Legislature:
Category:
Reset
Active:

Priġunieri — korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm korsijiet li huma offruti lill-komunità ta' priġunieri f'Malta? Kemm hemm priġunieri li matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u l-ewwel sitt xhur tas-sena 2011 li tħarrġu u ħadu sehem f'dawn il-korsijiet? Jista' jagħti figura ta' kemm kienet il-popolazzjoni ta' priġunieri fl-istess żmien u kemm kien hemm b'kollox persentaġġ ta' priġunieri li kienu qed jipparteċipaw f'dawn il-korsijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 27191 u 27192, ninsab infurmat illi matul is-snin 2009, 2010 u l-ewwel 6 xhur ta’ 2011 il-korsijiet li kienu offruti fil-faċilità kienu dawn li ġejjin: Ninsab infurmat illi fis-snin 2005, 2006, 2007 u 2008 kienu jsiru korsijiet tal-Malti, Ingliż u Matematika, però ma kenitx tinżamm statistika kompjuterizzata ta' dawk li kienu jattendu. Infurmat ukoll illi l-popolazzjoni għall-perijodu mitlub mill-Onorevoli Interpellant kienet is-segwenti. Dec. 2005 294 Dec. 2006 375 Dec. 2007 382 Dec. 2008 444 Dec. 2009 547 Dec. 2010 585 sal-aħħar ta' Ġunju 2011 600 Peress li n-numru tal-priġunieri jvarja minn ħin għall-ieħor, saħansitra anke fl-istess jum, mhux possibbli li jinħareġ persentaġġ tal-parteċipazzjoni f'dawn il-korsijiet.

Popolazzjoni ta' priġunieri fil-ħabsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif hija u kienet maqsuma l-popolazzjoni ta' priġunieri fil-ħabsijiet tagħna matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u l-ewwel sitt xhur tas-sena 2011, jekk wieħed kellu jieħu din il-popolazzjoni fi gruppi ta' bejn 16 u 25, 25 - 35 sena, 36-45 sena, 46 - 55 sena, 56 - 65 sena u 'l fuq minn 65 sena? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm kien hemm nisa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-popolazzjoni ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fis-snin imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet is-segwenti:- Sena Irgiel Nisa 31-Dec-2005 280 14 31-Dec-2006 357 18 31-Dec-2007 352 30 31-Dec-2008 416 28 31-Dec-2009 510 37 31-Dec-2010 548 36 27-Jun-2011 559 41 Infurmat ukoll illi peress li l-popolazzjoni ġewwa l-Faċilità tinbidel kuljum ma tinżamm l-ebda statistika ta’ min ikun il-priġunier li jkun il-ħabs f’ġurnata partikolari. Id- data li tinżamm il-ħabs hija ta’kull priġunier individwali.

Politika ta' konsultazzjoni mal-priġunieri Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux politika ta' konsultazzjoni mal-priġunieri Maltin u jekk allura jsirux surveys biex jaraw xi jridu jbiddlu l-priġunieri f'dak li qed jiġri fil-ħabsijiet tagħna li jaffettwa lilhom b'mod differenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Infurmat li s’issa ma kienx hemm il-prassi li jsiru surveys formali biex priġunieri jesprimu opinjonijiet tagħhom dwar kif jitmexxew l-affarijiet li jolqtu lilhom fil-Faċilità. Infurmat ukoll, madankollu, li jeżistu diversi metodi kif il-priġunieri jwasslu l-ħsibijiet jew ilmenti tagħhom kemm dwar affarijiet personali kif ukoll ġenerali fosthom:- billi jkellmu lid-Direttur jew uffiċjali oħra tal-management; tramite l-Bord tal-Viżitaturi tal-Ħabs, li huwa kostitwit skont ir-Regolamenti tal-Ħabs u li jżomm kuntatt kostanti mal-priġjunieri; jew permezz ta’ diversi għaqdiet voluntarji li għandhom aċċess iżuru l-Faċilita’ u li jitkellmu mal-priġunieri u jwasslu lmenti u suġġerimenti.
Leg 11 PQ #28554 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni mressqa l-Qorti — moħqrija fuq annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti kawża ta' moħqrija fuq l-annimali matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa’ xhur ta din is-sena, l-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 13-il persuna dwar każijiet ta’ moħqrija ta’ annimali.
Leg 11 PQ #28555 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni mressqa l-Qorti — vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti kawża ta' vjolenza domestika matul l-ewwel disa' xhur tas-sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa’ xhur ta din is-sena, l-pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 695 persuna fuq akkużi ta’ vjolenza domestika.
Leg 11 PQ #28556 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni mressqa l-Qorti — vjolenza fuq anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti kawża ta' vjolenza fuq anzjani matul l-ewwel disa' xhur tas-sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, kien hemm 34 persuna li tressqet il-Qorti talli kkaġunat offiża fuq persuni anzjani, ċioe 'l fuq minn 60 sena.
Leg 11 PQ #28557 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni mressqa l-Qorti — abbuż sesswali fuq minorenni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti kawża ta' abbuż sesswali fuq minorenni matul l-ewwel disa' xhur tas-sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa’ xhur ta din is-sena, l-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 22 persuna fuq akkużi ta’ abbuż sesswali fuq persuni minuri.
Leg 11 PQ #28650 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — lista' ta' konsulenzi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W340, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet użawx is-servizzi ta' din il-persuna/kumpanija? Jekk iva, meta, għal liema raġuni u xi ħlasijiet saru?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li ngħata servizz lill-persuna/kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament mill-Ministeru u d-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu.
Leg 11 PQ #28736 Sitting 391 2011-10-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

informazzjoni dwar sekwestru

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' talbiet għal sekwestru li ġew ippreżentati fil-qrati tagħna, xahar b'xahar matul l-2010 u sa Settembru 2011? Kemm minn dawn it-talbiet għal sekwestru ġew aċċettati fil-qrati tagħna matul dan il-perjodu? X'investigazzjoni/riċerka tagħmel jew suppost tagħmel il-Qorti qabel ma tiġi aċċettata/rifjutata tali talbiet għal sekwestru? Kif jiġi garantit li min isiru kontra tiegħu tali mandati ta' sekwestru, fil-fatt ikollu jagħti l-flus mitluba?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif dwar in-numru ta' sekwestri preżentati matul l-2010 u sa Settembru 2011. B’referenza għat-tieni parti dwar kemm ġew aċċettati mill-Qorti ninsab infurmat illi ma tinżammx l-ebda statistika f’dan ir-rigward. Dwar l-aħħar żewġ domandi, din hija materja li tispetta lill-Qorti u l-amministrazzjoni ma tidħolx fiha.

Qrati tal-Maġistrati — kawżi ta' libell

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi ta' libell fil-Qrati tal-Maġistrati kontra l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Billi l-kunjom m'huwiex wieħed rari, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti aktar dettalji dwar l-individwu.

Ħabs għaż-żgħażagħ — first offenders

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet għandna biex nibagħtu liż-żgħażagħ tagħna fihom jekk dawn jeħlu ħabs bħala first offenders? Fejn jintbagħtu bħala bini u xi trattament jingħata b'mod differenti u kif jingħataw għajnuna ħalli ma jaqbdux il-vizzju tal-kriminalità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Priġunieri ta’ taħt l-età ta’ wieħed u għoxrin sena ġeneralment ikunu allokati fil-YOURS (YOUNG OFFENDERS UNIT REHABILITATION SERVICES). Dan isir billi tkun ikkunsidrata il-qagħda ġudizzjarja u legali tagħhom fejn jinżammu il-bogħod minn influenzi ħżiena fil-limiti ta’ prattikabilita'. Priġunieri zgħażagħ ikollhom l-opportunita’ jitgħallmu suġġetti edukattivi u li jibbenefikaw minn taħrig fi snajja kemm fil-Faċilita' kif ukoll f’ xi istituzzjonijiet barra l-faċilità. L-Unita' tal-YOURS għandha għalliema dedikati li jmorru jgħallmu u jħarrġu lill-priġunieri f’din is-sezzjoni. F’din is-sezzjoni hemm ukoll kċina mgħammra b’kull m’hemm bżonn, fejn esperti mill-ITS jagħmlu korsijiet sħaħ biex b’hekk min jispiċċa b’suċċess dawn il-korsijiet jingħata ċertifikat. Dan iservi biex, kif diġa ġara ma' uħud, ikunu jistgħu jkomplu b’aktar korsijiet wara li jtemmu ż-żmien tagħhom il-ħabs, jew jagħmilha aktar faċli biex isibu impjieg. Hemm ukoll arranġament mal-ETC. Permezz ta’ dan jiġu offruti korsijiet tal-kompjuter u oħrajn, kemm fil-faċilità kif ukoll barra mill-faċilità. Hemm ukoll il-fakultà tal- leave għal tul ta’ żmien, hekk kif stipulat mil-liġi, sabiex priġunieri żgħażagħ ikunu jistgħu jgħaddu parti jew iż-żmien kollu tal-priġunierija tagħhom f’ istituzzjoni ta’ tagħlim jew taħriġ, fejn dawn iwasslu wkoll għal ksib ta’ ċertifikati jew impjieg wara li jtemmu iż-żmien tagħhom fil-Faċilita’. Matul iż-żmien il-faċilità dejjem offriet possibiltajiet sabiex wieħed ikun jista jirriforma ruħu. Il-liġi l-ġdida dwar il-Ġustizzja Riparatriċi se tkompli fuq din il-linja billi toffri aktar opportunitajiet u inċentivi għar-riforma tal-persuna. Ta’ min wieħed jgħid li din il-liġi tinkludi provvedimenti speċjali dwar iż-żgħażagħ u first time offenders , billi dawn ser ikollom il-possibilità li joħorġu fuq parowl iktar kmieni. Fl-aħħar, irid jingħad li qed issir ukoll riforma fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li tinkludi l-ħatra ta’ manager responsabbli mill-kura u r-reintegrazzjoni, kif ukoll ta’ education coordinator responsabbli mill-amministrazzjoni tal-edukazzjoni u taħriġ fil-ħabs.
Leg 11 PQ #27734 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Protezzjoni Ċivili — overtime ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħarġu l-flus tal-overtime tal-ħaddiema li ilhom ma jieħdu dan id-dritt tagħhom għal aktar minn seba' xhur fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jħallas l-overtime regolarment ma' kull salarju u hekk qiegħed jagħmel. Infurmat ukoll però, li meta jkun hemm overtime marbut ma' xi xogħol jew inċident eċċezzjonali, dan jieħu aktar żmien biex ikun ipproċessat u għalhekk idum aktar biex jitħallas. Ninsab infurmat illi m'hemmx ħlas għal overtime pendenti.
Leg 11 PQ #27822 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

liċenzja ta' security

Question

Jista' l-Ministru jara li titmexxa t-talba ta' Sinjur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li qed jistenna biex tinħareġ il-liċenzja ta' security , għax minkejja li għadda ż-żmien xorta għadu ma rceviex din il-liċenzja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet saret mal-Pulizija nhar is-27 ta’ Ġunju. Peress li l-liġi tirrikjedi illi jingħata avviż fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ dawn l-applikazzjoni, din ġiet hekk pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-5 ta’ Lulju. Il-ligi wkoll tenħtieġ li jingħata xahar għal min ikun irid jagħmel xi oġġezzjoni, liema perijodu skada fil-5 ta’ Awwissu. Sat-8 ta’ Awissu l-applikazzjoni kienet ipproċessata u l-liċenzja setgħet tinġabar. Filfatt l-applikant mar ġabar il-liċenzja nhar il-11 ta’ Awissu 2011.
Leg 11 PQ #27853 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — infiq fi fuel

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ kemm intnefaq fi fuel fid-dekasteri kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu minn Marzu 2008 sa Awwissu 2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Rigward l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u 2010 nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 5124, 14054 u 23488. Qed inqiegħed fuq il Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għas-sena 2011.
Leg 11 PQ #28027 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Privatizzazzjoni tal-Faċilita' tas-Super Yachts

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-investigazzjoni tal-pulizija dwar il-kaz tal-privatizazzjoni tal-facilità tas-super yachts?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ ġiet konkluża u anke nbdew proċeduri kriminali kontra persuna.
Leg 11 PQ #28239 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Liġi tad-Divorzju

Question

Peress li issa l-Ligi tad-Divorzju dalwaqt ser tidhol fis-seħħ u allura dalwaqt ser ikun hemm proċeduri ta'divorzju, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex il-qrati, il-gudikatura, l-avukati u dawk kollha konċernati jkunu jistghu joperaw? Inoltre, jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser jigi kumpilat elenku uffiċjali ta' ismijiet u indirizz ta' persuni kwalifikati biex joffru għajnuna fil-proċess ta' rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewwġin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ttieħdu diversi passi sabiex il-partijiet kollha nvoluti fit-tħaddim tal-Liġi tad-Divorzju jkunu mħejjija għad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Liġi. Ninsab infurmat li saru sessjonijiet ta’ taħriġ lill-uffiċjali nkarigati mir-Reġistru tal-Qorti tal-Familja li tmexxew mid-Direttorat tal-Qrati Ċivili; laqgħat mill-Amministrazzjoni tal-Qorti mal-Unur Tiegħu l-Prim Imħallef kif ukoll mal-Imħallfin li jippresjedu l-Qorti tal-Familja; sessjoni ta’ informazzjoni mal-medjaturi, fejn l-avukat tal-Qorti spjega l-prinċipji bażilari tal-liġi u anke elenka l-proċeduri li jridu jiġu adoperati mill-medjaturi in vista tal-liġi tad-divorzju, waqt li ttiehdu passi biex jizdied in-numru ta’ siegħat ta’ servizz mogħti mill-medjaturi sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ kull eventwali żieda fix-xogħol li tista ġġib magħha l-Liġi; laqgħat mal-aġenzija li tipprovdi t-teknoloġija tal-informatika lill-Qrati sabiex il-programm komputerizzat eżisteni jiġi aġġornat b’tali mod li l-kawżi/rikorsi li jidħlu bħala parti mill-proċedura ta’ divorzju jibdew jiġu reġistrati u tinżamm statistika aġġornata. Infurmat ukoll li l-elenku uffiċjali ta’ ismijiet u ndirizzi ta’ persuni kwalifikati biex joffru għajnuna fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin qed jiġi kkompilat.
Leg 11 PQ #28311 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

twaqqif ta' union tal-pulizija

Question

Tenut kont li l-gvern ta' commitment fil-Parlament li sal-ewwel tliet xhur tas-sena kurrenti kienet se titwaqqaf union tal-pulizija, b'poteri li ma jinkludux id-dritt ta' strajk fost oħrajn, jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-gvern milli jwettaq il-wegħda tiegħu tenut kont li wasalna fl-aħħar tliet xhur tas-sena kurrenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nirriferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Interpellanzi numri 15127 u19726 u ngħarrfu li l-proċess sabiex jiġu stabbiliti l-parameteri adegwati għat-twaqqif ta’ union għall-membri tal-Korp tal-Pulizija qiegħed fl-aħħar stadji tiegħu u diġà tressaq l-ewwel qari għall-emendi neċessarji.
Leg 11 PQ #28600 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Birżebbuġa — mużika għolja minn bar

Question

Jista' l-Ministru jispjega għala rapporti ta' sikwit li jsiru dwar il-volum għoli ta' mużika li toħroġ minn bar f'Birżebbuġa li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, mhux qed iwasslu għal azzjoni mill-Pulizija? Jista' jgħid x'passi fil-fatt ittieħdu wara d-diversi rapporti li saru, jekk fil-fatt ittieħdu passi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kull meta rriżulta li kien hemm xi ksur ta’ liġi fl-istabbiliment imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija ħadet passi meħtieġa. Fil-fatt infurmat ukoll illi bħalissa hemm diversi kawżi pendenti quddiem il-Qorti kontra sid dan l-istess stabbiliment.
Leg 11 PQ #28602 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

tneħħija ta' air conditioners mill-karozzi tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li ċertu tip ta' karozzi li nxtraw bl-air conditioner b'kollox, wara li ġew delivered f' xi sezzjonijiet tal-Pulizija, ġew mibgħuta fil-garaxx tal-Pulizija u l-gass ta' dawn l-air conditioners tneħħa sabiex ma jkunx jista' jaħdem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi hija policy amministrattiva tal-Korp tal-Pulizija, illi vetturi li jintużaw primarjament fuq patrol, ma jkunux mgħammra bl-arja kondizzjonata. Dan minħabba li l-vettura jkollha tinżamm bit-twieqi magħluqa, dan itellef mis-smiegħ tal-Pulizija minn dak li jkun qed iseħħ fil-madwar barra mill-vettura. Din il-miżura hija speċifikament intiża biex il-Pulizija li jkunu assenjati biex jagħmlu ronda, ikunu dejjem aktar attenti u viġilanti għal dak kollu li jkun qed iseħħ barra mill-vettura. Wieħed jista’ jifhem li din il-miżura mhix waħda popolari, imma din titieħed sabiex jingħata l-aħjar servizz fl-interess pubbliku.
Leg 11 PQ #28620 Sitting 390 2011-10-10 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Flotta tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-flotta tal-pulizija bejn karozzi, muturi u vetturi oħra u kif hi fil-fatt imqassma din il-flotta ta' vetturi li għandha l-pulizija? Kif qegħdin imqassmin dawn il-karozzi, muturi u vetturi oħra fid-diversi sezzjonijiet tal-pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent il-Korp tal-Pulizija jagħmel użu minn 251 vettura u 65 mutur. Dawn jiġu assenjati skont il-ħtiġijiet li jkollhom id-diversi Taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija, minn żmien għal żmien.