Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tas-Saħħa — waiting list

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36959 u 36510 u jgħid kif mar l-eżerċizzju tal-organizzazzjoni tal-waiting list li kienet qed issir fid-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm fil-fatt kien hemm pazjenti li kienu fuq iktar minn lista ta' stennija waħda u allura jista' jgħid kemm huma l-pazjenti li issa qegħdin jistennew fuq il-listi ta' stennija li għadhom kif ġew organizzati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif kelli l-okkażżjoni li ngħid fir-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32694, llum ġewwa l-Isptar Mater Dei qed titħaddem sistema ċentralizzata ta’ listi ta’ stennija. Din is-sistema kompjuterizzata tissejjaħ Central Patient Waiting List Management System. Din is-sistema diġa qiegħda titħaddem f’numru ta’ dipartimenti fosthom id-dipartiment tal-ortopedija; id-dipartiment tal-oftalmoloġija; u d-dipartiment tal-kardjoloġija. Huwa mistenni li din is-sistema wkoll tiġi mplimentata fid-dipartiment tal-kirurġija fil-futur qarib. Din is-sistema diġa wasslet għall-immanniġjar aħjar tal-listi ta’ stennija. Il-listi kollha ta’stennija li sa ftit żmien kienu jinżammu mill-konsulenti rispettivi qegħdin jiġu ċċekjati persuna persuna sabiex jitneħħew ismijiet doppji ta’ pazjenti; ismijiet ta’ dawk il-persuni li mietu; ta’ dawk li saritilhom l-operazzjoni; jew ta’ tawk li ma ridux jagħmlu l-operazzjoni għal-raġunijiet differenti. Kif imsemmi hawn fuq dan il-proċess tlesta fid-dipartimenti tal-Ortopedija, Oftalmoloġija u Kardjoloġija. Dan il-proċess għaddej fid-dipartimenti tal-Kirurġija u l-Mediċina. In-numru ta’ pazjenti li kienu qegħdin jistennew fuq il-listi ta' stennija sad-disa’ ta’ Ottubru 2012 huwa hekk kif ġej: · Total Knee Arthroplasty – 1653 · Knee Arthroscopy – 1494 · Total Hip Arthroplasty - 327 · Cataract Removal – 3215 · Cardiology cases - 1022

bini tal-sptar tal-onkoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-isptar tal-onkoloġija li qed jinbena ħdejn l-Isptar Mater Dei huwiex miexi kif pjanat u allura meta se jilqa' ġewwa fih l-ewwel pazjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-ċentru tal-onkoloġija li qed jinbena bħala estensjoni tal-Isptar Mater Dei miexi kif pjanat u mistenni jkun lest lejn l-aħħar tas-sena 2013.

tlestija tal-isptar tal-onkoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-isptar tal-onkoloġija li qed jinbena ħdejn l-Isptar Mater Dei jkun lest u qed jintuża mill-pazjenti, għal-liema użu jsir jintuża l-Isptar Boffa li llum qed jintuża bħala sptar għal dan il-għan u li huwa lest minn kollox?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tiegħi għad-domanda parlamentari 37461. It-tieni parti tal-Mistoqsija għandha tigi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Sptar Boffa — numru ta' sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il sodda għandu l-Isptar Boffa llum il-ġurnata u jekk din l-bini kellux jibqa' jintuża bħala sptar? Għandux faċilità li jkomplu jiżdiedu n-numru ta' sodod ġewwa fih?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm sebgħa w’erbgħin (47) sodda fl-Isptar Boffa. Sakemm ma ssirx xi estensjoni, m’hemmx post fejn jizdiedu aktar sodod. Rigward jekk l-Isptar Boffa hux se jibqa’ jintuża bħala Sptar, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

tibdil ta' professur

Question

Jista' l-Ministru jgħid taħt liema professur qiegħed l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jrid jagħmel operazzjoni tal-irkoppa peress li nbidel u ma jafx min hu l-professur il-ġdid?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qiegħed taħt is-Sur Thomas Azzopardi.

talba biex persuna tidħol f'dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li hemm bżonn li tidħol f'dar tal-anzjani għar-raġuni li l-kundizzjoni tagħha ggravat u r-raġel tagħha qed isibha diffiċli biex idur biha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant dehret quddiem il-Bord tal-Ammissjoni nhar il-Ħamis 4 ta’ Ottubru 2012, fejn ġiet approvata biex tidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul. B’hekk din l-applikazzjoni tqiegħdet fil-lista ta’ stennija għad-dħul ta’ San Vinċenz.

kwestjoni dwar xiex tintuża l-karta r-roża

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-każ li persuna tikkwalifika għall-katra r-roża f'każ biex jekk ikollha bżonn mediċini u dan għaliex il-karta r-roża tintuża għall-għoti ta' servizzi oħrajn bħal roħs fil-kera tal-linja tat-telefon anke minn persuni li m'għandhomx bżonn mediċini?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kriterji li fuqhom jingħata l-intitolament għall-mediċini b’xejn huma bbażżati fuq l-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Art 23. Persuni li jkollhom dħul finanzjarju inqas mill-medja skond id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali japplikaw għal Skeda II (il-kartuna r-roża). Min ikollu l-kartuna r-roża ntitolat għal numru limitat ta’ mediċini, li huma speċifikament immarkati fil-Formularju tal-Gvern. Mediċini jistgħu jingħataw lill-pazjenti permezz ta’ riċetta valida minn tabib awtorizzat hekk kif stipulat fl-Avviż Legali 292 tal-2006 ta’ l-Att Dwar il-Mediċini Kap 458 - Regoli ta’ l-2006 dwar il-Ħruġ ta’ Riċetti u Dispensa ta’ Mediċini.

Staff Enrolled Nurse Conversion Course Certificate

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iStaff Enrolled Nurse Conversion Course Certificate li huwa segwit mill-Università ta' Malta, hux rikonoxxut fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea? F'liema pajjiżi anke mhux fl-Unjoni Ewropea dan iċ-ċertifikat huwa rikonoxxut?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Enrolled Nurse to Staff Nurse Conversion course mhuwiex course organizzat mill-Universita’ ta’ Malta imma huwa course li ilu jorganizzah id-Dipartiment tas-Saħħa għal dawn l-aħħar 10 snin u li dan għandu jintemm fl-2014. Il-course li huwa miftuħ għall-Enrolled Nurses (Infermieri reġistrati fit-tieni parti tar-Reġistru) huwa mqassam fuq sena u nofs u huwa aċċettat mill-Kunsill dwar l-Infermiera u Qwiebel u allura jintitola ‘l min jgħaddi mill-eżami finali u l-komponenti kollha tal-course għal Reġistrazzjoni tal-Ewwel Livell (SRN). Għalhekk dan iċ-ċertifikat huwa rikonoxxut mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u per konsegwenza anke minn dawk il-pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea li jirronoxxu r-Reġistrazzjoni Ewropea u/jew Maltija ta’ Infermier tal-Ewwel Livell.

Studenti infermiera li ma jgħaddux mis-sena akkademika

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex l-istudenti infermiera li ma jkunux għaddew mis-sena akkademika u għalhekk ikollhom jirrepetu s-sena jispiċċaw jagħmlu xogħol fl-Isptar fil-vaganzi tas-sajf bla paga meta l-istudenti l-oħrajn li jkunu għaddew jitħallsu? Jista' jgħid għandux student li jkun se jirrepeti għallanqas jagħżel li ma jaħdimx f'dak is-sajf ta' bejn is-sentejn ripetuti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-lista tal-istudenti li jitħallsu mill-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita’ tasal għand dan il-Ministeru mill-Università ta’ Malta. Ghaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Gżira Home — Raġunijiet tal-għeluq ta' dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux se tingħalaq id-dar residenzjali tal-anzjani tal-Gżira? F'każ li se tingħalaq, jista' jagħti r-raġunijiet għala se tingħalaq? Jista' jgħid fejn se jmorru l-anzjani li hemm sal-lum f'din id-dar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 37168.

Djar tal-Anzjani tal-Gvern — waiting list

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hemm anzjani jistennew biex jidħlu fid-djar tal-anzjani tal-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 37169.

Twelid ta' triplets

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ħames snin, kemm kien hemm każijiet ta' twelid ta' triplets? Kemm minn dawn it-trabi jirriżulta li: a) mietu; u b) twieldu b'cerebral palsy?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f'dawn l-aħħar ħames snin (2007-2011), kien hemm 21 każ ta' twelid ta' triplets li minnhom twieldu 63 tarbija. Min dawn il-63 tarbija, waħda kienet still-birth u 4 mietu fl-ewwel xahar tal-ħajja. Erbgħa minn dawn it- triplets huma ikkonfermati li għandhom cerebral palsy .

Orthotic and Prostethic Unit — investigazzjoni minn espert

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ta' inkjesta li sar mill-espert barrani li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ġie mqabbad mill-istess Ministeru , is-sena li għaddiet, sabiex jinvestiga l-operat tal-Orthotic and Prostethic Unit? Jista' jgħid x'ġie implimentat mill-konkluzjonijiet ta' dan ir-rapport ta' inkjesta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-Espert barrani li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien ikkummissjonat biex jagħmel review u mhux inkjesta, tal-Prosthetic u l-Orthotic Unit. Diversi rakkomandazzjonijiet kienu implimentati: · Taħrig u impjieg ta’ Prosthetic/Orthotic Technicians. Dawn ġew imħarrġa kemm barra minn Malta u minn barranin li jiġu hawn. · Żewg Podiatrists bdew xogħol fl-OPU - issa jaħdmu ħames t’jiem fil-ġimgħa, u ieħor darba jew darbtejn. · Bdiet tinżamm dokumentazzjoni fuq il-pazjenti kollha - kemm bil-miktub kif ukoll f'forma elettronika. · Impjieg ta’ Chief Prosthetist/Orthotist li għandu rwol kemm kliniku kif ukoll amministrattiv. · Involviment ta’ tim multidixxiplinarju li jinvolvi Podiatrists, physiotherapists u Occupational Therapists u taħriġ għal dawn in-nies. · Jingħata servizz lill-pazjenti f'Mater Dei u istituzzjonijiet oħra skond il-bżonn. · Stħarrig fuq is-sodisfazzjon tal-pazjenti. · Reviżjoni tal-kuntratti mal-kumpaniji barranin li jagħtu servizz fl-Orthotics u Prosthetics Unit. · Kuntatt regolari ma’ grupp tal-appoġġ tal-pazjenti. Jekk l-Onor. Interpellant qed tirreferi għal rapport ta’ xi inkjesta partikolari, nitloba tidentfika dan ir-rapport.

Dipartiment tas-Saħħa — capacity building exercise

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pożizzjoni ad hoc ġew introdotti mid-Dipartiment tas-Saħħa u li ma kenux ikkontemplati u ppjanati mill-aħħar capacity building exercise li għamel l-istess dipartiment? Liema huma dawn il-pożizzjonijiet? X'inhuma t-terms of references ta' dawn il-pożizzjonijiet? Xi gradi u pagi qed jingħataw dawk magħżula għal dawn il-pożizzjonijiet? X'fringe benefits hemm marbuta ma' dawn il-pożizzjonijiet? Tista tingħata l-informazzjoni għal kull pożizzjoni? Għaliex l-aħħar capacity building exercise ma ħasibx għal dawn il-pożizzjonijiet li ħarġu ftit xhur wara li dan l-eżerċizzju ġie finalizzat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-esiġenzi tas-Servizz huma fluwidi u jinbidlu minn żmien għal żmien, u għaldaqstant huwa inevitabbli li f’Ministeru bħalma hu l-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jkunu mitlub approvazzjoni għal vakanzi b’mod ad hoc. Il-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn il-postijiet u pożizzjonijiet ikunu skont il-Ftehim Kollettiv rilevanti jew kif ikun maqbul mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għall-Finanzi, l-Anzjani u Kura fil-Komunità. Invarjabilment, dawn il-kundizzjonijiet jidhru b’mod trasparenti meta tinħareġ sejħa għall-mili ta’ vakanzi fil-post jew pożizzjoni rilevanti.

tender għal ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnha t-tender għal 11-il ambulanza li ħarġet mid-Dipartiment tal-Kuntratti fl-20 ta' Mejju 2011 u li għalqet fil-12 ta' Lulju 2011 u li ġiet awarded fit-22 ta' Ġunju 2012? Jista' jgħid jekk l-ambulanzi wasslux u ġewx ikkonsenjati lid-Dipartiment tas-Saħħa? Jekk le għaliex? Jekk iva, għaliex mhux jintużaw?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kuntratt kien assenjat fis-7 ta’ Awwissu 2012, bl-ewwel sett ta’ erba’ (4) ambulanzi jiġu kkonsinjati sal-aħħar tas-sena 2012 u bil-konsenja tal-aħħar erba’ (4) ambulanzi tiġi mibgħuta f’Jannar 2013.

Tkabbir ta' tadam għall-ipproċessar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar min liema lokalitajiet huma l-bdiewa li qed ikabru t-tadam għal skop ta' proċessar? Kemm hu n-numru ta' bdiewa, raħal raħal skont ir-raħal li minnhom ġejjin li ikabbru t-tadam? Kif jinqasmu skont l-irħula t-tunellati ta' tadam li ġie proċessat din is-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Studenti li għandhom Diploma in Nursing — infermiera u carers

Question

Jista' l-Ministru jgħid fost is-70 gradwat/gradwata f'Diploma in Nursing li kienu bdew il-kors fl-2009, kemm minnhom huma impjegati bħala infermiera? Kemm minnhom għandhom impjieg fi grad ta' carer?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ingaġġ tal-infermiera jsir abbażi ta’ sejħiet għall-applikazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u li l-persuni ma jiġux ingaġġati abbażi tas-sena partikolari li fiha jkunu ggradwaw. Infurmat li l-identita’ tal-gradwati li qiegħed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, hija informazzjoni li tinsab għand l-Università ta’ Malta u għaldaqstant l-istatistika ma tinsabx għand dan il-Ministeru.

stennija għal operazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir l-operazzjoni li għandu bżonn l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li ilu jistenna żmien twil?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qiegħed taħt il-kura tas-Sur Esposito. Saru kuntatti ma’ dan il-konsulent fejn ġie assigurat li l-intervent kirurġiku li għandhu bżonn din il-persuna ser isirlu kif meħtieġ u f’waqtu. Dati speċifici f’każijiet bħal dawn ma jistgħux jingħataw minħabba urġenzi ta’ każijiet oħra. Huwa ilu fuq il-lista ta’ stennija sa mill-2010 u klassifikat bħala każ li mhuwiex urġenti.

Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' xorb aċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' xorb aċċessiv matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (HAA) u l-Electronic Case Summary (ECS) jirriżulta li fl-ewwel tmin xhur ta’din is-sena ddaħħlu 208 każ minħabba f’xorb eċċessiv fl-Isptar Mater Dei. Dawn il-każijiet jitqassmu fi tliet kategoriji: Kategorija A : Sindromu ta’ dipendenza fuq l-alkoħol, jew stat ta’ ‘withdrawal state’ minħabba li min jkun dipendenti fuq l-alkoħol jkun waqqaf jew naqqas l-ammonti li s-soltu jixrob, jew dawk li jabbużaw mill-alkoħol (ICD-10 codes F10.2, F10.3, F10.1 u F10.9) Kategorija B : Intossikazzjoni ikkawżata mill-alkoħol iżda il-persuna ma kenitx dipendenti fuq l-alkoħol (ICD-10 code F10.0) Kategorija C : Mard tal-fwied attribbwit għall-alkoħol (ICD-10 code K70) Importanti li wiehed jgħid li dawn il-figuri li ġejjin ma jinkludux dawk il-pazjenti li jiġu inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-isptar. NOTA IMPORTANTI: IL-FIGURI HUMA PROVVIŻORJI In-numru ta’ każijiet f’kull kategorija jidhru hawn taħt:

Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' korriment fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' korriment fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? X'kienet ir-raġuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ma tistax tingħata informazzjoni dwar in-numru ta’ persuni li ddaħħlu fl-emerġenza kawża ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta’ din is-sena. Wieħed għandu jkun imgħarraf li fl-Electronic Case Summary/Hospital Activity Analysis System jiġi mniżżel biss dak li l-pazjent ikun qed ibati bih b’konsegwenza tal-inċident bla ma jkun hemm referenza għall-fatt li dan l-inċident ikun seħħ fuq il-post tax-xogħol.