Legislature:
Category:
Reset
Active:

MTA - Organizzaturi tal-parties - Baġit allokat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hu l-baġit annwali li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) talloka għall-organizzaturi tal-parties?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

MTA - Organizzaturi tal-parties - Fondi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) tallokax fondi għall-organizzaturi tal-parties?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Wied iż-Żurrieq — Multi Level Parking

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18572 tal-Leġiżlatura XIII u tal-mistoqsijiet parlamentari 1241, 4438, 15713 u 17164 tal-Leġiżlatura XIV, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu  jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir multi-level parking fil-parkeġġ eżistenti ta’ Wied iż-Żurrieq?  Peress li preżentement il-maggior parte tal-ispazju hu riservat għal coaches u l-art inkwistjoni hija diġà kommessa li tintuża bħala parkeġġ, u fid-dawl li dan diġà qed isir, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-testijiet u r-rapporti ġeoloġiċi li saru mill-Gvern fiż-żona biex jissostanzjaw dak li qal il-predeċessur tiegħu fit-tweġibiet tiegħu? Sadanittant jistgħu jiġu identifikati żoni oħra f’Wied iż-Żurrieq stess, li fihom jistgħu jiġu pprovduti tali parkeġġi biex fin-nuqqas ta’ turisti li ġejjin minn barra l-pajjiż, aktar Maltin iżuru dan il-post turistiku sakemm isir dan il-multi-level parking?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-passat l-Awtorita’ tat-Turiżmu kienet bdiet tieħu sehem f’diskussjonijiet rigward l-upgrading li hemm bżonn f’Wied iż-Żurrieq, u anke fuq il-problema tal-parkeġġ. Informazzjoni relatata kienet ingħatat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 18572 tal-Leġiżlatura XIII.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Is-Settur Ċivili u s-Settur Pubbliku - Impjegati sospiżi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm impjegati fis-settur ċivili u pubbliku li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li bħalissa jinsabu sospiżi bi 80% tal-paga, minħabba każijiet kriminali pendenti fil-Qorti kontrihom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu m’hemm l-ebda impjegat/a li huma sospiżi bi 80% tal-paga minħabba każijiet kriminali pendent fil-Qorti kontrihom. Madanakollu l-MTA għandha impjegat li ilu sospiż b’ 50% tal-paga mill-2014.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu - Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Awwissu 2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal- Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu , japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Mental Health First Aider

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hemmx Mental Health First Aider appuntat fid-dekasteru tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 30032.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Awtoritajiet/Aġenziji/Entitajiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23918 fejn intqal li t-tagħrif għadu qed jinġabar, peress li issa għaddew ħames xhur minn meta saret il-mistoqsija oriġinali, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hemmx/kienx hemm deputati/ex-deputati tal-Gvern Laburista fil-bordijiet ta’ Awtoritajiet/Aġenziji/Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’liema bord ta’ Awtorità/Aġenzija/Entità jinsabu/kienu jinsabu, x’pożizzjoni għandhom/kellhom u x’inhi/kienet il-kariga tagħhom? X’remunerazzjoni u perkaċċi oħra jieħdu/kienu jieħdu għal tali pożizzjoni? X’inhu/kien it-terminu tal-ħatra tagħhom, u jekk tali ħatra għadha fis-seħħ, meta hu t-terminu ta’ din il-ħatra?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28651.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Chief Executive Officers

Question

PQ Text: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23761, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid: (a) Kemm damu/ilhom fil-ħatra dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (ċ) X’kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra ħadu/qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f’liema kariga/grad, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (f) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers, ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f’liema kariga/grad qegħdin, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta’ ħatra u l-kuntratt ta’ dawn iċ-Chief Executive Officers?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 23761, il-perjodu li għalih ikun maħtur Kap Eżekuttiv huwa stabbilit fil-kuntratt li jistipula l-kundizzjonijiet tal-impieg.

Gaza — Għajnuna umanitarja

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22858, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm effettivament ingħatat għajnuna umanitarja lill-poplu ta’ Gaza matul din is-sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif spjegajt fil-mistoqsijiet parlamentari 22858, 24730 u 27317, il-Gvern Malti – inkluż il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – qed ikompli joffri għajnuna umanitarja konkreta għall-benefiċċju tal-poplu Palestinjan. Din tinkludi: • Il-Ministeru qed jikkontribwixxi fil-Fond ta’ Solidarjeta’ ma’ Gaża.  Matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, Malta bagħtet erba’ konsenji ta’ dqiq, b’total ta’ għaxart elef u sittin xkora, lejn Limassol, f’Ċipru, biex bl-għajnuna tal-Gvern Ċiprijott u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Proġetti u s-Servizzi Malta jitwasslu f’Gaża. Wara proċess ta’ awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet rispettivi tal-Iżrael, nofs dan id-dqiq intbagħat lejn il-port ta’ Ashdod, fejn sal-5 ta’ Settembru dan kien twassal f’Gaża għand il-World Central Kitchen. Din l-organizzazzjoni umanitarja diġa’ bdiet tużah biex tipprepara l-ikel li qiegħda tipprovdi lin-nies ċivili f’Gaża. Mistenni li t-tieni nofs ta’ dan id-dqiq jitlaq lejn il-port ta’ Ashdod fl-aħħar ta’ Settembru. • Iktar kmieni din is-sena, Malta kompliet b’inizjattiva umanitarja ta’ evakwazzjoni ta’ tfal Palestinjani li qed ibatu minn mard serju, flimkien mal-ġenituri tagħhom, miż-żona ta’ Gaża. Sa issa, erbat itfal ġew evakwati u miġjuba Malta fejn qed jirċievu kura medika urġenti. • Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu approva donazzjoni ta’ €70,000 biex tindirizza l-ħtiġijiet urġenti fil-Palestina. Din l-għajnuna ser tingħata lill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF), organizzazzjoni li qed taħdem direttament f’Gaża, b’enfasi fuq is-sitwazzjoni umanitarja tal-popolazzjoni ċivili. • Il-Ministeru qed jippjana wkoll li jalloka fondi addizzjonali fil-ġimgħat li ġejjin biex isaħħaħ l-appoġġ lill-poplu Palestinjan. L-għajnuna se tiffoka fuq il-ħtiġijiet l-aktar essenzjali, inklużi l-appoġġ kontinwu lill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Maqgħuda għall-Għajnuna u x-Xogħol għall-Palestinjani (UNRWA), u organizzazzjonijiet oħra li jipprovdu ikel u kura tas-saħħa. • Malta ser tkompli tgħin ukoll fil-qasam edukattiv. Għas-sena akkademika 2025/2026, il-Ministeru se jiffinanzja żewġ boroż ta’ studju fil-livell ta’ Masters fl-Università ta’ Malta għal studenti Palestinjani, kif ukoll boroż ta’ studju għal diplomatiċi Palestinjani biex jistudjaw fl-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi (MEDAC). Fl-aħħar nett, nixtieq nerġa’ ntenni l-impenn sod tal-Gvern Malti favur il-kawża tal-paċi f’Gaża. Malta tkompli taħdem mill-qrib ma’ sħab internazzjonali biex tħeġġeġ għall-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Hamas, filwaqt li tħares lejn il-ħtieġa urġenti li tiżdied b’mod sostanzjali l-għajnuna umanitarja li tkun tista’ tidħol mingħajr xkiel f’Gaża, sabiex jiġu ndirizzati l-bżonnijiet kruċjali tal-popolazzjoni ċivili.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Sindki u Kunsilliera

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29963 dwar kemm hemm persuni li huma Sindki u Kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru tiegħu, inkluż fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid f’liema kunsilli lokali qegħdin dawn il-persuni?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tabella t’hawn taħt: Sezzjoni Kunsill Lokali MFT Mdina MFT Ħad-Dingli MFT Ħaż-Żebbuġ EUCD Ħal Għaxaq MTA Għarb ITS Lija ITS Mellieħa

Ukrajna — Ċittadini Maltin

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hemmx ċittadini Maltin maqbuda fl-Ukrajna?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu mhuwiex infurmat b’ċittadini Maltin li huma maqbuda fl-Ukrajna. Il-Ministeru jkompli jsegwi l-iżviluppi u jinstab lest biex jassisti ċittadini Maltin li jirrikjedu l-għajnuna.

Gaza — Ċittadini Maltin

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hemmx ċittadini Maltin maqbuda f’Gaza?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu mhuwiex infurmat b’ċittadini Maltin li huma maqbuda f’Gaza. Il-Ministeru jkompli jsegwi l-iżviluppi u jinstab lest biex jassisti ċittadini Maltin li jirrikjedu l-għajnuna.

Tourist guides barranin

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hawn tourist guides barranin joperaw hawn Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-records tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, hemm 80 gwida ta’ nazzjonalità barranija liċenzjati.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew huma mistennija jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul it-tieni nofs tal-2025? Jista’ jgħid ukoll liema għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu m’għandu l-ebda Direttiva bi skadenza għat-traspożizzjoni li taħbat fit-tieni nofs tas-sena 2025.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu – Rigali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23952 fejn intqal li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, peress li issa għaddew ħames xhur minn meta saret il-mistoqsija oriġinali, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm qala’ rigali minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa u min tahulu?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 21998, ninfurmah li hemm Reġistru kif tali informazzjoni dejjem inżammet fi ħdan l-istess Ministeru. Il-figura aġġornata fil-‘gifts register’ illum hija ta’ 64 item.

Il-Belt Valletta – Stabbilimenti tal-ikel

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm stabbilimenti tal-ikel liċenzjati fil-Belt Valletta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Belt Valletta hemm 279 stabbiliment tal-ikel liċenzjati.

Il-Belt Valletta — Lukandi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm lukandi / boutique hotels fil-Belt Valletta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva fil-Belt Valletta huwa ta’ 14 il-hotel, 35 guest house u 2 hostels għal total ta’ 51 stabbiliment.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Sindki u Kunsilliera

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm persuni li huma Sindki u Kunsilliera li jaħdmu mal-Ministeru tiegħu, inkluż fl-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jispeċifika f’liema kunsilli lokali jaħdmu u x’inhu l-grad tagħhom mal-Ministeru? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom impjegati mal-Gvern jew mal-entitajiet relatati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi ġejt infurmat li hemm seba’ (7) impjegati fil-Ministeru, l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu li fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ġew eletti f’xi rwol f’xi Kunsill Lokali.