Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaż-Żebbuġ — Triq Ħal Mula kantuniera ma’ Triq Mamo - Miżuri ta’ traffic calming

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jitwaħħlu aktar traffic calming measures fi Triq Ħal Mula, kantuniera ma’ Triq Mamo, f’Ħaż-Żebbuġ minħabba sewqan eċċessiv, bħal mirja u tabelli li juru l-limitu ta’ veloċità?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandha l-ebda applikazzjoni pendenti għal ‘traffic calming measures’ fit-toroq msemmija f’Ħaż-Żebbuġ, Malta. In oltre, Transport Malta ser tkun qed tikkuntattja lill-Kunsill Lokali konċernat, sabiex skont in-neċessità jkunu jistgħu japplikaw għall-miżuri neċessarji.

Pietà – Pjazza quddiem l-Isptar San Luqa – Xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jelenka fid-dettall fiex kien jikkonsisti u kemm ġie jiswa x-xogħol fil-pjazza ta’ quddiem l-Isptar San Luqa fil-Pietà? Jista’ jgħid jekk dan il-proġett huwiex konkluż u jekk le x’fadal isir u meta se jsir? Jista’ jgħid ukoll għaliex illum din il-Pjazza hija fi stat ta’ abbandun?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Xatt tal-Kalkara — Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tax-Xatt tal-Kalkara? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-proġett huwiex ser jintemm kompletament sal-aħħar ta’ din is-sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8275.

Applikazzjoni għal reserved parking tad-diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal reserved parking tad-diżabilità tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament peress li din l-applikazzjoni ilha pendenti ħafna xhur? Jista’ xi ħadd mill-entità responsabbli jagħmel kuntatt mal-applikanta u tal-inqas jinfurmaha fiex waslet l-applikazzjoni tagħha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għamlet kuntatt mal-persuna li isimha ntbagħat separatament u ġiet infurmata li l-applikazzjoni tagħha ġiet ipproċessata u approvata u fil-jiem li ġejjin ser isir ix-xogħol għall-parkeġġ riservat.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — impjegati minn ħaddiema ta' Aġenziji tax-Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10553 u 11843 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10178 u jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-Gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li qed titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Toroq Ġodda li reġgħu nfetħu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11918 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta’ kemm-il triq ġdida li saret f’dawn l-aħħar għaxar snin kellha terġa’ tinfetaħ għal xi raġuni jew oħra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa kumpless biex wieħed jestrapola din l-informazzjoni peress li d-‘data’ tal-permessi tinkorpora bosta interventi li jvarjaw minn kostruzzjoni ta’ triq totalment ġdida jiġifieri li kienet għalqa u saret triq, jew triq li reġgħet ġiet asfaltata sa trinka privata għal servizz ġdid tad-drenaġġ jew servizz tal-ilma. Aktar minn hekk, minħabba l-perjodu estiż kif indikat (cioe’ għaxar snin) huwa ferm aktar kumpless biex testrapola d-‘data’ mitluba. Għalhekk, jekk l-Onorevoli Interpellant ikun speċifiku għal triq jew toroq partikolari, Transport Malta tkun tista’ tagħti tali informazzjoni li għandha.

Lokalitajiet bi skema ta’ parking għar-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet li għandhom skema ta’ parking għar-residenti? Tista’ lokalità tibbenefika minn skema simili?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-lokalitajiet li għandhom skema ta’ parking għar-residenti jinsabu fil-Liġi Sussidjarja 363.80, li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Bħalissa l-applikazzjonijiet qegħdin temporanjament sospiżi.

Lokalitajiet bi skema ta’ parking għal ħin limitat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet li għandhom skema ta’ parking għal ħin limitat? Tista’ lokalità tibbenefika minn skema simili?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12205.

Gżira — Triq Manoel De Vilhena – Kuntratt għax-xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Manoel De Vilhena, il-Gżira, huwiex wieħed pubbliku u jekk iva jista’ jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann – tiswijiet taċ-ċangatura

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7954 u 9172, jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq San Ġwann fil-Belt, fil-parti bejn Triq ir-Repubblika u Strada Stretta hiex se tiġi rranġata malajr kemm jista’ jkun?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt il-każ lill-entitajiet kkonċernati biex issir evalwazzjoni ta' x'hemm bżonn isir u jiġi ppreparat intervent neċessarju.

Ħal Qormi – Triq il-Bonċ — Ilmenti

Question

Peress li kien hemm numru ta’ lmenti mingħand residenti Qriema dwar l-istat ħażin ta’ Triq il-Bonċ, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din it-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11674.

San Pawl il-Baħar – Tneħħija ta’ bagi permezz ta’ mariners’ notice

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li permezz ta' mariners’ notice ħarġet ordni biex jitneħħew il-bagi li kien hemm qrib il-pitch tal-Waterpolo tas-Sirens, f'San Pawl il-Baħar, kif ukoll qed jiġu avżati ħinijiet li fihom għandu jkun hemm il-moll tal-Fekruna bla ebda użu mid-dgħajjes privati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba xogħlijiet li qegħdin isiru attwalment u peress li eventwalment il-‘breakwater’ il-qadim ta’ Buġibba ser jitwaqqa’ sabiex jinbidel b’ieħor ġdid ftit il-barra minnu, l-operat tad-dgħajjes kummerċjali li jsorġu u jaħdmu minn fuq il-‘breakwater’ se jiġi trasferit għal fuq il-moll pubbliku biswit il-Pixxina tas-Sirens. Għaldaqstant, trid tinħoloq ‘fairway’ biex dawk id-dgħajjes kummerċjali ta’ ċertu daqs ikunu jistgħu jersqu mal-istess moll b’mod sigur. Il-bagi li hemm fiż-żona indikata għall-‘fairway’ se jitneħħew temporanjament fl-interess tas-sigurtà tan-navigazzjoni. Fir-rigward tal-moll tal-Fekruna, dan ukoll se jintuża minn dawn l-istess dgħajjes kummerċjali kemm fl-operat kif ukoll sabiex jingħataw servizzi relatati mal-operat. Dan se jsir fil-ħinijiet stipulati hekk kif maħruġa fin-Notice to Mariners 85 tas-sena 2023.

Il-Mosta — Triq Stivala u Triq Sant Anna - Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati inċidenti tat-traffiku fil-kantuniera bejn Triq Stivala u Triq Sant’ Anna, fil-Mosta, sa minn meta nbidlet id-direzzjoni tat-traffiku fi Triq il-Kungress Ewkaristiku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Vjal il-Kottoner – Siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt ix-xogħlijiet li saru aktar kmieni din is-sena fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa f'Ħal Luqa u Vjal il-Kottonera fil-Fgura tneħħewx xi siġar? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dawn tqaċċtux jew inkella ġewx rilokati għal post alternattiv?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Vjal il-Kottoner, fil-Fgura, għadhom ma bdewx. Dawn huma ppjanati li jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Waqt xogħlijiet fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa f’Ħal Luqa, tneħħew numru ta’ siġar skond il-permess tal-ERA EP1036/21. Dawn is-siġar, li setgħu jiġu rilokati, ġew rilokati skond dan il-permess.

Imtarfa – Triq in-Narċis — Tiswija ta’ asfaltar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8207, anke f’każ illi l-ħsara mhijiex kaġun tax-xogħlijiet li saru minn Infrastructure Malta, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi u jitranġa l-livell tat-triq sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ ħafna residenti fi Triq in-Narċis fl-Imtarfa, li ilhom jilmentaw bil-ħsarat kbar li qed isofru fil-garaxxijiet tagħhom kaġun tal-ilma tax-xita?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7585.

Iż-Żejtun — lista ta’ linji sofor u/jew parkeġġi riservati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11070, jista' l-Ministru jispeċifika kull wieħed mill-permessi ta' linji/parkeġġi u quddiem liema bieb/garaxx huwa maħruġ il-permess sabiex isir?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-lista segwenti ta’ linji sofor / parkeġġi riservati li jinkludu parkeġġi għal dawk li għandhom il-badge il-blu flimkien mal-ispazji riservati għat-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija, preżentament approvati minn Transport Malta fit-toroq imsemmija. Triq Linji Sofor Parkeġġi Riservati Triq id-Duluri 1 3 Triq Santu Wistin 2 Xejn Triq il-Qalb ta' Ġesu Xejn 1 Triq Mikiel Cachia Xejn 1 Triq Dun Spir Grixti 1 1 Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant għat-termini tal-Kap. 586 – Att Dwar il-Protezzjoni u l- Privatezza tad-Data.

Rabat, Għawdex — Uffiċċju tal-Malta Public Transport ġewwa il-Bus Terminus

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-uffiċċju tal-Malta Public Transport ġewwa l-Bus Terminus fir-Rabat, Għawdex huwiex magħluq? Jekk iva, x'inhi r-raġuni u meta ser jerġa’ jinfetaħ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7852 fejn ġie spjegat kif l-operat tal-uffiċċju msemmi ġie mifrux f'aktar lokalitajiet hekk kif is-servizzi pprovduti minn dak l-uffiċċju issa qed jingħataw b'mezzi differenti. Dan sar biex il-pubbliku jkun moqdi aħjar bis-servizzi jkunu ferm aktar aċċessibbli.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — impjegati minn ħaddiema ta' Aġenziji tax-Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10553 u cjoe`: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10178 u jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-Gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li qed titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.