm irċieva lmenti jew każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-anzjani l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ingħalqu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Persuni Anzjani rċieva dawn l-ilmenti jew każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-anzjani mill-2022 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena.
Il-każijiet kollha ġew magħluqa ħlief għal tnejn tas-sena 2026.
Sena
Numru ta' Każijiet
Każijiet magħluqa
2022
4
4
2023
7
7
2024
5
5
2025
9
9
2026 (sas-7 t'Ottubru 2026)
3
1