Legislature:
Category:
Reset
Active:

Occupational Therapists u Physiotherapists - Uniformijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jinbidlu l-uniformijiet tal-Occupational Therapists u Physiotherapists wara dawk li ngħataw fl-aħħar sena, peress li ġie rrappurtat li huma ta’ kwalità inferjuri?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-PQ 34125.

Rabat, Għawdex - Ċentru tas-Saħħa - Ħinijiet tal-ftuħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33101, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid f’liema xahar tas-sena 2026 huwa ppjanat li ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Għawdex, jinfetaħ għal iktar sigħat matul il-ġurnata kif ġie mħabbar fl-aħħar baġit?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li aktar informazzjoni titħabbar fil-ħin propizju.

Social workers - Sejħiet għall-applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva m’għadux joħroġ sejħiet għall-applikazzjonijiet għal social workers biex jaħdmu fl-oqsma tas-saħħa? Jekk hu hekk, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għal dan?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 33855.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34157 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.    ammont totali tal-infiq?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Faċilità San Vinċenz de Paule - Gwardjan tas-sigurtà - Rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport sar fil-konfront tal-gwardjan tas-sigurtà li jaħdem fil-Faċilità San Vinċenz de Paule li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li qed ikollu ħafna inċidenti kemm mal-istaff kif ukoll mal-familjari tar-residenti fl-istess faċilità? Jista’ jgħid ukoll x’investigazzjoni saret fuq dawn ir-rapporti u x’azzjonijiet ittieħdu jew ser jittieħdu fil-konfront ta’ din il-persuna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija kienet impjegata ta’ kumpanija tas-sigurtà li kienet qed tipprovdi s-servizz fil-Faċilità San Vinċenz de Paul u nista’ nikkonferma li llum il-ġurnata m’għadhiex taħdem hemmhekk.

Ir-Rabat - Ċentru tas-Saħħa - Rinnovazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa r-rinnovazzjoni taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat u jagħti lista tax-xogħlijiet li saru?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni li saru fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat kienu jikkonsistu minn xogħlijiet strutturali u ta’ infrastruttura ġenerali. Dan ix-xogħol inkluda wkoll it-tibdil u l-installazzjoni ta’ apertura ġodda u xogħlijiet tal-aluminium; xogħol ta’ elettriku u plumbing; l-instalazzjoni ta’ sistema HVAC, li tinkorpora tisħin, ventilazzjoni u arja kkundizzjonata; l-instalazzjoni ta’ generator; l-instalazzjoni ta’ sistema ta’ sigurtà li tinkludi intruder alarm u fire fighting; l-installazzjoni ta’ network u sistema RFID; l-instalazzjoni ta’ oxygen outlets; it-tqegħid ta’ madum u vinyl flooring; għamara ġdida u tagħmir mediku, kif ukoll s-servizzi ta’ project management, trasport, kiri ta’ skips u xogħlijiet relatati ma’ tindif u rimi ta’ skart. Infurmat li n-nefqa totali għal dan l-investiment importanti sabiex jipprovdi servizz ta’ kura primarja f’din iż-żona kienet tammonta madwar €624,000.

Sptar Ġenerali t’Għawdex - Klinika għall-kimoterapija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema area qed tiġi ppreparata l-klinika biex tingħata l-kimoterapija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-kimoterapija tingħata mill-Chemo Lounge fi ħdan id-Day Ward. L-estensjoni ser issir fl-istess Chemo Lounge sabiex tippermetti infużjonijiet li jdumu aktar minn ġurnata u b’hekk il-pazjenti jkunu jistgħu jibqgħu rikoverati fis-sala għall-jiem kollha tat-trattament.

Għawdex - Kimoterapija - Taħriġ għal spiżjara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bediex taħriġ għal spiżjara f’Għawdex li ser ikunu involuti f’riċetti ta’ kimoterapija meta jinfetaħ is-servizz f’Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li diġà hemm professjonisti mħarrġa fit-taħlit tal-kimoterapija. Madankollu, aktar ’il quddiem se jerġa’ jsir taħriġ adattat skont il-proċessi li ser ikunu fis-seħħ fl-ispiżerija l-ġdida tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Sptar Ġenerali t’Għawdex - Kimoterapija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser tibda tingħata kimoterapija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, u jekk iva, meta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kimoterapija diġà tingħata ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, iżda bl-introduzzjoni tas-servizzi tad-drones, se jiżdiedu 11-il tip ta’ trattamenti ġodda li jingħataw ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Puttinu Cares - Binja ġdida - Kuntratt ta’ servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kuntratt ta’ servizzi li ser ikunu qegħdin jingħataw mill-Ministeru tas-Saħħa lill-binja l-ġdida ta’ Puttinu Cares, u jekk iva, x’servizzi huma?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li f’dan il-mument, ma hemm l-ebda kuntratt ta’ servizzi bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, u l-binja l-ġdida ta’ Puttinu Cares.

Newly diagnosed diabetics - Magni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-magni għal newly diagnosed diabetics (bidu u nofs Frar) ma humiex disponibbli u għandhom stennija ta’ tliet ġimgħat, meta dawn iridu jiċċekkjaw iz-zokkor sa tliet darbiet kuljum biex jingħataw trattament xieraq?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-magni li qed jagħmel referenza għalihom l-Onor. Interpellant, kienu u għadhom disponoibbli.

L-Isptar Mater Dei - SAMOC - Ilma dieħel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħditx azzjoni rigward ilma li jidher dieħel minn tieqa u mill-ġebel tal-madwar fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC) kif jidher fir-ritratt mehmuż? Jista’ jgħid ukoll x’kienet ir-raġuni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li azzjoni diġà ittieħdet rigward it-tebgħa tal-ilma madwar it-tieqa kif indikat mill-Onor. Interpellant. Infurmat li l-kawża kienet li xi ilma tax-xita daħal minn xaqq bejn l-art u ċint tal-bejt.  Ix-xaqq li kkawża dan, ġie mblokkat u qed issir xogħol biex il-“water proofing” f’dik il-parti tal-bejt tiġi rranġata.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Impjegati b’diżabilità - Parkeġġi riservati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm parkeġġi riservati għall-impjegati b’diżabilità fi ħdan il-Ministeru tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmata li fi ħdan il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, inklużi d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, hemm total ta’ 76 parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilità.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva - Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Public Health Laboratory - Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn ġew trasferiti l-impjegati li kienu għadhom jaħdmu fil-Public Health Laboratory fl-Evans Building, il-Belt Valletta, sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 34283.

Public Health Laboratory - Servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn ser jibda jopera l-Public Health Laboratory ġaladarba kien hemm ordni ta' żgumbrament mill-Evans Building fil-Belt Valletta? Jista' jgħid ukoll jekk is-servizz li kien jagħti dan il-laboratorju huwiex ser jibqa' jingħata?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellat għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 34283, infurmat ukoll li l-Laboratorju tas-Saħħa Pubblika jista jkompli jipprovdi s-servizzi tiegħu,permezz ta outsourcing ta’ testijiet.