Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #36455 Sitting 504 2012-10-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Intern

Għawdex — Rabat - Triq Anton Tabone - xogħlijiet mill-kunsilli lokali

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Anton Tabone fir-Rabat, Għawdex in partikolari dik il-parti tat-triq li tinsab qrib il-Knisja ta' Pompej fir-Rabat, Għawdex qed jilmentaw għaliex il-gradi li saru mill-kunsill lokali mhux biżżejjed biex jilqgħu l-ilma u għalhekk meta għamlet ixxita kien hemm kumulu ta' ilma f'dik il-parti tat-triq, u peress li jidher li dawn ix-xogħlijiet saru mill-kunsill lokali, jista' l-Prim Ministru jara li l-gandotti li hemm u l-gradi li hemm fuqhom ikunu biżżejjed biex jilqa l-ilma kollu li jkun hemm f'dik il-parti tat-triq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-gradi li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ma sarux mill-Kunsill Lokali tar-Rabat. It-triq hi waħda arterjali/distributorja u allura ma taqax taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali.
Leg 11 PQ #36456 Sitting 504 2012-10-03 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Intern

Għawdex — Żebbuġ - Triq Sagħtrija - xogħlijiet fuq triq

Question

Peress li r-residenti ta’ triq Sagħtrija, fiż-Żebbuġ, Għawdex qed jilmentaw għaliex parti mit-triq qed iċċedi u fil-parti ta’ fuq tat-triq li tmiss ma' Triq Skapuċċina hemm ukoll ħofra fonda, jista' għalhekk il-Prim Ministru jara li din it-triq tingħata l-attenzjoni meħtieġa mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ li se ssir site visit mill-Perit tal-Kunsill fit-toroq li rreferiet għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #36459 Sitting 504 2012-10-03 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali — accountants u awdituri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-accountants kif ukoll l-awdituri tal-kunsill lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #36638 Sitting 504 2012-10-03 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsill lokali — xiri ta' servizzi u prodotti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali jistgħux jixtru servizz jew prodott mingħand persuni li għandhom kuntratti ma' xi dipartiment tal-gvern, bil-prezz tat-tender tal-gvern, sakemm tali kunsill lokali jħallas hu għas-servizz jew prodott li jixtri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skont Artiklu 39 tal-Liġi dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363) Kunsill Lokali “għandu jagħti b’kuntratt u joħroġ għall-kompetizzjoni kull waħda mill-funzjonijiet mogħtija lilu kemm il-darba dawk il-funzjonijiet ma jkollhomx isiru minn xi wieħed mill-membri tiegħu stess, xi persuna mpjegata skont l-artikoli 52 u 53 jew minn xi Kunsill ieħor li jkun ħareġ jew li jkun se joħroġ il-qadi ta’ dawk il-funzjonijiet għal kompetizzjoni.” Għaldaqstant Kunsilli Lokali ma jistgħux jixtru servizz jew prodott mingħand persuni li għandhom kuntratti ma’ xi dipartimenti tal-Gvern bil-prezz tat- tender tal-Gvern.
Leg 11 PQ #36082 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Ħad-Dingli — serqiet minn karozzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn karozzi privati u/jew self drive rapportati lill-pulizija f'Ħad-Dingli matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-pulizija kellha rapport wieħed ta’ serq minn vetturi f’Ħad Dingli.
Leg 11 PQ #36083 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Ħaż-Żebbuġ — serqiet minn karozzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn karozzi privati u/jew self drive rapportati lill-pulizija f'Ħaż-Żebbuġ matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-pulizija kellha ħames rapporti ta’ serq minn vetturi f’Ħaż-Żebbuġ.
Leg 11 PQ #36084 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Imġarr — serqiet minn karozzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn karozzi privati u/jew self drive rapportati lill-pulizija fl-Imġarr Malta matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-pulizija kellha tlett rapporti ta’ serq minn vetturi fl-Imġarr Malta.
Leg 11 PQ #36085 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Imdina — serqiet minn karozzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn karozzi privati u/jew self drive rapportati lill-pulizija fl-Imdina matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-pulizija kellha rapport wieħed ta’ serq minn vetturi fl-Imdina.
Leg 11 PQ #36086 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Rabat — serqiet minn residenzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn residenzi privati rapportati lill-pulizija fir-Rabat Malta matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-pulizija kellha ħdax ir- rapport ta’ serq minn residenzi fir-Rabat Malta. Minn dawn wieħed kien jikkonċerna oġġetti misruq minn fuq barra tar-residenza u tlieta minn residenzi li ma kienux okkupati.
Leg 11 PQ #36087 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Ħad-Dingli — serqiet minn residenzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn residenzi privati rapportati lill-pulizija f'Ħad-Dingli matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-pulizija kellha żewġ rapporti ta’ serq minn residenzi f’Ħad-Dingi, li wieħed kien jikkonċerna oġġetti misruqa minn fuq barra tar-residenza.
Leg 11 PQ #36225 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

Belt Valletta — tneħħija ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35936 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex l-awtoritajiet ikkonċernati ħadu deċiżjoni biex fil-jiem li għaddew ineħħu aktar minn 35 post ta' parkeġġ miż-żona aktar magħrufa l-Fossa, il-Belt Valletta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35935.
Leg 11 PQ #36343 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Gżira — ilmenti dwar studenti u storbju kkaġunat

Question

Jista' l-Prim Ministru jinvestiga għadd ta’ ilmenti li wasluli mingħand residenti qrib Triq W. Arena c/w Triq E. Bernard, Gżira dwar storbju sa tard bil-lejl (10.30 p.m. u ġieli aktar tard) li ġew rrapurtati mingħajr suċċess lill-pulizija – ikkawżat prinċipalment minħabba night excursions li qed jiġu organizzati għal studenti tal-language school Chamber College li tinsab fil-qrib? Jista' jara x'jista' jsir għax apparti mill-istorbju li qed jikkawżaw dawn l-istudenti f’dawk il-ħinijiet, minkejja li din hija żona purament residenzjali qed ikun hemm ħafna storbju ta’ buses, mini vans u coaches li jiġu biex jieħdu l-istudenti għall-excursions, filwaqt li fid-dawl tal-fatt li l-kulleġġ innifsu allegatament ikun magħluq f’dak il-ħin, ġieli anki jsiru abbużi mill-istudenti u jużaw bħala public convenience il-bibien residenzjali tan-nies fl-inħawi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-pulizija jirriżulta illi kemm il-meeting points għall l-istudenti ta’ l-iskola imsemmija mill-Onorevoli Interpellant minn dan is-sajf kienu ġew mibdula għal fejn il-pixxina nazzjonali u fejn il-pont ta’ Manoel Island. Għaldaqstant it-trasport għall dawn l-istudenti ma baqax jipproċedi sabiex itella jew iniżżel dawn l-istudenti minn fejn din l-iskola. B’hekk l-inkonvenjent li seta’ kien jinħoloq minn dawn l-istudenti, issa spiċċa.
Leg 11 PQ #36400 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli Lokali — dokumenti finanzjarji fuq is-sit elettroniku tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex filwaqt li l-kunsilli lokali għandu jkollhom id-dokumenti finanzjarji kollha aġġornati u mtellgħa fuq is-sit elettroniku tal-gvern lokali, għaliex id-Dipartiment tal-Gvern Lokali m'għandux l-istess informazzjoni għall-Kumitati Reġjonali fuq is-sit elettroniku tiegħ? Għaldaqstant, jista’ jinforma lill-Kamra jekk il-Artikolu 33(m) u (o) tal-Liġi dwar Gvernijiet Lokali humiex fis-seħħ? U jekk iva b’liema avviz sar dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li tali dokumenti jkunu pubblikati fuq is-sit tal-Gvern Lokali li hija www.lc.gov.mt u mhux fuq is-sit tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali li hija www.dlg.gov.mt. Il-kategoriji ta’ rapporti tat-tlett livelli ta’ Gvern Lokali li għandhom jitpoġġew fuq is-sit imsemmi huma r-rapporti ta’ kull tlett xhur, l-estimi annwali, l-pjan ta’ ħidma, r-rapporti amministrattivi u r-rapporti tal-awdituri. Jirriżulta li sa issa l-Kumitat Reġjonali tax-Xlokk biss, minn fost il-ħames Kumitati Reġjonali, li daħħal l-estimi annwali tiegħu għas-sena 2012. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qiegħed f’kuntatt mal-ħames Kumitati Reġjonali dwar dan.
Leg 11 PQ #36439 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Intern

Għawdex — Fontana - Triq San Martin - rranġar ta' triq

Question

Peress li r-residenti ta' Triq San Martin, Fontana, Għawdex qed jilmentaw għaliex it-trejqa li tinsab biswit din it-triq qiegħda fi stat ħażin ħafna speċjalment issa wara li għadda dak l-ilma kollu tax-xita li kellna u peress li l-kunsill lokali tefa' xi żrar iżda dan bl-ilma spiċċa akkumula quddiem il-proprjetajiet li hemm f'din it-trejqa u anke ostakola l-aċċess, jista' l-Prim Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi riżolt billi jingħata wiċċ permanenti u mhux biss jintefa ż-żrar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li Triq San Martin taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali tal-Fontana. Minkejja dan wara l-għargħar ta’ 3 ta’ Settembru 2012 bdiet titieħed azzjoni mill-Ministeru għal Għawdex biex jitneħħa materjal li nġarr mit-trejqa biswit Triq San Martin għal ġo l-għelieqi u diġa ttieħdu prekawzjonijiet biex kemm jista’ jkun ma terġax issir ħsara meta tkun xita qawwija.
Leg 11 PQ #36554 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru tal-Intern

Għassa ta' Raħal Ġdid — surġenti fl-għassa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex l-Għassa ta' Raħal il-Ġdid, it-Tlieta 25 ta' Settembru 2012 filgħodu kienet b'surġent wieħed biss?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi f’kull Għassa prinċipali, kemm dawk tad-Distrett kif ukoll dawk tad-Diviżjoni, kull ħin ikun hemm xogħol Surġent wieħed. Nhar it-Tlieta 25 ta’ Settembru 2012, filgħodu, kien hemm surġent u żewġ kuntistabbli xogħol fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid, kif ukoll surġent u kuntistabbli oħra fl-uffiċju ta’ l-istess Għassa.
Leg 11 PQ #36635 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

San Pawl il-Baħar — Kunsill Lokali - theddid

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' theddid sar fuq il-ħaddiema tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, u dan skont rapport li deher fil-media lokali? Min kien involut f'dan it-theddid, u x'rapporti saru, ukoll jekk minn individwi mhux mill-kunsill lokali, dwar l-istess theddid? X'investigazzjoni għamlet il-pulizija, jekk dan it-theddid ġie rappurtat lill-istess pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-inċident li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant seħħ fit-28 ta’ Settembru 2012. Mill-informazzjoni li kiseb id-Dipartiment għall-Gvern Lokali ġie allegat li f’xi ħin il-kunsillier Raymond Tabone kkonfronta lill-membri tal-istaff tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. L-istaff involut kiteb lid-Direttur għall-Gvern Lokali dwar l-inċident. Infurmat li l-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment qed jistħarreġ il-każ. Intant infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-materja ser tkun ukoll diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Lokali.
Leg 11 PQ #36636 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsill Lokali — tender

Question

Billi kunsill lokali jibdel drastikament il-mod ta' kif suppost titħaddem tender għal servizz li tkun ingħatat a bażi ta' dokument partikulari, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dak il-kunsill ibiddelx il-hteġijiet tat-tender mingħajr ma jerga' joħroġ tender oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant sabiex, jekk hu infurmat b’xi każ jew każi partikolari, jgħaddi l-informazzjoni lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex dan ikun jista’ jistħarreġ.
Leg 11 PQ #36637 Sitting 503 2012-10-02 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli Lokali — għoti ta' direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali jagħmilx xi investigazzjoni dwar l-ammont ta' direct orders li jingħataw minn kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jistħarreġ kull ħaġa li tkun tidher fil-minuti tal-laqgħat u l-iskedi tal-pagamenti tal-kunsilli u li possibilment tista’ tkun irregolari. Dan allura jinkludi wkoll direct orders li jaqbżu l-limitu legali. Intant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex, jekk hu nfurmat b’xi każ jew każi partikolari, u allura qiegħed jalludi għalihom, jgħaddi l-informazzjoni kollha li għandu lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex dan ikun jista’ jistħarreġ.
Leg 11 PQ #558 Sitting 502 2012-10-01 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Intern

Liġi tal-Parole

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f’liema data approssimativa se titħaddem il-Liġi tal-Parole? Għaliex damet daqshekk? Konxju l-gvern illi hemm inmates qed jikkonsidraw li jiftħu proċeduri minħabba li d-drittijiet tagħhom għall-parole ma daħlux fis-seħħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qegħdin fil-proċess li jitwaqqfu l-istrutturi meħtieġa kollha, anke jekk dan jirrikjedi osservanza stretta ta’ proċeduri u regolamenti bażiċi tas-Servizz Pubbliku u allura jieħu ċertu żmien. Naturalment, il-Gvern huwa konxju li priġunier, bħal kull ċittadin ieħor, għandu dritt jirrikorri għar-rimedji kollha miftuħa għalih, sabiex jissalvagwardja dawk id-drittijiet li jħoss li għandu.
Leg 11 PQ #559 Sitting 502 2012-10-01 Written · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — tagħlim edukattiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif se titjib il-kwalità ta’ tagħlim edukattiv fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u kif se jinfirex aktar fost ir-residenti dan it-tagħlim? Kif sa tiżdied il-varjetà ta’ korsijiet offruti? Kemm hu n-numru ta’ inmates li qed jitħejjew għall-‘O’ Levels fil-preżent, u liema huma s-suġġetti offruti? Jista' dan is-servizz jinfirex għas-suġġetti kollha ġeneralment offruti fl-iskejjel sekondarji? Tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b’sena kemm għaddew inmates f’O’ levels u f’liema suġġetti? Fil-YOURS kemm hu mifrux it-tagħlim edukattiv? Jinpenja ruħu l-gvern biex jingħataw aktar finanzi u support mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ biex il-kwalità tat-tagħlim titjieb? Oltre dan x’tip ta’ vocational training qed jingħata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul is-snin imsemmija l-priġunieri ġew imħarġa f’dawn is-suġġetti: Malti Bażiku, Ingliż Bażiku, Ingliż SEC, Matematika Bażika, Empowerment Skills, Matematika SEC, Malti SEC, English MATSEC, Philosophy MATSEC, Computer Studies SEC, Filosofija, Taljan, Taljan SEC, Franċiż SEC, Spanjol Bażiku, Kompjuter Bażiku, Kompjuter Intermedju, Thinking Skills, Studji Soċjali, Kitarra, Arti, Chess, E.C.D.L Core. , Accounts, Culinary Arts, Electrician Licence A, Store Keeping, Basic Sales, Food-handling B, Life Skills, Pottery, Yoga u Beauty Technician Apparti minn dawn il-korsijiet li jiġu offruti ġewwa l-Faċilità, diversi residenti attendew u għadhom jattendu korsijiet barra mill-ħabs, għand l-ETC, l-ITS, l-MCAST u anke l-Università. Fost il-korsijet li attendew/qed jattendu insibu Stone-Masonry and Brick- laying (ETC), Auto Spray-painting (ETC), Furniture Spray-painting (ETC), Woodwork (ETC), Foundation Certificate in Business (MCAST), Foundation Certificate in Hospitality Trades (ITS), Certificate in Food Preparation (ITS), B.A. Anthropology (UoM), B.A. Communications (UoM). L-attendenza medja għal dan il-perjodu u ċ-ċertifikati miksuba kienu hekk: Sena Attendenza Medja Ċertifikati f’ MQF level 3 jew ogħla Suġġetti 2008 55 2 Ingliż, Malti 2009 74 3 Ingliż u Arti 2010 92 5 Accounts, Arti, ECDL Core 2011 93 6 ECDL Core 2012 97* 13 Ingliż, Matematika, Franċiż, ECDL Core, ECDL Advanced, Freight and Shipping * Sa l-aħħar ta’ Ġunju 2012 Minn dawn il-figuri jidher ċar li ġewwa l-Faċilità, qed jiġu offruti firxa wiesgħa ta’ suġġetti, l-attendenza hija sodisfaċenti u hija saħansitra ogħla mill-medja nazzjonali għall-parteċipazzjoni f’korsijiet għall-adulti. Il-kwalità tat-taħriġ ukoll qed titjieb matul iż-żmien kif jixhdu il-figuri taċ-ċertifikati miksuba mir-residenti tal-Faċilità. Apparti dawn iċ-ċertifikati f’livell 3 jew ogħla tal-MQF diversi residenti kisbu ċertifikati fl-ewwel jew it-tieni livell. Mill-2010 ‘l hawn 99 resident kisbu ċertifikati f’dawn il-livelli. Rigward in-numru ta’ studenti li qed jiġu mħarrġa f’korsijiet ta’ livell 3, bħalissa hemm disa’ pero dan ser jiżdied fil-jiem li ġejjin hekk kif il-klassijiet ta’ l-Ingliż, Matematika u Franċiż, (li għadhom kif kisbu suċċess ta’ mija fil-mija fl-eżamijiet tas-SEC) jerġgħu jiftħu. Ġewwa l-Faċilità, kull suġġett li jiġi mgħallem fl-iskejjel sekondarji u anke oħrajn jiġu offruti lir-residenti sakemm ikun hemm domanda għalihom u sakemm ikun prattikabbli. Fil-YOURS ir-residenti ta’ din id-Diviżjoni għandhom klassijiet fl-Ingliż, Malti, Kompjuter, Ċess, Gitarra, Life-Skills u Sport. L-attendenza medja hija ta’ madwar 20. Wieħed irid iżomm f’moħħu pero li ħafna sentenzi hawn ikunu qosra, u b’hekk it- turnover huwa għoli u l-konsistenza fil-gruppi hija baxxa. Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tagħti ħafna sapport lill-iskola tal-Faċilità u dan dejjem qed jiżdied aktar ma’ l-korporazzjoni tinduna kemm l-impenn tar-residenti huwa għoli fil-korsijiet tagħhom li jiġi mixħud minn numru dejjem jiżdied ta' ċertifikati akkwistati. In-numru ta’ residenti li qed jitħajjru għall-korsijiet ta’ l-ETC kemm ġewwa l-Faċilità kif ukoll ġewwa Ħal-Far dejjem qed jiżdied ukoll. Rigward finanzi, il-baġit ta’ l-iskola din is-sena żdied b’10%. Barra minn hekk f’qasir żmien l-iskola ser tibbenifika minn proġett iffinanzjat mill- European Social Fund b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid. Dan il-proġett għandu finanzjament ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro mifrux fuq tlett snin. Dan il-finanzjament akkwistat mill-Unjoni Ewropeja ċertament ser ikollu impatt pożittiv kemm fuq il-kwantita u l-kwalita ta’ l-edukazzjoni offruti ġewwa l-ħabs. Konsegwentament dan għandu jkollu impatt pożittiv fuq il-parteċipazzjoni minn-naħa tar-residenti.