Victim Support Unit — persuni jaħdmu ma' vittmi ta' reati
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt ġewx impjegati persuni sabiex jaħdmu mal-vittmi ta' reati fil-Victim Support Unit? Jekk le, meta se jiġu impjegati u kemm?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Probation u Parole ħa passi skont il-proċeduri tas-Servizz Pubbliku biex ikollu aktar riżorsi umani biex jaqdi l-funzjoni tiegħu, inkluż dik marbuta mal-vittmi ta’ reati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna instabu ħatja tar-reat ta' tentattiv ta' omiċidju volontarju fl-aħħar għaxar snin u x'kienu l-pieni li ngħataw każ b'każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 2002 'il hawn kien hemm 80 persuna li nstabu ħatja ta' attentat ta' omiċidju volontarju. Il-pieni mgħotija kienu jinkludu pieni karċerarji, sentenzi ta' ħabs sospiżi, probation, garanziji u multi.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha u tal-ftehim kollha li saru sa mill-1 ta' Jannar 2000, rigward il-faċilità tal-Fire Fighting ta' Ħal Far?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qiegħed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li sar fis-7 t'April, 2000 li fih deher id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il seduta tat-Tribunal tal-Kunsilli Lokali ġew differiti enbloc a) matul is-sena 2011 u b) matul Jannar, Frar u Marzu 2012?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fl-2011 kien hemm seduta waħda differita mit-Tribunal ta’ Għawdex u 25 seduta differiti mit-Tribunal tal-Lvant. Fl-2012 kien hemm 8 seduti differiti mit-Tribunal ta’ Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accomodation) li fiha kien involut il-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari inkluż l-uffiċjali li marru magħhom? Fejn kienet id-destinazzjoni u minn akkumpanjahom matul l-2011?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Karti tal-Identità l-ġodda jew dawk li jiġu mġedda, ikollhom miktub il-kunsens tad-donatur għall-organi tiegħu u dan in vista wkoll tal-fatt li diġà kien hemm korrispondenza pożittiva f'dan ir-rigward minn naħa tat-Transplant Support Group, mal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kummissarju Elettorali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nigbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31965 fejn ntqal li l-Karti tal-Identita’ ġodda se jinkorporaw fihom ċertifikati diġitali li jippermettu liċ-ċittadin jaċċessa sistemi elettroniċi bis-sigurta’meħtieġa, fosthom dawk relatati mas-saħħa. Għalhekk, ninsab infurmat li, għalkemm miżmuma f’sistemi elettroniċi oħra li, f’dan il-każ, jaqgħu taħt il-qasam tas-saħħa, informazzjoni bħal dik li qed jirreferi għaliha l-Onerovoli Interpellant tista tkun aċċessibbli bil-Karti ta’ Identita’ ġodda permezz ta’ inizjattivi tal-eGovernment u eHealth.
Invista tal-istat u l-perikli li hemm fil-parti tal-bankina fi Triq il-Kbira, San Ġuzepp il-Ħamrun (bejn Triq il-Lunzjata u l-konfini ta' Santa Venera) u wkoll tan-nuqqas ta' azzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun minkejja l-ilmenti li saru u għadhom isiru u n-nies (partikolarment anzjani li waqgħu), jista' l-Ministru jitlob lill-istess kunsill biex fi żmien stipulat jirranġa din il-bankina u fin-nuqqas jistax allura jitlob lil xi entità tal-Gvern Ċentrali tirranġa din il-bankina hi bl-ispejjeż jitħallsu mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Kunsill ser jieħu l-passi meħtieġa sabiex fil-jiem li ġejjin jirranġa temporanjament il-parti tal-bankina konċernata. Infurmat ukoll illi l-Kunsill qiegħed f’taħdidiet mal-Ministeru responsabbli biex Triq il-Kbira isirilha proġett ta’ rijabilitazzjoni li jinkludi il-bankini.
Ħamrun — Triq il-Kbira - nuqqas ta' aċċessibilità fuq il-bankina
Question
Jista' l-Ministru jitlob lill-Pulizija tieħu passi immedjati biex jitneħħa l-periklu li hemm f'parti tal-bankina fi Triq il-Kbira San Ġużepp il-Ħamrun (bejn Triq il-Lunzjata u l-konfini ta' Santa Venera) kaġunat minn bini ta' ċint u tqegħid ta' arbli ta' dawl fuq din il-bankina b'mod li biex tgħaddi mara b'pushchair jew b'xi affarijiet f'idejha, inkella xi ħadd b'wheelchair iridu jinżlu fit-triq b'periklu li jiġu mtajra minn xi vettura? Jista' ukoll jitlob lill-Pulizija biex tordna lis-sid tal-art inkwestjoni jsewwi l-parti tal-bankina li sfrundat (propriju taħt bus stop) minħabba li l-injam li tqeigħed biex jgħatti l-parti li sfrondat qed jinqala' eċċ.?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Kunsill għadda r-rapport dwar l-injam li qed jgħatti drainage inspection box fuq il-bankina lill-Pulizija, fejn din min naħa tagħha dejjem ħadet il-passi meħtieġa. Il-ħajt li nbena fuq il-bankina huwa boundary wall privat ta’ sit ta’ żvilupp li ilu għal dawn l-aħħar snin wieqaf filwaqt li l-arblu huwa tal-Korporazzjoni Enemalta li twaħħal hemm biex jiġu devjati cables tad-dawl li qabel kienu mwaħħla ma' faċċata ta’ bini li twaqqa'. Għalhekk rigward il-bini ta' ċint u l-arblu tad-dawl nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi lill-Ministru kkonċernat.
Ħamrun — Triq il-Kbira - ilemtni dwar l-istat tat-triq
Question
Invista tal-istat u l-perikli li hemm fil-parti ta' Triq il-Kbira San Ġużepp il-Ħamrun (bejn Triq il-Lunzjata u l-konfini ta' Santa Venera) u wkoll tan-nuqqas ta' azzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun minkejja l-ilmenti li saru u għadhom isiru u n-nies (partikolarment dawk tar-residenti u tan-nies li jmorru biex jirkbu t-trasport pubbliku minn fuq bus stop li hemm), jista' l-Ministru jitlob lill-istess kunsill biex fi żmien stipulat jirranġa l-wiċċ tat-triq minħabba l-ilma tax-xita li jinżamm u, fin-nuqqas ta' azzjoni, jista' allura jitlob lil xi entità tal-Gvern Ċentrali tirranġa din il-parti tat-triq hi bl-ispejjeż jitħallsu mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Kunsill Lokali qed jistudja l-possibilità li l-parti tat-triq konċernata tiġi rranġata biex l-ilma tax-xita jiġi iddevjat lejn culvert eżistenti fil-viċinanza.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-priġunier li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qiegħed jinżamm ġewwa Division XII, għadu qed jinżamm ġewwa ċella li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament meta din iċ-ċella hija waħda kundannata peress li mhemmx il-livell ta' igene u mhix fi stat ta' riparazzjoni kif inhu mitlub skont id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċella li qed jirreferi għaliha qatt ma kienet ikkundannata iżda minħabba li s-sistema tal-ilma tal-kamra tal-banja li tinsab biswietha żviluppat xi ħsarat, il-ħajt kien umda xi ftit u ż-żebgħa tfarfret. Ovvjament din il-ħsara kienet ġiet irranġata.
Nixtieq inżid li l-priġunier li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant kien daħal f'din iċ-ċella fit-13 ta' April 2012 u kien ġie trasferit minn hemm fit-19 ta' April 2012.
Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — tqassim ta' fuljetti u materjal ieħor fid-djar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu fuljetti u materjal ieħor fid-djar matul l-aħħar sitt xhur? Jista' jagħti d-dettalji tal-materjal imqassam fid-djar, x'tip ta' karta intużat, fejn ġie stampat il-materjal, kemm sewa kull fuljett jew materjal li ntbagħat u jekk tqassamx bil-posta jew xi mezz ieħor? Jekk b'mezz ieħor, min qassamhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija jaħdmu fid-Depot fuq traffikar tal-bnedmin? L-istrateġija tal-gvern hija proattiva biżżejjed ħdejn ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif diġa' kelli l-okkażjoni ninforma lill-Kamra, t-Taqsima ta’ kontra l-Vizzji fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, hija l-Iskwadra li tispeċjalizza fuq ir-reati kriminali dwar traffikar ta’ persuni bi skop ta’ esplojtazzjoni sesswali, ta’ impjieg jew għal raġunijiet oħra hekk kif tistabilixxi il-liġi. Din l-iskwadra taħdem mill-qrib ma’ skwadri oħra fi ħdan il-Pulizija hekk kif meħtieġ.
Madankollu, għal aktar speċjalizazzjoni u kordinament fil-ġlieda kontra dawn it-tip ta’ reati, minn Jannar ta’ din is-sena, Spettur minn din it-Taqsima, flimkien ma’ uffiċjali oħra
(team)
ġew moghtija l-inkarigu tal-investigazzjoni ta’ dawn ir-reati.
Ta’ minn jgħid ukoll illi sabiex il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta iżomm ruħu aġġornat ma' dak li jkun qed jiġri f’pajjiżi oħra b’konnessjoni ma’ dan il-fenomenu, membri tal-Korp regolarment jattendu
seminars
u
workshops
kemm f’diversi fora fi ħdan l-Unjoni Ewropea bħal ma huma l-
Frontex
u l-
Council of Europe
kif ukoll dawk organizzati minn pajjiżi individwali. Barra minn hekk uffiċjali fi ħdan il-Pulizija attendew ukoll taħriġ minn esperti ta’ IOM (
Washington
) f’Ġunju 2011 u taħriġ ieħor minn esperti ta’ IOM (Rome) f’ Marzu 2012. L-ewwel taħriġ kien ko-finanzjat mill-Gvern tal-Istati Uniti u l-Gvern Malti, filwaqt li it-tieni wieħed kien finanzjat u organizzata mill-Gvern Malti fil-kuntest ta’ proġett li permezz tiegħu l-IOM qed tagħti support lill-awtoritajiet Maltin fl-implementazzjoni tal-Pjan t’ Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Persuni.
Barra minn dan il-Pulizija Maltija tieħu sehem attiv fil-ġlieda kontra l-kriminalita' internazzjonali inkluż dak ta’ traffikar ta’ persuni, flimkien ma’ pajjiżi oħra, kemm dawk tal-Unjoni Eworpea, fejn il-Pulizija Maltija anke għandha rappreżentant permanenti fil-Kwartieri Ġenerali tal-
EUROPOL
f’
The Hague
, kif ukoll ma' oħrajn permezz tal-
Interpo
l. Ta min jgħid ukoll li uffiċjal fi ħdan il-Pulizija hija membru tal-
Group of Experts on Action against Trafficking in Human Beings
tal-Kunsill tal-Ewropa.
Sabiex tkun ikkordinata l-ħidma internazzjonali, il-Korp tal-Pulizija, għandu wkoll l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, li hu miftuħ erba' u għoxrin siegħa kuljum, inklużi l-Ħdud u ġranet ta’ festi. Dan iservi bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt ma' Pulizija Eworpej oħra fiż-żona Schengen. Barra minn dan, fuq bażi bilaterali, l-Pulizija Maltija għandha wkoll kuntatt u ftehim ta' koperazzjoni ma' diversi pajjiżi oħra barra minn l-Unjoni Eworpea.
Bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern kontra dawn it-tip ta’ reati, s-sena l-oħra kien ġie mwaqqaf
Monitoring Committee
kompost minn esponenti għolja f’diversi Dipartimenti tal-Gvern. Dan il-kumitat ħa ħsieb sabiex jagħmel Pjan ta’ Azzjoni, li ġie pubblikat fuq is-sit tal-Ministeru fl-4 ta’ Ottubru 2011, li jiddentifika l-azzjonijiet neċessarji sabiex il-pajjiż jindirizza l-ġlieda kontra traffikar ta’ persuni b’mod dejjem aktar effettiv. Dan il-pjan jindirizza l-fenomenu permezz ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni, ta’ protezzjoni tal-vittmi kif ukoll ta’ prosekuzzjoni għal dawk li wettqu ir-reat. Il-Pjan ta’ Azzjoni qed jiġi implimentat bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet konċernati, inkluż il-Pulizija li għandhom rwol ċentrali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni.
Jista' l-Ministru jintervjeni u jara x qed iżżomm lill-uffiċjal tal-pulizija nkarigat sabiex tipproċessa l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li qegħda tistenna tarbija u tixtieq tiżżewweġ lill-persuna li d dettalji ukoll qed jingħataw separatament u dan meta presentat id-dokumenti kollha mitluba għal aktar min darba u dan hu każ umanitarju?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet proċessata u t-talba ta' din is-sinjura ġiet milqugħa.
Jista' l-Ministru jindika lokalità b'lokalità liema huma dawk il-kunsilli lokali li daħlu fi ftehim biex jiġu rranġati xi toroq bl-iskema tal-Public Private Partnership u kemm hija s-somma li kull kunsill lokali ntrabat li joħroġ mill-fondi tiegħu għall-istess skop u skont l-istess ftehim?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jara li tistalla lampi ġodda fi triq li għadha kemm inbniet fl-indirizz li d-dettalji daru qed jintbaghtu separatament? Jista' jgħid jekk istallar ta' lampi f'toroq ġodda humiex responsabbiltà tal-Korporazzjoni Enemalta jew tal-kunsilli lokali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-triq imsemmija hija triq li għad trid tingħata r-resurfacing għall-ewwel darba u għaldaqstant trid issir mit-Trasport Malta. L-istess huwa rigward installazjonijiet tad-dawl f’dawn it-toroq, meta jsiru l-ewwel darba dawn isiru mil Korporazzjoni Enemalta. Minn naħa tal-Kunsill, dan diġa nforma lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex jiġu nstallati d-dawl tat-toroq l-ewwel darba.
Kunsill lokali — Public Private Partnership - skema għall-kostruzzjoni ta' toroq
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-kunsilli lokali li pparteċipaw fl-iskema tal-Public Private Partnership għall-kostruzzjoni tat-toroq? Fil-kaz tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, liema kienu t-toroq li ġew identifikati li jridu jsiru permezz ta' din l-iskema? Liema huma t-toroq li diġà saru permezz ta' dan il-ftehim, liema huma t-toroq li qed isir ix-xogħol fihom bħalissa, u liema għad iridu jinbdew? F'kull każ meta saru l-ftehim bejn il-kunsill lokali u l-kuntratturi li ġew magħżula?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Rigward l-ewwel domanda nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33735. Ninsab infurmat illi r-riposta għall-kumplament tad-domanda għadha qed tinġabar u għalhekk se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-attivitajiet li jistgħu jiġu organizzati mill-kumitati amministrattivi, fejn dawn jeżistu? Liema attivitajiet għandhom il-ħtieġa ta' clearance mid-dipartiment għall-Kunsilli lokali biex dawn ikunu jistgħu jsiru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Kumitati Amministrattivi jistgħu jorganizzaw attivitajiet bħal ma jistgħu jagħmlu l-Kunsilli Lokali nfushom, dejjem sakemm jimxu mal-proċeduri u r-regolamenti stabbiliti. Kull deċiżjoni ta' Kumitat Amministrattiv madankollu, teħtieġ ir-ratifika tal-Kunsill Lokali li jagħmel parti minnu qabel jesegwixxi xi deċiżjoni, inkluż li jorganizza xi attivita', kif stipulat f'Artiklu 47 A (9) tal-Liġi dwar Kunsilli Lokali (Kap 363).
Jista' l-Ministru jara li tkun mogħtija wiċċ diċenti Triq Patri M.Sultana il-Kalkara, fejn minkejja li l-appartamenti ġodda huma kollha okkupati, t-triq tinstab fi stat disastruż fejn lanqas dawl tat-triq m'hemm?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi peress li dik il-parti ta' Triq Patri Mattew Sultana għadha qatt ma saret, din għandha taqa' fir-responsabbiltà ta' Trasport Malta. Minkejja dan, il-Kunsill Lokali kellu diversi laqgħat mal-perit inkarigat mix-xogħol ta' din it-triq u ninsab infurmat li x-xogħol għandu jibda dalwaqt.